Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1262264
05 aħbarjiiet illum • IL-ĦADD 21 TA' ĠUNJU 2020 Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera nieda tliet skemi ta' finanzjament; fond ta' €150,000 sabiex jgħin finanzjarjament lis-soċjetajiet tal-banda, fond ta' €170,000 għal aktar saħħa u sigurtà fil-kmamar tan-nar li jaħdmu fuq bażi volontarja u finanzjament artistiku ta' €150,000 għal għaqdiet tal-armar tal-festi, għaqdiet kulturali u għaqdiet soċjali. It-tliet pilastri spiss iservu ta' ċentri ta' attività kulturali vitali u għandhom ukoll rwol importanti fil-ħajjiet tal-komunitajiet lokali tagħhom. Preżenti għall-konferenza stampa li saret fi Pjazza Teatru Rjal kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall- Arti is-Sur Albert Marshall, flimkien ma' rappreżentanti oħrajn mill-Għaqda Każini tal-Banda u l-Għaqda Piroteknika Maltija. Waqt it-tnedija, il-Ministru Herrera tenna l-importanza ta' tali proġetti. "Permezz ta' din l-inizjattiva, se nkomplu nsostnu l-festi tagħna li jsawwru l-identità Maltija speċjalment f 'dawn iż-żminijiet diffiċli," sostna il-Ministru. Huwa qal li bħala l-Ministeru responsabbli jgħarfu l-importanza li jippreservaw il-folklor Malti li jagħtina karratru u fl-aħħar nett jgħinna nattiraw it-turiżmu u l-investiment barrani. Is-soċjetajiet tal-banda u l-għaqdiet tal- festi spiss ikollhom rwol importanti fil- komunità, li joħolqu sens ta' appartenenza u jservu bħala punt ta' dħul u parteċipazzjoni fl-arti. L-attivitajiet tagħhom huma kontinwi u, filwaqt li jiffukaw fuq it-tagħlim tal- mużika lit-tfal u ż-żgħażagħ, jorganizzaw ukoll attivitajiet kulturali u tradizzjonali, li jilħqu l-quċċata matul l-attività ewlenija tagħhom - il-festi tar-raħal. Il-binjiet li jinsabu fihom spiss ikun fihom ukoll oġġetti ta' valur storiku u huma ta' sinifikat storiku minnhom infushom. Il-fond għal iktar saħħa u sigurtà fil- kmamar tan-nar li jaħdmu fuq bażi volontarja, li joffri appoġġ finanzjarju lill- kmamar tan-nar Maltin li jaħdmu fuq bażi volontarja, se jalloka għotjiet lill-kmamar tan-nar f 'Malta għat-titjib tal-infrastruttura tagħhom, sabiex il-voluntiera jkunu jistgħu jaħdmu f 'ambjent iktar sikur. L-għan huwa li titjieb is-sigurtà, kemm matul il-proċess ta' manifattura, kif ukoll matul it-tlugħ tal- logħob tan-nar. L-għotja hija maħsuba wkoll għall-voluntiera biex jinvestu f 'riżorsi biex titjieb is-sikurezza tal-prodott pirotekniku Malti. Il-fondi jibnu fuq is-suċċessi rreġistrati matul is-snin preċedenti u għandhom l-għan li jsaħħu dan ix-xogħol billi jappoġġjaw diversi inizjattivi proposti mis-soċjetajiet tal-banda u l-għaqdiet tal-festa stess. "It-tnedija ta' dawn it-tliet fondi li qed issir illum hija xhieda tat-twemmin li l-Kunsill Malti għall-Arti u l-Ministeru għandhom fl-importanza tal-espressjoni popolari tal- kreattività li teżisti tat-tlugħ tan-nar, tal- festi, tiżjin u armar tal-festi tant maħbuba f 'pajjiżna," qal il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall. Il-laqgħat fil-komunità hija waħda mill-ħames punti strateġiċi tal-Istrateġija għall-2020 tal- Kunsill Malti għall-Arti, il-pjan ta' ħames snin tal-Kunsill għas-setturi kulturali u kreattivi. €470,000 f'għajnuna għall-għaqdiet tal-festi