Illum previous editions

ILLUM 10 May 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1245210

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 31

18 letteratura IL-ĦADD 10 TA' MEJJU 2020 • illum Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Iċ-Ċelibat u l-Lil Hinn L-aħħar rappreżentazzjoni teatrali tiegħek tittratta temi soċjali. Qiegħed nirreferi għax-xogħol drammatiku Zayden illi – kif stqarrejt int stess f 'intervista li saritlek minn Rachael Deguara għas-sensiela Taħt il-Qoxra – kien imnebbaħ min-narrattivi li ltqajt magħhom matul il-ħidma soċjali tiegħek f 'Dar Osanna Pia u f 'Dar Mamma Margherita ma' rġiel żgħażagħ li jisfgħu bla dar. Fost ir-rimarki tiegħek dwar din il-pjaga soċjali spikka – almenu fis- suġġettività tiegħi li tisħaq ħafna fuq id- dinamiċi mentali tal-individwu – il-fehma li bosta minn dawn il-każi soċjali għandhom għeruq u dimensjonijiet psikoloġiċi. Nemmen illi hemm bosta fatturi soċjali li bla dubju għandhom sehem ewlieni fil- kawżi ta' dawn il-fenomeni. Għaldaqstant daqstant ieħor nemmen illi dawn iridu jiġu ttrattati wkoll b'miżuri u b'interventi soċjali. Biss, madankollu nemmen bis- sħiħ li qabelxejn – kemm-il darba rridu nfejqu l-persuna iżjed milli nattakkaw is-sintomi – jenħtieġ immorru f 'ras il- għajn billi nistħarrġu d-dinamiċi mentali tal-individwu. Hawnhekk qed nalludi l-iżjed għall-ġrieħi li mhux biss maż-żmien jikkaġunaw tisfil notevoli fl-istatus soċjali tal-individwu iżda mbagħad ukoll ikomplu jnixxu d-dmija kaġun tal-problemi prekarji li jġib miegħu dan l-istess tisfil. Kemm taħseb illi l-istrutturi soċjali tagħna jinsabu konxji mill-ħtieġa li qabelxejn jaqbel nittrattaw dawn l-isfreġji fil-psike? Sa liema punt taħseb li hemm – anke fil- karattru ta' Zayden – rabtiet intrinsiċi bejn l-għaks f 'sens wiesa' u d-diżordnijiet fil- personalità? Diffiċli ħafna tifred is-soċjali mill- psikoloġiku. Din hija t-tensjoni bejn nature u nurture: bosta drabi diffiċli tgħid xi jkunu l-għeruq tas-sitwazzjoni problematika tal- persuna. Naqbel li importanti li ż-żewġ dimensjonijiet jingħataw attenzjoni jekk tassew irridu li l-persuna tikber b'mod olostiku. Is-soltu meta niffokaw fuq l-element soċjali niksbu riżultat iktar imminenti imma xorta ma nfejqux il-ġrieħi iktar profondi li ħafna drabi jkunu ġejjin mit-tfulija. F'Zayden dan l-aspett joħroġ ċar. L-udjenza rat li minkejja li Zayden (isem fittizju u stojra mibnija fuq bosta rakkonti) sab għajnuna u strutturi biex ikun jista' jibda kapitlu ġdid u jintegra ruħu aħjar fis-soċjetà Maltija, il- bżonn iktar qawwi tal-imħabba u tas-sens ta' familja waqqfuh milli jilħaq il-potenzjal tiegħu. Meta ħdimna fuq dan ix-xogħol teatrali jien u l-attur protagonist Jacob Piccinino domna ħafna nesploraw kif ser intemmu d-dramm proprju minħabba din il-kwistjoni. Ridna fairy tale ending fejn fl- aħħar mill-aħħar, minkejja n-negliġenza tal- ġenituri, Zayden xorta waħda jsib il-paċi? Ħassejna li tmiem bħal dan seta' jserraħ wisq il-kuxjenza tal-udjenza billi jagħtiha dak illi tixtieq tara u tisma' (wish fulfilment) iktar milli jqajjem sensibilizzazzjoni soċjali dwar dak illi fil-fatt hu. Fl-aħħar mill-aħħar (u did- deċiżjoni wasalna għaliha biss daqs jumejn qabel l-ewwel rappreżentazzjoni!) ħolqna tmiem fejn Zayden jibqa' jħoss it-tbatija tal- ġerħa tiegħu, anke fuq il-livell psikoloġiku. Imma l-mistoqsija tibqa' tberren f 'moħħu, daqskemm tibqa' tberren, nittama, fl-imħuħ ta' dawk li raw id-dramm. Fl-2013 ippubblikajt ir-rumanz Bep – wieħed mill-ewwel rumanzi biMalti li jittratta bis-sħiħ l-isfidi relazzjonali bejn il-persuni gay u l-bosta tensjonijiet illi dawn ir-rapporti jistgħu jqanqlu, l-iżjed sforz ċerti preġudizzji soċjali u reliġjużi. Ir-rumanz ħareġ it qabel f 'pajjiżna daħlu fis-seħħ għadd ta' drittijiet ċivili li ffaċilitaw bil-kbir il-ħajja soċjali tal-persuni LGBTI. L-ispirtu leġiżlattiv ta' dawn il-bidliet pjuttost radikali kien imsejjes, almenu sa ċertu punt, fuq it-tama li maż-żmien dawn l-avvanzi ċivili jġibu magħhom wkoll bidla radikali fil-mod kif is-soċjetà tipperċepixxi, tagħraf, tapprezza u saħansitra tiċċelebra l-kumplessitajiet affaxinanti u vasti li jsawru l-ispettru wiesa' tas-sesswalità umana. Kemm taħseb illi dawn il-bidliet leġiżlattivi tabilħaqq issarrfu wkoll fi żviluppi kollettivi fl-attitudnijiet tas-soċjetà lejn l-impulsi erotiċi non-eterosesswali? In- narrattiva tal-koppja gay fir-rumanz Bep tispiċċa ħażin ħafna. Taħseb illi din forsi kienet tieħu żvolta kemxejn differenti fil- kuntest leġiżlattiv ta' żmienna? Il-qabża bejn tfassil ta' sistema leġiżlattiva u bidla fil-mentalità ta' poplu hija immensa. Mentri l-liġijiet jistgħu jinbidlu fi it snin jekk mhux anke xhur, il-perċezzjonijiet tan-nies idumu bil-wisq iktar. Minn banda naħseb illi fil-kuntest lokali l-bidliet leġiżlattivi għenu ħafna: il-mentalità Maltija dwar ir-realtajiet u r-relazzjonijiet LGBTI akkont tjiebet. B'danakollu ma rridx nagħti l-impressjoni li f 'pajjiżna l-omofobija issa għebet għalkollox. Għadna nisimgħu, anke b'mod kemxejn regolari, dwar diversi każi ta' omofobija. Is-sitwazzjoni tiggrava meta niġu għat-transfobija: minkejja l-liġijiet li daħlu fis-seħħ jidher li l-poplu għadu ma jistax jagħraf li s-sesswalità tal-bniedem hija wisq iktar kumplessa u varjata mis- sempliċement binarju raġel-mara. Nemmen illi f 'dan il-qasam neħtieġu iktar edukazzjoni u għarfien. Importanti wkoll li nisħaq li ħafna drabi s-sitwazzjoni tjiebet l-iżjed għall-faxxa soċjali tal-komunità LGBTI. Spiss ninsew lill- persuni li jissieltu f 'livelli differenti ta' realtà, bħal pereżempju migranti LGBTI, jew nies LGBTI b'diffikultajiet ta' saħħa mentali jew ta' faqar. Fi kliem ieħor, il-mixja hija ħafna itwal. Il-bidliet leġiżlattivi kienu bidu importanti ħafna, iżda ma nistgħux nieqfu hemm jew inserrħu rasna li issa kollox sar ward u zahar. Interessanti d-domanda dwar jekk it- tmiem ta' Bep kienx ikun differenti kieku nkiteb imqar sentejn jew tlieta wara li ħareġ. Impossibbli nweġibha, qabelxejn għax ir-rumanz issa ormaj lest u hu dak li hu. Diffiċli nimmaġina tmiem ieħor. Barra minn hekk rumanz jinkiteb f 'kuntesti speċifiċi, bħall-ħajja personali tal-awtur u l-qagħda soċjopolitika. Fiż-żmien li ktibt u ppubblikajt il-ktieb lanqas biss kont noħlom li fi żmien sentejn il-Gvern kien ser idaħħal il-miżuri li daħħal. Però, minkejja kollox, għandu mnejn (u din hi assunzjoni totalment ipotetika) li t-tmiem xorta waħda ma kienx ikun differenti. Għad hawn ħafna nies li qed ibatu minħabba l-preġudiżżji soċjali. Għad hawn familji li ma jaċċettawx li uliedhom ikunu f 'relazzjoni li f 'għajnejhom mhix leġittima. Għad hawn bosta nies b'ideat reliġjużi riġidi – forsi anke sforz ċerta trobbija jew 'edukazzjoni' li ngħataw – li baqgħu ma jistgħux japprezzaw is-sbuħija tar-relazzjonijiet LGBTI, anke f 'kuntest ta' fidi reliġjuża. Nemmen bis-sħiħ li s-saga ta' Nick u ta' Bep għadha sseħħ. Forsi mhux daqs għaxar jew ħmsitax-il sena ilu (nittama), imma nies li jbatu minħabba fatturi soċjoreliġjużi għadhom jeżistu. Fil-proża tiegħek spiss tispikka t-tensjoni bejn ir-reliġjuż u l-karnali, bejn is-sesswalità u l-ispirtwalità. Nistgħu ninterpretaw dina l-ansjetà bħala taqbida – eżistenzjali, psikoloġika, ontoloġika – bejn l-Assolut astratt u r-relattiv konkret tramite l-vejjiklu konjugali tas-sesswalità. Dan mhux biss fir-rumanz Bep iżda forsi wkoll fil-ġabra ta' novelli Frekwenzi Ħiemda u b'mod partikulari aktar qabel fir-rumanz Celibacy – rumanz li fost ħwejeġ oħra jistħarreġ ir- rapport bejn iċ-ċelibat u l-lil hinn. B'xorti ħażina kif taf fil-kultura Abramika li writna hemm tendenzi erotofobiċi innegabbli – riċetta perfetta għal bosta patoloġiji psikosesswali nevrotiċi. Jekk niġu f 'dan, il-perċezzjoni tal-Knisja Kattolika Rumana rigward is-sesswalità – almenu dik uffiċjali kif imfissra fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika – fl-aħħar mill-aħħar fil-biċċa l-kbira ma tbedgħdix wisq mill- fehmiet tas-Santi Padri. Ngħiduha kif inhi: il-Kristjaneżmu fil-biċċa l-kbira qatt ma kien xi moviment seksi. Hemm kuntrast kbir bejn din l-attitudni u dik li nsibu f 'bosta reliġjonijiet tal-Orjent – fosthom dawk Taositi, Tantriċi u Vediċi – fejn is-sesswalità saħansitra tingħadd b'teknoloġija enerġetika tremenda li kapaċi tiaħ bosta bibien għal stati spiritwali mistiċi. Kif tinkwadra lil Father Paul – il- karattru ewlieni f 'Celibacy – fil-kuntest ta' din l-aberrazzjoni dogmatika? Is-sesswalità fil-kuntest Kattoliku huwa

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 10 May 2020