Illum previous editions

ILLUM 23 August 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1281581

Contents of this Issue

Navigation

Page 8 of 27

09 illum • IL-ĦADD 23 TA' AWWISSU 2020 analiżi ma' wiċċu! X'inhuma dawn l-isfidi? ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Jirbaħ min jirbaħ dakinhar li ssir l-elezzjoni fil-Partit Nazzjonalista dik il-persuna li tkun iddikjarata rebbieħa se jkollha quddiemha triq twila, dik li nhar il-Ħadd li għadda l-eks Editur ta' e Times of Malta Steve Mallia iddeskriva bħala: "It-triq tal-kompromess li fiha nases daqs kemm fiha intenzjonijiet tajbin." Fil-fatt kemm Adrian Delia kif ukoll Bernard Grech għandhom lista mhux ċkejkna ta' sfidi li jridu jissuperaw jekk iridu jibdew iċekknu dak id-distakk li ilu ma jkun inqas minn 30,000 vot kontra l-PN 11-il sena. Il-mistoqsija hija min minn dawn iż-żewġ irġiel jista' verament jegħleb il-maġġoranza tal-isfidi li se jsib quddiem wiċċu l-għada li jiċċelebra r-rebħa. Bernard Grech jista' jidher - prima facie - bħala għażla ħafna aktar sigura, li toffri ħafna inqas problemi u nases u dan għaliex sa issa u sakemm m'hemmx xi ħaġa li m'aħniex naraw, il-gwardarobba ta' Grech hija ħafna iktar nadifa u r-riskju li toħroġ xi storja minn issa sa elezzjoni ġenerali li tpoġġih qrib nies bħal Yorgen Fenech jew inkella li tħammarlu wiċċu u tagħmel il-pożizzjoni tiegħu mhux tenibbli, huwa ħafna inqas minn Delia. Dan apparti li jidher - għalkemm dan għad irid ikun ikkonfemat mid-due diligence li qed isir bħalissa - illi m'għandux problemi finanzjarji li jistgħu jimpattaw jew jinfluwenzaw deċiżjonijiet li jieħu bħala Kap ta' partit, Kap tal-Oppożizzjoni u Prim Ministru potenzjali. L-ikbar sfida tiegħu iżda se tkun li huwa ġdid. Daqs kemm hi tajba hija ħażina għalih. Mhux diġa' għażilna wieħed ġdid! L-argument ta' bosta jista' jkun illi l-partit diġa' għażel wieħed ġdid u dan ma tax riżultati, allura f 'dan il-punt ikun aħjar li l-partit imur fuq min għallinqas rabba ftit għeruq fil-partit u m'għandux għalfejn jerġa' jibda mill- ġdid. L-akbar għadu huwa ż-żmien. Ikun hemm min jibża u hija biża' leġittima, li minkejja li Grech jaf ikun soluzzjoni tajba għall-PN hu mhux se jkollu ċans isib saqajh fil-partit, aħseb u ara kemm se jirnexxielu jgħaqqdu sakemm tissejjaħ elezzjoni li jaf tkun ximkien bejn wara l-elezzjoni fil-PN u ximkien fil-bidu tal-2022. Ikun hemm min jistaqsi jekk dan hux mument propizju biex il-partit jibda mill-ġdid. Ikun hemm min jirraġuna illi Grech beda bl-istess ħeġġa u potenzjal u allura ma hemm xejn li jista' jaċċerta illi dak li ġara lil Delia ma jiġrix ukoll lil Grech u l-PN jispiċċa f 'qagħda agħar milli hu. Din l-interpretazzjoni hija korretta u mhix fl-istess ħin. Il-Kap kurrenti Nazzjonalista beda fuq sieq ħażina meta bdew ħerġin ħafna dettalji dwaru primarjament: il-qagħda finanzjarja tiegħu li diġa' kienet ħażina u l-agħar - l-akkuża li għaddew flus minn kont f 'ismu f 'Jersey li kienu allegatament ġejjin minn ċirku ta' prostituzzjoni f 'Soho Londra minn aħwa Maltin. Adrian Delia kien qal li dan kien client-account. Dan apparti stejjer, allegazzjonijiet u akkużi dwar il-persuni li dak iż-żmien kienu qed jappoġġjawh mill-qrib. Naturalment illum Bernard jista' jkun li mhux se jkollu dawn il-problemi u mhux se jkollu allegazzjonijiet tqal fuq rasu u - l-akbar differenza - m'hemmx Daphne Caruana Galizia. Il-ġurnalista assasinata kienet influwenti immens fuq l-elettorat kollu imma speċjalment Nazzjonalista, f 'żewġ estremi. Min kien jeħodha bħala vanġelu u allura għadu sal-lum ma jaċċettax lil Delia, speċjalment ukoll wara diskors kważi isteriku li kien għamel ftit qabel l-elezzjoni għall-Kap tal-PN fl-2017 fejn indirizzaha bħala 'biċċa blogger'. Dan l-elettorat iktar aljena ruħu mill-partit meta Delia prova jkeċċi lil Simon Busuttil mill-Grupp Parlamentari. Imbagħad hemm min kien jobgħodha u jaraha bħala persuna li għandha wisq effett fuq il-PN , allura jappoġġjaw lill-persuna li tattakka jew tikkritka hi. Differenza oħra hija li Bernard Grech huwa ġdid, pero mhux kompletament stranġier għax-xenarju politiku kif kien Delia (meta ħarġet l-istorja li Delia se jkun kandidat fuq The Sunday Times - ħafna nies li mhux midħla tal-futbol u Birkirkara ma kellhom ebda idea min huwa). Grech deher ħafna drabi fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista, indirizza mass meeting tal-partit fl-2017 f 'Ħal Balzan u anke tkellem f 'attività ta' Repubblika. Fil-verità ilu jissemma' bħala kandidat potenzjali għall-kariga ta' Kap tal-PN. Grech jeħtieġ jara kif se jiġġieled is-sentiment ta' dejà vu, li mhux se tgħin fil-prospetti tiegħu. Kandidat tal-għaqda ... u Adrian Delia? Jekk l-għaqda hija l-akbar sfida għal Delia, hija l-akbar sfida għal Grech ukoll. Jekk jirbaħ hu hemm sezzjoni ta' votanti - li issa naraw kemm hi kbira eżatt nhar l-elezzjoni - li jekk jirbaħ Bernard Grech mhux se jkunu daqstant kuntenti u li forsi għalihom Delia jibqa' l-Kap bi dritt sal- elezzjoni li ġejja. X'jagħmel Delia li wera' lilu nnifsu bħala politiku determinat u li jikkumbatti l-mewġ kontinwu intern u li ma jaqtax qalbu malajr sal- punt li jista' jiġi ttimbrat bħala 'rasu iebsa', se tkun kruċjali għal Grech. Jekk Delia jwebbes rasu xorta u jiddeċiedi li jagħmel il-bsaten fir-roti u ma jikkoperax ma' Grech - bl-argument li lilu għamlulu l-istess - l-għaqda se tkun diffiċli ħafna biex tintlaħaq. U x'se jagħmel Grech bil-kap kurrenti? Huwa diġa' indika li Adrian Delia għandu postu fil-PN bih bħala Kap għalkemm ma speċifikax x'inhi din il- pożizzjoni jew dan l-irwol li jixtieq lil Delia jkollu. Jekk Bernard Grech jarmi lil Delia kemm fil-kampanja u anke wara, jekk jirbaħ, il-proċess tal-għaqda jittawwal sal-punt illi l-elezzjoni ġenerali xorta tkun diżastru assolut għall-PN u l-ħruq tal-karriera politika ta' Grech innifsu jekk ikun Kap. Bernard Grech: Dejà Vu?

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 23 August 2020