Illum previous editions

ILLUM 26 April 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1240941

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 27

19 letteratura illum • IL-ĦADD 26 TA' APRIL 2020 Fil-paġna letterarja ta' din il-ġimgħa, Kevin Saliba jirrifletti dwar il-ktieb tal-filosofija Sejjieħ il-Ħsieb ta' John Baldacchino. Il-kummentarju jitlaq minn xrara mill-ġenesi tal-Ktieb tal-Filosofija f'Malta ta' Mark Montebello – sewwasew daqs tnejn u għoxrin sena – li mbagħad tibqa' għaddeja tnemnem sa ma tasal, issa mill-ġdid imħeġġa, biswit il-ħitan tas-sejjieħ ta' Baldacchino. Saliba hemmhekk jisma' s-sejħa ta' Edmund Husserl tħabbar il-qtugħ ir-ras tal-filosofija filwaqt illi f'Baldacchino jagħraf il-bojja tal-pożitiviżmu. Jifraħ. Jagħraf ukoll il-mogħdijiet li qabad tul is-snin fi triqtu fil-filosofija. Jingħad li waħda minnhom ġieli wasslet sal-fran t'Auschwitz u ta' Birkenau. Saliba jippilla u jfakkar f'mara Lhudija. "sabiex koxjenza jkollha l-ħila timmaġina [...] jenħtieġ li din tkun ħielsa". Mil-"limitu" konjittiv tiegħu Baldacchino allura jibni, ġebla fuq ġebla matul 148 taqsima, il-ħitan tas-sejjieħ tal-ħsieb tiegħu sabiex bħal Nietzsche "jikseb il-ħelsien li joħloq mill- ġdid". Dan jagħmlu permezz ta' approche philosophique li Michel Foucault kien iddeskrivieh bħala "kritika prattika li tieħu s-sura ta' trasgressjoni possibbli". Xi it bħal Georges Bataille – filosofu trasgressiv xejn inqas – Baldacchino jimraħ ukoll slistu u ħieles fl-immaġinarju uman mentri jossospendi l-limiti tat-tabù u tal-ordni, għad illi jagħmel dan mingħajr ma jiksirhom u jkissirhom għalkollox. Stilistika u spirtu kontinentali Difatti hawnhekk l-awtur ma jżommx lura milli jsellem lill-ħassieba analitiċi, tant illi ġieli wkoll jidħol f 'kollokji magħhom. Hu x'inhu, fil-fehma tiegħi dan it-test ta' Baldacchino ma jistax jitqies bħala pont rikonċiljatorju bejn iż-żewġ tradizzjonijiet spiss rivali bħal xi Richard Rorty. Dan għax forsi wkoll bħal Bataille dan il-filosfu Malti – għad illi bil-mod tiegħu – għandu l-intenzjoni ardita li jasserixxi l-possibbli fl-impossibbli. U għaldaqstant jemmen ukoll, bħal Karl Jaspers fl-Philosophische Autobiographie (Awtobijografija Filosofika), fl-"insuffiċjenza tar-raġuni fejn jidħlu mistoqsijiet filosofiċi fundamentali". Bħal Jaspers ukoll f 'dan il-ktieb Baldacchino donnu jrid jgħaddilna l-messaġġ li "sabiex nidħlu fil-qasam tal-oriġini, irridu nużaw għamla ta' ħsieb li ta' sikwit donnha hija impossibbli". F'Sejjieħ il-Ħsieb din l-istilistika kontinentali tkompli titwettaq permezz ta' narrattiva poetiko-aforistika mnebbħa minn bosta testi letterarji u filosofiċi ewlwnin, fosthom Minima Moralia ta' eodor Adorno, Tractatus logico-philosophicus (Trattat Filosofiku Loġiku) ta' Ludwig Wittgenstein, Livro do Desassossego (Ktieb it-Tikdid) ta' Fernando Pessoa, Apofeoz Bespochvennosti (L-Apoteożi tal-Prekarjetà/ Il-Ħwejjeġ Kollha Possibbli) ta' Lev Shestov, Also sprach Zarathustra (Hekka Tħaddet Zarathustra) ta' Friedrich Nietzsche u La noche oscura del alma (Il-Lejl Mudlam tar- Ruħ) ta' San Ġwann tas-Salib. "Nafu sew li anke fl-aktar dlam imdallam ta' mewt bħal f 'Auschwitz, ma nistgħu qatt nieqfu milli niktbu l-poeżija", jirrimarka Baldacchino. F'dan l-ispirtu tana wkoll għadd ta' vrus poetiċi mqanqla kontra l-atroċitajiet ħorox illi seħħu f 'Auschwitz u f 'Birkenau: Ir-raġuni għamlet ħnieżer mill-bnedmin / li b'kalkolu preċiż qatlu / kemm sabu Lhud, Pollakki w Roma, / omosesswali u Komunisti / – fil- fran ta' Auschwitz u Birkenau". Il-kwistjoni Heidegger u l-mara Lhudija Huwa proprju hawnhekk – "fil-fran ta' Auschwitz u Birkenau" – fejn inħoss illi għandi nressaq tikka kritika. Qabelxejn m'għandi xejn għajr rispett lejn dan il-ktieb filosofiku li jlaqqa' flimkien – fl-ilsien Malti – tant u tant ħassieba li sawru bosta mill-kampi viżivi Oċċidentali tal-Weltanschauung tiegħi matul triqti fil-filosofija: Plotinu, Seneka, Spinoza, Marx, Nietzsche, Kierkegaard, Husserl, Jaspers, Sartre, Tillich, Vattimo. Terġa' u tgħid, huma sewwasew dawn il-viżieri li spiss sejsu u sawru d-diversi skambji ta' veduti filosofiċi li kelli tul dawn l-aħħar snin mal-Prof. Baldacchino. Donnu xi kultant baqa' jaqa' ċ-ċpar, madankollu, meta tqum il-kwistjoni Heidegger. Jidhirli li f 'dan ix-xogħol forsi Baldacchino għażel li ma jagħtix spazju lil Heidegger daqs kemm mistħoqq, l-iżjed fi kwistjonijiet ontoloġiċi u teknoloġiċi. Anzi, ifakkarna f 'kemm drabi György Lukács u eodor Adorno ma rawx għajn m'għajn ma' Heidegger. Mhemm xejn ħażin f 'dan: f 'xogħlijiet bħal dawn hija prassi dijalettika stabbilita li ħassieb jiddaħħal f 'konfront m'ieħor. Iżda ġieli nissuspetta li din ir-reżistenza – bħal ma' kienet pirkażu dik ta' Herbert Marcuse u ta' diversi għedewwa tal-eżistenzjaliżmu bħal Roger Garaudy – għandha għeruq storiċi u ideoloġiċi li fil-biċċa l-kbira jmorru lil hinn minn dik li titlob id-distanza bijografika. F'dan ir-rigward nixtieq infakkar żewġ fatti. Qabelxejn f 'dar-rigward Sartre aktarx wera iżjed għaqal minn Marcuse – tal- aħħar ċaħħadna mill-proġett Il-Marksiżmu Fenomenoloġiku mentri Sartre iddefenda xogħol il-ħassieb iżda mhux l-iżball tal-ħassieb (Rigward l-Eżistenzjaliżmu: Kjarifika, 1944). Iżjed importanti minn hekk: dika l-ħabta fl-akkwati ta' Freiburg u Heidelberg kien hemm ċerta mara Lhudija. Kien jisimha Hannah Arendt. Minkejja kollox – ħafritlu.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 26 April 2020