Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1311610
10 aħbarijiet IL-ĦADD 22 TA' NOVEMBRU 2020 • illum L-emozzjoni u l-vizzju, l-agħar għedewwa ta' dieta L-ikel huwa sinonimu magħna. Ma' kull festa jew jum speċjali hemm l-ikel. Imma l-Maltin kif jagħżlu l-ikel li jieklu? Għandhom dieta sana? X'jifhmu biha dieta sana? Qed jiżdiedu dawk li huma vegani jew veġetarjani? L-ILLUM tħares lejn sondaġġ tal-Ewrobarometru u titkellem ma' Marion Mizzi u d-Deputat Robert Cutajar ... ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Tmur fejn tmur u hi x'inhi l-okkażjoni, kollox idur mal- ikel. Il-Maltin l-ikel iħobbuh u dan huwa fatt magħruf u aċċettat minn (kważi) kulħadd. Jekk hix xi ħobża biż-żejt bit- tonn, tadama, basal, kappar, żebbuġ u xi ftit kunserva, quddiem il-baħar, jekk hux xi torta tal-lampuki jew lampuki moqlijin, imqarrun il-forn, xi qarabgħali mimli bil-laħam jew majjal il-forn għall-ikla tal-Ħadd. U wara xi ħelwa tat-tork jew felli dulliegħa jew bettieħa fis-Sajf jew inkella biċċa figolla fl-Għid jew l-għadma mimlija intrita tal- lewż mitħun f 'Novembru. Għal kull okkażjoni hemm l-ikel, iżda x'inhi r-relazzjoni tal-Maltin mal-ikel? X'inhi l-ikbar priorità meta jixtru l-ikel? Iqisu li għandhom dieta sana jew le? Lesti jħallsu aktar għal ikel li huwa aktar san? Skont stħarriġ tal- Ewrobarometru li sar bejn Awwissu u Settembru li għadda 58% tal-Maltin u l-Għawdxin jemmnu li għandhom dieta sana 'ħafna mid-drabi' għalkemm huma 19% biss li jgħidu illi għandhom dieta sostenibbli u sana dejjem. Fuq in-naħa l-oħra 14% jgħidu li jsegwu dieta tajba 'xi kultant', 3% 'qatt' u 6% ma jafux. 'Anke l-junk food għoli' Il-gazzetta ILLUM, f 'kuntatt li għamlet man-nutrizzjonista popolari Marion Mizzi li tmexxi kumpanija ewlenija tas-sbuħija u saħħa, inkluż numru ta' spas, staqsiet jekk taħsibx li dawn iċ- ċifri huma realtà u jekk fil-fatt il-Maltin isegwux dieta sana u sostenibbli. Mizzi sostniet li llum kważi kulħadd jaf x'inhi dieta sana u sostenibbli, għalkemm naturalment mhux kulħadd isegwi minħabba diversi fatturi. "Hemm ħafna raġunijiet għaliex persuna ma ssegwix imma l-prinċipali huma l-emozzjoni li tkun qed tħoss li ġġiegħlek tiekol ċerta tip ta' ikel, kif ukoll il-vizzji bħaz-zokkor, li ssibhom diffiċli li twaqqaf." Mizzi qalet illi minkejja li jkun hemm min jgħid li l-ikel sustanzjuż huwa għoli, fil-verità mhuwiex - speċjalment meta tħares fit-tul. Qalet ukoll li anke l-junk food huwa għoli għax mhux se jżommok f 'saħħtek u allura dan ikun ifisser bżonn ta' kura u mediċini. "Il-vitamini li se tiekol se jżommuk mimli u mingħajr xewqa li terġa tiekol (cravings) għal ħin itwal. Minn naħa l-oħra meta ma tikolx affarijiet li fihom sustanzi, apparti li jħaxxnu, se jqabbduk aktar ġuħ u se jkollok bżonn terġa tixtri, biex terġa' tiekol." Hija qalet illi llum anke pakkett gallettini sar għoli, "imma jekk minflok tiekol il- gallettini tagħmel borma ħaxix se tiġik l-istess prezz jekk mhux inqas ukoll u se timtela'." 'Jaqbillek tiekol b'mod san, għal ġismek u għal moħħok' Marion Mizzi fakkret li meta persuna tiekol b'mod san tħossok aħjar, anke psikoloġikament. "Ħafna mhumiex konxji tal- fatt li ħafna ikel junk food u zokkor ma jgħinx lill-moħħ u l-moħħ huwa organu importanti li għandu bżonn ħafna sustanzi. Mingħajr dawn is-sustanzi tibda tara kollox ikrah, jibda jaqbdek dipressjoni ..." Hi sostniet mal-ILLUM illi huwa neċessarju wkoll l-ilma, "li mingħajru wkoll ikollna żbilanċ u ma tħossokx tajjeb." Saħqet li ħafna drabi bosta jerġgħu jduru għall-istess junk food u pakketti jew inkella għat- tipjip meta ma jħossuhomx tajjeb u allura "jiġi qisu ċirku vizzjuż," qalet Mizzi. Temmet tgħid - fuq dan il-punt - li biex tgħaxxaq meta l-ġisem jaħraq "l-imbarazz" li tkun kilt juża l-ftit sustanzi li jkun għad fadallek bil-konsegwenza li jkollok ftit li xejn vitamini u ħafna kaloriji. "Din hija xi ħaġa li tagħmel ħafna ħsara, ftit minnha li tidher u oħra li ma tidhirx." 64% jorbtu l-ikliet magħmulin id-dar ma' ħajja sana L-istħarriġ juri kif meta mistoqsijin x'tinvolvi dieta sostenibbli u sana 77% qalu illi din tfisser li tiekol aktar ħaxix u frott filwaqt li 76% semmew li tiekol varjetà ta' ikel u dieta bilanċjata. 64% qalu li għalihom li tiekol aktar ikliet li jsiru d-dar huwa dieta sana u sostenibbli u 63%