Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1270961
16 letteratura IL-ĦADD 19 TA' LULJU 2020 • illum Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Bħal mastrudaxxa F'saġġ letterarju dwar ir- rapport bejn il-ħidma tal- mastrudaxxa u l-poeżija li qrajt tul dawn l-aħħar jiem il-poeta amerikan Yusef Komunyakaa kien kiteb hekk: "L-idejn jeżistu f 'kollaborazzjoni mal- ilsien – il-mess u l-lingwa – waħda tgħarraf lill-oħra. Ġaladarba mmissu l-affarijiet irridu wkoll nitkellmu, li nsemmu. Ġaladarba nitkellmu tgħallimna nibnu lil hinn mill-istint u lejn l-istħajjil, b'kollaborazzjoni mirquma li tħaddan fiha l-apprendistat. L-idejn dejjem ikkonverġew mal-lingwa. Forsi dawn il- ħsibijiet għandhom mid- diskors kunċenttwali, iżda għalija r-relazzjoni bejn il-poeżija u s-sengħa tal- mastrudaxxa hija personali." (Honor Thy Hands: Carpentry and Poetry). Dawn il-paraguni bejn il-ktib tal-poeżija u s-snajja' ilhom isiru s-snin, anke mill-kittieba u l-kritiċi Maltin. Forsi ormaj saru wkoll xi ftit klixè. Anastasju Cuschieri, għexieren ta' snin ilu, kien qabbel l-użu tal-kelma – din id-darba Maltija – mal- mestier tal-ħaddied: "Bħalma l-ħaddied fil-forġa / l-ewwel jikwi l-ħadida, / imbagħad ftit ftit jaħdimha sa tiġi kif iridha... / Hekk jien il-kelma mn'idi / mhux malli dak nitlaqha, / bħal min iwaddab ġebla / ma jafx fejn sejra taqa'". Dawn iż-żewġ paraguni ta' Komunyakaa u Cuschieri jfakkru ħafna fil-poeżija ta' Louis Briffa: tal-ewwel minħabba l-analiżi tal-proċess tat-tiswir tal-poeżija, tat-tieni minħabba t-tendenzi tal-poeta fl-għażla tal-kelma Maltija. Briffa ddebutta fl-2006 bil-ġabra ta' poeżija u poeproża Bil-Varloppa – permezz tagħha kien seħħlu jerbaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. It-titlu u l-qoxra tal-ġabra aktarx kienu biżżejjed biex jagħtu x'jifhem dak li stqarr m'ilux ma' Kristina Cassar Dowling fil-ġurnal The Times of Malta: "The choice of words and rhythm is crucial as these have to express exactly what I have in mind. Completing a poem is then a process of editing and rewriting until the final version is completed." It- tieni ġabra tiegħu Bil-Boqxiex (2017) kompliet tikkonferma t-twemmin ta' Briffa: kemm il- varloppa u kemm il-boqxiex huma għodod tal-mastrudaxxa – waħda tiċċana fit-tul, l-oħra fit-tond. Permezz ta' din l-enfażi avverbjali Briffa donnu jpoġġi l-proċess tal-kitba tal-poeżija qabel kull element ieħor illi jista' jsawwar l-immaġinarju poetiku tiegħu, bħalkieku tul is-snin l-għodda baqgħet iktar importanti mill-prodott innifsu. Nistqarr li lura fl- 2006 lqajt it-titlu Bil-Varloppa b'ċertu sodisfazzjon. Maż- żmien madankollu bdew jiġuni d-dubji, l-entużjażmu għar- romantiċiżżar assolut tal-għodda batta. F'dan ir-rigward it-titlu Bil-Boqxiex m'għenx. M'għenx lanqas li għal darb'oħra, fl- ewwel edizzjoni tagħha, il-ġabra ġiet ippreżentata lill-qarrejja b'diversi studji akkademiċi minn kritiċi stabbiliti – tendenza spiss tedjanti li f 'dawn l-aħħar snin donnu rrankat qatigħ fix- xena letterarja Maltija. F'dan ir- rigward jeżistu żewġ skejjel ta' ħsieb: uħud ma jsibu xejn ħażin f 'din il-prattika mentri oħrajn qabelxejn jippreferu jaqraw il- materjal inkwistjoni mingħajr ebda preġudizzju. Ngħid għalija nemmen li kumment jew tnejn minn letterati stabbiliti ma jtellef xejn, iżda mill-bqija – almenu meta naqra l-ewwel edizzjoni – ngħoddni mat-tieni kamp. Minn banda, dan kollu ma jnaqqas xejn mid-diversi merti letterarji tax-xogħol poetiku ta' Louis Briffa. Rigward dawn diġà kitbu bosta kritiċi letterarji, fosthom Achille Mizzi, Oliver Figgieri, Charles Flores, Tarcisio Zarb u Norbert Ellul-Vincenti. Forsi ftit li xejn hemm xi żżid mar-rimarki ta' dawn l-istudji u r-reċensjonijiet. Uħud enfasizzaw l-isfond kulturali u xjentifiku wiesa' tal-poeta, oħrajn il-modi effettivi kif f 'għadd ta' poeżiji jqanqal ħsus profondi dwar ċerti kwistjonijiet eżistenzjali serjissimi. Biżżejjed wieħed jaqra l-poeżija notevoli

