Illum previous editions

ILLUM 5 July 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1266182

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 27

17 analiżi illum • IL-ĦADD 5 TA' LULJU 2020 Fil-paġna letterarja ta' din il-ġimgħa Kevin Saliba jintervista lill-kittieb u attivist politiku Wayne Flask dwar ir-rumanz tiegħu Kapitali. Id-diskussjoni tiftaħ b'paraguni bejn ir- rumanz illi nebbaħ il-kitba ta' dan il-proġett, voldieri Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi t'Alex Vella Gera. Intant, filwaqt li jissoktaw ir-referenzi għar-rumanz ta' Vella Gera, Saliba jistaqsi lil Flask biex jikkummenta rigward il-Partit Laburista ta' żmienna, id-differenzi fit- tmexxija u fil-viżjoni tiegħu tul is-snin, is-siwi tal-attiviżmu politiku minkejja kollox... u jekk fl-aħħar mill-aħħar il-ħarba hix filfatt soluzzjoni mid-dwejjaq. Il-qaddsa dwejjaq! qagħadx jagħmel wisq kalkoli qabel daħħal ċertu persunal fil-Partit. Keith Schembri, Konrad Mizzi u arlekkini bħal Karl Stagno Navarra m'għandhom ebda wirt, storja jew valuri Laburisti. Imbagħad hemm Ministri żgħażagħ, anke fil-Kabinett t'issa, illi donnhom jemmnu li huma intitolati jordmu lid-dinja kollha taħt l-arroganza tagħhom – etika li tmur kontra dik ta' partit tal-ħaddiema. Kapitali oriġinarjament kellu jkun sensiela ta' stejjer dwar backbencher żagħżugħ, għażżien u arroganti, imnebbħa minn dawk li llum saru Ministri b'portafolli xejn mistħoqqha. Bħalma naqraw fir-rumanz Sriep, f 'Kapitali nsibu karattri kemxejn stereotipati li għall-inqas sa ċertu punt jirrappreżentaw lill-ulied taż-żewġ partiti l-kbar. Daniel Borg Laburist minn Marsaxlokk, Robert Rutter Miceli Nazzjonalist minn Tas-Sliema. F'dar-rigward laqtitni dis-silta: "Qatt ma fittixna wisq lil xulxin biex ngħid is-sewwa. Jien u hu differenti wisq. Hu Nazzjonalist. Jien Laburist. Hu twieled fil-flus, jien fil- faqar Hu jitkellem bl-Ingliż, jien bil-Malti. Hu għandu BMW, jien Fiat 500. Hu bl- arloġġ, jien mingħajru." Temmen illi dawn il-mudelli stretti tassew jirrappreżentaw lill-partitarju medju taż-żewġ partiti? U lil hinn mir-rumanz, fil-ħajja reali hemm xi punt partikulari fejn dawn it-tnejn jiltaqgħu? Jistgħu jitħalltu bla xkiel dawn iż-żewġ razzez? Dawn iż-żewġ razez jitħalltu u spiss. Fosthom fil-kwartieri tal-PL ukoll – għandek nies bit-tessera tal-golf club jitħalltu mal-iżviluppaturi jew tobba tar- raħal li saru politiċi. Id-dinja Maltija żgħira ħafna, u fejn ikun hemm interessi u intriċċi li jrendu l-flus il-klassi soċjali tieħu rwol sekondarju. Meta wieħed iqis kif jiżvolġi r-rumanz l-isterjotip tal-politiku f 'Kapitali huwa intenzjonat għall- aħħar. Nemmen ħafna fl-isterjotipi – jien trabbejt f 'Wied il-Għajn u mort skola fejn 'sħabi' kienu ġejjin mill-borgeżija, uħud minnhom ulied politiċi jew imħallfin jew bankiera – u naħseb illi d-distakk bejn il-klassijiet u l-mod kif jiġi evidenzjat għextu tul is-snin tas-sekondarja. Iżjed milli sterjotipar illi jikkaratterizza lil - partitarju tiegħu huwa sterjotipar li jifforma lill-politiku żagħżugħ ta' żmienna. Sibli, pereżempju, tliet differenzi bejn Alex Agius Saliba u Ryan Callus, jew jekk trid bejn kwalunkwe wieħed minn sħabhom. Ħlief għat-tessera tal-partit tagħhom ngħid għalija ma narax differenzi f 'termini ta' politika (miuma bħala policy) u ta' valuri. Fil-fehma tiegħi Daphne Caruana Galizia kienet waħda mill-iżjed persunaġġi li rrinforzat bil-qawwi dawn it-tipi ta' stereotipi. Sintendi huwa fatt ma jmerih ħadd illi b'dan l-eżerċizzju tul is-snin tefgħet dell ikrah ħafna fuq il-partitarji Laburisti: "HE CAN'T EVEN HOLD HIS PASTIZZ". Ir-rumanz Kapitali ftit li xejn huwa kumplimentuż fir- rigward ta' Caruana Galizia. Iżda kif taħseb illi kont tevalwa l-ħidma ġurnalistika tagħha kieku dan ir-rumanz ktibtu wara l-assassinju tagħha u mhux qabel? Ir-rumanz inkiteb mill-perspettiva ta' żewġ "sterjotipi". Caruana Galizia tissemma biss b'mod periferali. Kapitali qatt ma pprova jevalwa l-ħidma tagħha. Ir-rumanz żamm kemm kemm 'il barra mill-opinjoni tiegħi dwar xogħolha, fejn inħoss illi kienet tħallat stejjer kbar ma' waqgħat ta' stil orrend. Dik l-opinjoni tiegħi dwarha ma nbidlitx wara mewtha, iżda s-sempliċi fatt illi nqatlet minħabba xogħolha ma' dik l-opinjoni żied saff ta' rispett lejn dik li kont inqis bħala għadu – mhux għax kienet anti-Laburista, iżda għax xogħolha kien ikkaratterizzat mill- klassiżmu li lili jibqa' jtellagħli l-istonku. Kieku Caruana Galizia nqatlet qabel ma ktibtu, onestament ma nafx kif kont nevalwaha – jista' jkun li Kapitali ma kienx ikollu bżonn jinkiteb. Spiss tikkummenta dwar kemm il- politika f 'Malta hija simili għal dik Taljana. Anke f 'Kapitali ġieli donnok tissuġġerixxi dan: "Non può crollare un sistema per qualche irregolarità..." Bosta Sqallin ħbieb tiegħi li jsegwu l-politika Maltija qaluli dan kemm-il darba. Jgħiduli wkoll illi telqu minn pajjiżhom prorpju minħabba dan kollu. Uħud minnhom maż- żmien saru ċiniċi. Ma nlumhomx. Minkejja l-avvanzi li ġab l-attiviżmu politiku f 'pajjiżna bis-saħħa tal-għaqdiet li jsawru lis-soċjetà ċivili – fosthom il-Front Ħarsien ODZ, Kamp Emerġenza Ambjent u l- Moviment Graffitti – ngħid għalija spiss naqta' qalbi minn ċerti battalji. Kemm taħseb illi dawn l-għaqdiet qed jilħqu nies? Temmen li vallapena li ċ-ċittadini jissieħbu f 'dawn il-movimenti apartiġġjani? Tagħtihom tort jibżgħu ġaladarba, tajjeb jew ħażin, ftit li xejn għandhom għażla għajr li jieklu mill-frak li jaqa' mis-sistema? Tinisiex: anke "l-protesta ta' ponn residenti dwar is-sitwazzjoni f 'Paceville daret f 'opportunità." L-għaqdiet li semmejt inti mhux qegħdin ifittxu l-voti: is-sħubija fihom, u naħseb iktar importanti l-kollaborazzjoni magħhom, għandha għanijiet speċifiċi bħal ngħidu aħna dawk ambjentali. Onestament ma nistax nitkellem wisq dwar Front Ħarsien ODZ għax qatt ma kont imsieħeb fih, iżda li nsir membru fil- Graffitti ħassejt illi kien pass naturali għalija bħala "kittieb" "politiku" (virgoletti intenzjonali) tax- xellug. Naħseb li l-għażla li taqta' qalbek, jekk inti attivist, m'għandhiex tkun hemm. Bħal tim tal-futbol żgħir li jkollu ambizzjoni li jasal sa nofs il-klassifika, tirbaħ xi it u titlef xi it mil-logħbiet. Iżda li ċċedi l-armi huwa sagrileġġ. Ħajti kienet tkun ferm iktar faċli kieku qgħadt biss nippontifika minn fuq xi pedestal – bħal ħafna li spiss tara f 'ċerti ċrieki letterarji – sempliċiment biex niġbor it taptip fuq dahri u tlegħib ieħor. L-attiviżmu jġiegħlek ixxoqq l-għaraq tad-demm, iżda anke l-iżgħar rebħiet (aħseb u ara dawk kbar) jiswew ħafna – jekk mhux għalik stess, għan-nies li taħdem magħhom, għal residenti li jkunu qed jippruvaw isalvaw dak li fadal mill-kwalità tal-ħajja tagħhom. U milli qed nara dan l-aħħar, l-attiviżmu sar ferm iktar kredibbli mill-politika għal ħafna nies, appuntu għax mhuwiex politika u m'hemmx prostituzzjoni għall-voti. "Il-qaddsa xi dwejjaq!" Nistqarr miegħek li din l-espressjoni – li fir- rumanz Kapitali tidher tal-inqas darbtejn – tesprimi l-mod kif inħossni rigward it-triq li qabad pajjiżna f 'dawn l-aħħar ħmistax-il sena. Nagħraf bis-sħiħ li saru bosta avvanzi, b'mod speċjali fid-drittijiet ċivili. Madankollu meta ġejt lura minn barra sibt Malta ferm differenti minn kif ħallejtha snin qabel jew xtaqtha li tkun issa. Lejn it-tmiem ir- rumanz tiegħek minn banda jissuġerixxi l-ħarba bħala soluzzjoni. Mill-banda l- oħra fl-istess nifs donnok trid tagħti lill-qarrejja x'jifhmu li fl-aħħar mill- aħħar il-bniedem kullimkien l-istess. Tassew mela, il-qaddsa xi dwejjaq! Ħafna jistaqsu: x'ser nagħmlu? Liem triq ser nagħżlu? Il-kwietiżmu jew l-attiviżmu? Tgħid mis-soċjaliżmu jaqbel ngħaddu għall-miżantropija? Jien kultant ma nafx x'naqbad naħseb. U int? Il-ħarba mhijiex soluzzjoni, għalkemm xorta nixtieq ħafna naħrab. Konxju li hawnhekk qed inraqqa' l-pannu bil-qargħa aħmar. F'dinja ideali la nkun attivist, la kittieb politiku u lanqas immigrant potenzjali. L-uniku vantaġġ li ġġibli l- ħarba tkun illi l-problemi ta' mkien ieħor ma jkunux il-problemi tiegħi, jew għall-inqas jien hekk naraha. Iżda qabel nitlaq, jekk xi darba nitlaq, żgur li mhux ser nagħżel is- skiet. L-attiviżmu tani spazju ferm ikbar mil-letteratura biex nagħti kontribut favur il-bidla, żgħira kemm hi żgħira, kontra għedewwa bil- qabda ikbar minn sħabi u minni. Iżda kif għedt qabel, l-armi ma nċedihomx – akkost ta' kollox. Kif naraha jien, il-ħbiberiji, is-simpatiji, il-perċezzjonijiet u l-karriera huma sekondarji għall-onestà intellettwali. U nixtieq nara iktar onestà intellettwali minn ħafna kittieba oħra li jibżgħu mill-barri aħseb u ara jippruvaw jaqbdulu qrunu, minn artisti li jibżgħu jiħu ħalqhom u jsemmu fatti u ismijiet biex ma jmurx jitilfu xi fondi għall-canapès u minn poeti li moħħhom wisq fir-rima iżda mbagħad spiss jinjoraw il-mewġ iħabbat.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 5 July 2020