Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1275146
18 opinjoni IL-ĦADD 2 TA' AWWISSU 2020 • illum Carmel Cacoaprdo u Timothy Alden L-għaqda bejn Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku Carmel Cacopardo huwa ċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika u Timothy Alden huwa l-Kap tal-Partit Demokratiku L -għaqda bejn Alternattiva Demokratika (AD) u l-Partit Demokratiku qegħda fil-qrib. Ilha tiżviluppa bil-mod matul dawn l-aħħar ġimgħat, u jekk il-Covid jippermetti, din l-għaqda tkun ifformalizzata lejn tmiem Settembru li ġej. Id-diskussjonijiet issa huma prattikament konklużi. L-ewwel pass lejn l-għaqda ħadnieh xi xhur ilu meta għamilna sforz biex, safejn ikun possibli, Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku jitkellmu b'vuċi waħda. Issa li d-diskussjonijiet huma prattikament konklużi laqqajna l-Kumitat Eżekuttiv taż-żewġ partiti flimkien f 'laqgħa konġunta. Din il-laqgħa saret il-bieraħ is-Sibt l- 1 t'Awwissu. Kemm l-Alternattiva Demokratika kif ukoll il-Partit Demokratiku żviluppaw madwar Membri Parlamentari Laburisti li kienu f 'kunflitt mal-Partit Laburista. Kunflitt li sar fi żmienijiet f 'ċirkustanzi differenti. Minkejja dan, tul is-snin, kemm AD kif ukoll il-PD irnexxielhom isibu appoġġ minn persuni ġejjin minn kull qasam tal-ispettru politiku Malti. L-ekoloġija, l-governanza tajba u l-ġlieda politika kontinwa kontra l-korruzzjoni dejjem kienu fil-qalba tal-ħidma politika kemm ta' Alternattiva Demokratika kif ukoll tal-Partit Demokratiku. Tul is-snin kemm AD kif ukoll il-PD żviluppaw f 'partiti separati u distinti: issa li ser jingħaqdu f 'partit wieħed jibqgħu konxji dwar minn fejn bdew, tal- għeruq li tawna l-ħajja. L-għaqda ser tibda b'żewġ partiti li bil- mod isiru ħaġa waħda. Għandna bżonn leħen qawwi u b'saħħtu għat-tielet partit fil-Parlament: l-għaqda bejn l-AD u l-PD hi pass f 'din id-direzzjoni. L-għaqda hi pass il-quddiem biex tonqos il-frammentazzjoni politika u għanda twassal għal użu aħjar tal- ftit riżorsi li għandna s'issa għad- disposizzjoni tagħna. L-Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku żviluppaw a bażi ta' l-ilħna kritiċi f 'partiti oħra: inbnew it-tnejn fuq id-determinazzjoni li jindirizzaw materji importanti li ħaddieħor konvenjentement ipprova jiskarta. Tul is-snin kemm Alternattiva Demokratika u iktar tard il-Partit Demokratiku kienu it-tnejn li huma fuq quddiem fil-ġlieda għall-ħarsien ambjentali, favur il-governanza tajba, it-trasparenza u l-kontabilità. Ħaddieħor f 'diversi waqtiet ipprova jirrepeti b'mod pappagallesk il- posizzjonijiet politiċi li ħadu kemm AD kif ukoll il-PD. Imma l-kredibilità tagħhom hi limitata: il-kuntrast bejn dak li jgħidu illum u dak li għamlu jew qed jagħmlu hu enormi. Hemm baħar jaqsam bejn dak li jgħidu u dak li jagħmlu. L-għaqda bejn AD u PD mhiex l-opportunità biex noqgħodu niftaħru. Hu imma l-waqt li nagħrfu aħjar u nsaħħu t-tajjeb li għandna u nindirizzaw fejn hu dgħajjef. Hu l-waqt li nibnu l-pontijiet mingħajr ma nikkompromettu dak li nemmnu fih. Li ninkoraġixxu d-dibattitu politiku pubbliku hu kruċjali għall-iżvilupp politiku tal-partiti tagħna kif ukoll hu fl-interess tal-pajjiż. Li ninkoraġixxu dibattitu kostruttiv fil-partiti politiċi kollha hi ta' importanza fundamentali. Li jinħonoq id-dibattitu huwa ċaħda tal-futur kif għamel reċentement il-Partit Nazzjonalista fil-konfront taż-zgħażagħ organizzati fi ħdanu. Għax hu permezz tal-analiżi u d-dibattitu li nidentifikaw id-difetti u kif dawn jistgħu jkunu rimedjati. Għaldaqstant li partit politiku jiċċensura lil min għandu l-kuraġġ li jesprimi fehmtu fi ħdanu huwa suwiċidali. Irridu nagħtu sura u forma lill-futur billi nfittxu li nispiraw u ninkuraġixxu l-parteċipazzjoni attiva tal-ġenerazzjoni żgħażugħa u mhux nassoġġettaw lil min jiftaħ ħalqu għal proċeduri dixxiplinari. It-triq il-quddiem mhiex waħda faċli. Hi iebsa daqskemm kienet iebsa għal dawk li ġew qabilna. L-isfida li għandna quddiemna, imma, hi dejjem opportunità li rridu niffaċċjaw. L-għaqda bejn Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku qed tinbena fuq dak kollu li għamilna s'issa biex tinħoloq l-għodda adatta għal-leħen b'saħħtu għat-tielet partit politiku f 'Malta. Il-bieb tagħna hu miftuħ berah għal dawk kollha li jħossuhom imxebba' miż- żewġ partiti l-kbar li ħatfu lill-pajjiż bħal ostaġġ. Nistgħu nkunu l-istrumenti tal-bidla jekk inmiddu għonqna għall-ħidma biex flimkien nagħtu forma aħjar lill-futur tagħna lkoll. Din hi l-isfida tagħna.