Illum previous editions

ILLUM 13 September 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1287824

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 27

19 opinjoni illum • IL-ĦADD 13 TA' SETTEMBRU 2020 Neħtieġu baġit li jindirizza l-klima J ekk infittxu l-kelma "klima" fid-dokument ta' qabel il- baġit għall-2021 intitolat Lejn Ekonomija Sostenibbli, ppub- blikat bl-Ingliż iktar kmieni din il-ġimgħa, issibha tlett darbiet. Darbtejn b'referenza għall-aġenda tal-Ġnus Magħquda, agenda li tkun trid tiġi indirizzat minn Malta bħala membru prospettiv tal-Kunsill tas-Sigurta tal-istess Ġnus Magħquda u darba waħda dwar dokumenti fuq il-bidla klimatika li qed jitħejjew f 'Malta. Il-kelma "klima" fid-dokument ta' qabel il-baġit mhiex assoċjata ma l-implimentazzjoni ta' xi miżura dwar il-bidla klimatika u l-effett tagħha fuq l-ekonomija tal-pajjiż. Minkejja li diġa għaddew ħames snin mis-Summit klimatiku ta' Pariġi, f 'Malta l-konklużjonijiet tiegħu għadhom qed jiġu "studjati". Jekk ser nibqgħu nipposponu li nieħdu l-azzjonijiet meħtieġa ser ikun diffiċli li nilħqu l-mira ta' newtralità fl-emissjonijiet tal-karbonju sal-2050. Meta fl-2015 il-Parlament approva l-Att fuq azzjoni dwar il-klima, huwa kien identifika li waħda mill-għodda politiċi dwar il-bidla klimatika kellha tkun t-tfassil ta' strateġija nazzjonali ta' żvilupp b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju (Low Carbon Development Strategy). Konsultazzjoni pubblika dwar viżjoni biex tkun żviluppata din l-istrateġija saret fl-2017, imma wara li għaddew tlett snin id-dokument finali għad mhuwiex wieħed pubbliku, avolja l-Ministur responsabbli għall-politika dwar it-Tibdil fil-Klima, Aaron Farrugia, diġa indika li dan jista' jkun konkluż lejn l-aħħar ta' din is-sena. Strateġija Nazzjonali ta' żvilupp b'emmissjonijiet baxxi ta' karbonju għandha tidentifika dawk is-setturi li huma ta' importanza fl-iżvilupp. Uħud minħabba li huma s-sors ta' emmissjonijiet sostanzjali. Oħrajn għax huma parti mis-soluzzjoni billi jipprovdu għodda alternattiva biex l-ekonomija tinfatam mid-dipendenza tagħha fuq l-użu intensiv tal-enerġija u b'dan il-mod jonqsu l-emissjonijiet. Il-Viżjoni, li kienet soġġetta għal konsultazzjoni pubblika tlett snin ilu, tidentifika s-setturi effettwati minn azzjoni dwar il-klima: l-intrapriża, l-enerġija, t- transport, l-iskart, l-ilma, l-agrikultura, t-turiżmu, l-informatika (ICT) u s-settur finanzjarju. Din l-istrateġija, meta tkun ippubblikata, għandha tindirizza dawn is-setturi. Ikun mistenni li l-istrateġija tidentifika ukoll il-mod kif il-pajjiż ser ikun f 'posizzjoni li jilħaq il-mira ta' newtralità fl-emmissjonijiet tal-karbonju. Ikun mistenni ukoll li biex l-istrateġija tkun kompleta tkun akkumpanjata minn baġit dwar il-karbonju (carbon budget), baġit li jindirizza l-mira ewlenija f 'oġġettivi speċifiċi fis-setturi differenti, miri li jistgħu jintlaħqu fi żmien determinat, speċifiku u raġjonevoli. Fis-summit ta' Pariġi, Malta, flimkien mal-bqija tal-pajjiżi, wegħdet li tieħu azzjoni konkreta biex ikun possibli li jonqsu l-impatti fuq il-klima. Però anke jekk il-wegħdiet kollha li saru f 'Pariġi jkunu onorati, hu ċar li għadna l-bogħod ħafna milli nilħqu l-mira miehma li ma naqbżux iż-żieda ta' żewġ gradi Celsius fit- temperatura medja globali. Hu meħtieġ ħafna iktar mingħand kulħadd. Hemm bżonn mhux biss iktar azzjoni konkreta imma ukoll politika koerenti u konsistenti. Sfortunatament, il-politika ta' Malta dwar il-klima hi waħda diżonesta. Għax il-Gvern, min-naħa l-waħda jwiegħed azzjoni biex jindirizza t-tibdil fil-klima. Imbagħad, fl-istess ħin, għaddej bi proġetti massivi ta' żvilupp fl-infrastruttura tat-toroq li isservi biss biex tinkuraġixxi żieda fin-numru ta' karozzi fit-toroq tagħna. Min-naħa l-oħra l-pjani għall-elettrifikazzjoni tat-toroq dejjem ġejjin, imma ma jaslu qatt. Sadanittant l-emmissjonijiet mill-karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-dijżil ikomplu, jikkompetu mal-emissjonijiet li joriġinaw mill-enerġija b'impatt fuq il-bidla fil-klima. Hi sfortuna li l-istrateġija dwar żvilupp b'emmissjionijiet baxxi u l-baġit dwar il- karbonju assoċjat magħha qed idumu wisq biex jieħdu forma. Meta jkunu lesti dawn ser jieħdu ż-żmien biex ikunu implementati u dan minħabba li s-setturi nteressati bla ebda dubju jippruvaw jipproteġu ruħhom u dan b'detriment għall-mixja tal-pajjiż li jilħaq il-mira tiegħu ta' newtralità fl-emmissjonijiet tal-karbonju. Malta għandha tkun fuq quddiem nett fl-azzjoni meħtieġa dwar il-bidla fil-klima. Id-dikjarazzjoni tal-Parlament li jirrikonoxxi l-esistenza ta' emerġenza klimatika mhiex biżżejjed. Mill-kliem jeħtieġ li ngħaddu għall-fatti. Bħala gżira, Malta trid tkun dejjem iżjed konxja li l-isfida ewlenija tagħna fis-snin li ġejjin ser tkun il-livell tal-baħar li ser jogħla b'rata li s-issa għad mhiex magħrufa. Dan ikun ifisser li l-baħar it it (jew malajr) jibla' l-kosta li gradwalment tidħol dejjem iktar il-ġewwa. Irridu niakru li matul il- kosta hemm il-parti l-kbira tal-infrastruttura marittima u turistika tal-pajjiż: dan kollu qiegħed taħt theddida. Anke z-zoni residenzjali viċin tal-kosta huma taħt theddida. Dan jinkludi l-bajjiet ramlin u l-oqsma residenzjali u kummerċjali fl-Għadira, ix-Xemxija, is-Salini, l-Gżira, l-iMsida, tas-Sliema, Ta' Xbiex, il-Pietà, il- Marsa, Marsaxlokk, Marsaskala, Birzebbuga, ix-Xlendi u Marsalforn. L-impatti jistgħu jibqgħu deħlin il-ġewwa mill-kosta ukoll f 'lokalitajiet li huma f 'livell tal-baħar bħal ma hu Ħal-Qormi. Jekk ser indumu ma niċċaqalqu, jista' jkun tard wisq. Carmel Cacopardo Carmel Cacopardo huwa ċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Sfortunatament, il-politika ta' Malta dwar il-klima hi waħda diżonesta. Għax il-Gvern, min-naħa l-waħda jwiegħed azzjoni biex jindirizza t-tibdil fil- klima. Imbagħad, fl-istess ħin, għaddej bi proġetti massivi ta' żvilupp fl- infrastruttura tat-toroq li isservi biss biex tinkuraġixxi żieda fin-numru ta' karozzi

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 13 September 2020