Illum previous editions

ILLUM 21 June 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1262261

Contents of this Issue

Navigation

Page 26 of 27

27 films illum • IL-ĦADD 21 TA' ĠUNJU 2020 Carmel Bonnici It-theddida Komunista f'Hollywood Fl-1938 inħatar kumitat ġdid fl-Istati Uniti bl-isem ta' House Of Un-American Activities Committe (HUAC) (Kumitat Dwar Attivitajiet Mhux Amerikani) taħt il-ġurisdizzju tas-Senat Amerikan. L-għan ewlieni ta' dan il-Kumitat kien biex investiga dawk li mhumiex suppost leali lejn il- pajjiż jew dawk li jieħdu sehem f 'laqgħat u attivitajiet meqjuża sovversivi. Il-HUAC kellhom il-fakulta' li investigaw lil kull ċittadin pubbliku u lil dawk l-organizzazzjonijiet suspettati li għandhom rabtiet man- Nażiżmu u wara, speċjalment, mal-Kommuniżmu. Fl-1969, din l-ghaqda biddlet isimha u fl-1975 temmet il-funzjonijiet kollha tagħha. L-investigazzjonijiet ta' kontra l-kommuniżmu huma spiss assoċjati mas-Senatur Joseph McCarthy, li ma kellux involviment dirett ma' dan il-kumitat. Dan il-bniedem, b'fanatiċiżmu esaġerat u b'qilla kbira beda jinfiltra l-privatezza ta' ħafna nies u wara dawwar ħarstu anki lejn Hollywood fejn sar jaf li xi darba xi ħadd attenda laqgħa ta' għaqda li jista' jkollha sentimenti Bolxevisti. Dan l-individwu wara xi snin, ġie mressaq quddiem dan il-Bord, mixli fuq suspetti biss. Jekk l-imputat jagħmel stqarrija li m'għadux involut mal-ghaqda li kien iħaddan, dan biss ma kienx biżżejjed, anki taħt ġurament. Is-Senatur McCarthy kien il- perċimes li għarraq il-ħajja ta' ħafna persuni, fosthom dawk involuti fil-films. L-unika maħfra li wieħed seta' jieħu kienet li dan ried bilfors jikxef 10 individwi oħrajn li kienu miegħu waqt attivitajiet li is- Senatur kien iħoss li huma sovversivi għall-istat. Mhux ta' b'xejn li ħafna u ħafna kienu rrabbjati u jobgħodu lil dan il- bniedem stinat. Fl-1947, dan il-kumitat fuq medda ta' 9 ijiem beda jisma' allegazzjonijiet ta' suppost propaganda u nfluwenza kommunista fil-belt taċ- ċinema. Wara li 10 minn Hollywood ġew misjuba ħatja li wrew disprezz lejn dan il- Bord, billi ma kkoperawx u ma ridux jikxfu lil sħabhom, dawn ġew minnufih sospiżi u anki kien hemm minnhom li sabu ruħhom fil-ħabs. Is- Senatur McCarthy, bl-għajnuna ta' dan il-Kumitat irnexxielu jallarma bil-kbir lill-pajjiż kollu dwar "konfoffa ispriata kommunista" u biża' palpabbli ta' "dominazzjoni Ħamra" (hawn kien qed jirreferi għar-Russja). Li dawn l-udjenzi damu biss 9 ijiem kien dovut ghall-Kumitat ġdid "Committee for the First Amendment" li twaqqaf biex jorganizza protest kontra dawn il-ġurijiet fejn id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal- individwi konnessi li hemm fil- Kostituzzjoni Amerikana ġew vilment imkassbra. Iċ-Chairman kien id-direttur John Huston li, flimkien mad-diretturi William Wyler u Philip Dunne, organizzaw ajruplan ma' stilel ta' Hollywood bħal Humphrey Bogart u martu Lauren Bacall, Danny Kaye, Gene Kelly u Jane Wyatt biex imorru Washington u jkunu preżenti jaraw li l-għaxra nvoluti jkollhom smigħ onest. Huma waslu b'pubbliċita' kbira tant li dawn il-ġurijiet kellhom jieqfu għal xi żmien. Meta mistoqsijin wara, dawn l-10 irrifjutaw li jwieġbu għall- mistoqsija, "Int Kommunist jew qatt kont?" Ma ridux iwieġbu biex ma jinkriminawx lilhom infushom skond il-Fifth Amendment. Huma kienu jqisu lil HUAC bħala organizzazzjoni mhux kostituzzjonali. Imexxija minn John Howard Lawson sostnew li mhux huma kienu taħt proċess, imma l-Amerika. L-isteriżmu tant kiber li dawk li waqqfu l-Kumitat First Amendment kellhom jitilqu lura. L-industrija tal-films sabet ruħha daharha mal-ħajt u għamlet patt li, fejn jafu, ma kenux se jimpjegaw kommunist, jew gruppi li jippruvaw jtajru lill-gvern mill-poter. Hawn bdiet il-"Blacklist" – lista ta' atturi, diretturi, kittieba, tekniċi, eċċ. Li xogħlhom fl-industrija tal-films spiċċa għal kollox. Dawn l-10 magħrufa bħala The Hollywood Ten l-aktar li kien hemm fosthom huma kittieba. Isimhom hu: John Howard Lawson, Dalton Trumbo, scriptwriter, Lester Cole, Alvah Bernie, Albert Maltz, Ring Lardner Jr., Samuel Ornitz, Herbert J. Biberman, Edward Dmytryk direttur famuż ieħor u Adrian Scott. Il-proċess fil-qorti ta' dawn karkar għal aktar minn sentejn qabel xi ħadd minnhom mar il-ħabs. Minn dan il-proċess ta' rliminazzjoni, 320 persuna sofrew direttament. Ftit kuraġġużi bħal Dalton Trumbo, Abraham Polonsky u Howard Da Silva sfidaw lil dan il-Kumitat u ma riedux jikkoperaw. Wieħed minn dawn l-10, Edward Dmytryk ċeda u semma' xi ismijiet bħal ma għamlu Elia Kazan, direttur magħruf, Sterling Hayden, attur u Robert Rossen, direttur ieħor. Minn 19 oħra li ntalbu jixhdu, l-impieg spiċċa għal Larry Park li kien qabad it-triq tas-suċċess wara żewġ films popolari, The Jolson Story (1946) u Jolson Sings Again (1949), Zero Mostel, Gale Sondergaard, Marsha Hunt, Jefsf Corey u diversi oħrajn. Ħafna atturi baqgħu bla xogħol. Kittieba u diretturi bħal John Berry (mhux il-kompożitur tal-mużika), Joseph Losey u Carl Foreman (ta' The Guns Of Navarone) ukoll irrifjutaw li jixhdu u telqu lejn l-Ewropa. Il-kittieba Trumbo u Polonsky baqgħu fl-Amerika u komplew isibu xogħol minn taħt. Dalton Trumbo baqa' jikteb taħt isem fittizju u jitħallas ħafna inqas minn qabel. Kas kurjuż kien li dan uża l-isem ta' Robert Rich bħala l-kittieb ta' The Brave One (1956) u rebaħ l-Oscar. Meta tela' għall-unur, l-Akkademja baqghet issummata. Naturalment, l-Oscar dak in- nhar ma tawhulux, pero' ħadu fl-1970. Waqt li ħafna din l-irvina rawha bħala destin kiefer, Dalton ħadha bħala sfida. Fis-snin sittin, xi whud mill-10 oriġinali reġgħu bdew jaħdmu taħt isimhom stess, fosthom Trumbo, Ring Lardner Jr., Abraham Polonsky u Herbert J. Biberman. Fil-film Spartacus (1960), il-produttur u attur Kirk Douglas niżżel lil Trumbo b'ismu propja bħala kittieb. L-unions għamlu oġġezzjoni u bagħtu nies biex iżommu milli jidħlu dawk li riedu jarawh. L-ewwel wieħed li għadda minn qalb dawn il-"pickets" kien il-Pesident Amerikan John F. Kennedy u b'hekk kollox beda jirranġa ruħu għan-normal. Fl- 1966 il-Kumitat HUAC xolja wara li għamel ħerba sħiħa mill- industrija tal-films. Matul is-snin ħarġu diversi films dwar din it-theddida l-aktar kontra t-tattiċi tiraniċi użati mis-Senatur Joseph McCarthy. Fost l-aħjar insibu: The Front (1972), The Crucible (1996), allegorija vivida tal- kittieb rinomat Arthur Miller, Good Night And Good Luck (2005), Trumbo (2015), I Was A Communist For The F.B.I. (1951), The Manchurian Candidate (1962), Murrow (TV 1986), Storm Centre (1956) u oħrajn. L-aktar film li jaqta' fil-laħam il-ħaj minn dawn hu Good Night And Good Luck tal-2005, dirett b'mod frisk u fluwidu minn George Clooney u apposta maħdum bla kulur biex jaqbad l-atmosfera ta' dawk is-snin ta' isteriżmu bla bżonn. Din il- produzzjoni hija rikreazzjoni drammatika tal-avvenimenti veru li ġraw fil-bidu tas-snin ħamsin bejn il-ġurnalista tat- televiżjoni Edward R. Murrow u s-Senatur Joseph McCarthy minn Wisconsin. Il-film kien jesplora taqtigħa "on air" bejn Murrow u McCarthy, xi ħaġa li wasslet biex dan is-Senatur qalil infami, li mela' lill-poplu b'biża' ineżistenti, beda bil-mod jitlef is-superjorita' li rabba'. Dan ix- xogħol juri kif dan il-bniedem b'poter qawwi mogħti lilu rifes bl-aħrax fuq il-libertajiet u drittijiet sagrosanti personali tal-individwi. Mingħajr evidenza u provi konkreti xela ħafna nies, tellifhom ħobżhom u anki tefa' xi wħud il-ħabs kollox fuq suspetti biss. Kien żmien meta ċ-ċittadini bdew jitilu l-fiduċja fil-Gvern Amerikan wara li sħabhom ġew ittrattati b'mod mhux xieraq. Dan il-film kien mimli b'cast ta' atturi mill-aqwa, fosthom David Strathairn bħala Ed Murrow, George Clooney, Robert Downey Jr., Patricia Clarkson, Frank Langella u Jeff Daniels. Il-film kien innomiat għal 6 Oscars, 4 Golden Globe Awards u 6 BAFTA Awards – b'kollox għal 31 unur.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 21 June 2020