Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1311610
17 letteratura illum • IL-ĦADD 22 TA' NOVEMBRU 2020 Fil-paġna letterarja ta' din il-ġimgħa Kevin Saliba jkompli fejn ħalla l-Ħadd li għadda billi jiftaħ djalogu mal-Professur Anthony Aquilina dwar il-kittieb Albert Camus, l-iżjed dwar iż-żminijiet tar-rivista Le Temps Modernes. Jispikkaw l-iżjed il-kwistjonijiet dwar jekk Camus kienx eżistenzjalist tabilħaqq u dwar jekk kellux ukoll xi ftit tar-raġun fil-konfronti tiegħu mal-filosofu Jean-Paul Sartre. Saliba jittanta jistaqsi mill-perspettiva ta' Sartre, mentri Aquilina jiddefendi spiss bis-sħiħ lil Camus. Iħabbar ukoll l-ambizzjoni tiegħu li jippublika x-xogħlijiet kollha ta' Camus fl-ilsien Malti. Ifakkar ukoll illi għadu kif nieda t-traduzzjoni tar-rumanz filosofiku La Chute (Il-Waqgħa, 1956). Id-djalogu jintemm b'riflessjonijiet fuq Il-Mit ta' Sisifu, b'veduti differenti rigward kif l-aħjar għandna nistħajlu lil din il-figura mitoloġika Griega: jekk hux sempliċement ferħan bid- destin tagħa jekk inkella fiduċjuża bit-tama li għada pitgħada għad terġa' tilħaq modi ta' essri ogħla... ċerta ammirazzjoni lejn Camus il-kittieb, ftit li xejn kellu stima lejn Camus il-filosofu. Sa wasal jgħid lis-segretarju personali tiegħu Jean Cau li Camus kien biss "speċi t'għalliem tal-iskola" u li "fil-filosofija ma kienx jiswa karlin". Ngħiduha kif inhi: diffiċli tmeri dal- fatt sal-aħħar. Diffiċli tiċħad ukoll illi fil-biċċa l-kbira dan kien il-kaġun tal-bosta malintiżi li kissru l-ħbiberija personali bejn dawn it- tnejn. X'jaħti Sartre jekk tassew Camus kien intellettwali għażżien? Ippermettili ngħidlek illi fil-ħajja l-intellettwali għażżien ma jeżistix. Jeżistu l-intellettwali u l-psewdointellettwali. Camus qatt ma ppretenda li kien xi filosfu, dan hu minnu, imma kien intellettwali ġenwin li qatt ma pprova jġib il-boċċa viċin il-likk biex jiddefendi t-totalitariżmu kif għamlu ripetutament Sartre u dawk ta' madwaru. Ngħidlek iżda li ż-żewġ awturi kienu ħbieb, alleati, jikkompetu ma' xulxin u avversarji. Mad-diverġenzi filosofiċi ta' bejniethom jiżdiedu l-kunċett li kellhom dwar l-impenn politiku u l-letteratura. Biss kienet il-politika li ttrasformat in-nuqqas ta' qbil bejniethom f 'konfront aħrax. Mhux il-każ hawnhekk nistabbilixxi parallel bejn Camus u Sartre, imma wieħed irid jgħid li l-bidu tal-karriera ta' dan tal-aħħar kien aktar diffiċli minn dak tal-ewwel, minkejja li kellu kapital materjali, soċjali u intellettwali aktar għani minn ta' Camus. Sartre kellu qrib l-erbgħin sena meta sar famuż filwaqt li Camus lanqas kien għad kellu tletin meta għamel suċċess kbir b'L'Étranger. Sartre nnifsu ta spjega fit-tul dwar dan ir-rumanz fil-Cahiers du Sud. Iż-żewġt irġiel iltaqgħu fiżikament f 'Pariġi fl-1943 u ngwalawha minnufih. Wara l-liberazzjoni ta' Franza, Camus kien aktar ikkwotat bħala résistant minn ħabibu u sar l-editur prinċipali tal-aktar ġurnal prestiġjuż f 'Pariġi dak iż-żmien, Combat. F'din il-kariga, hu qabbad lil Sartre jagħmel rapportaġġ f 'Awwissu tal-1944 fuq Un promeneur dans Paris insurgé u aktar tard bagħtu l-Amerika bħala riporter. Meta mbagħad Sartre nieda Les Temps modernes, anki jekk Camus ma kienx jagħmel parti mill-bord editorjali għax ovvjament ma kienx eżistenzjalist, ir-rapport ta' bejniethom kien għadu tajjeb ħafna. Imma fl-1951, is-sena li fiha Camus ħareġ L'Homme révolté, fejn insibuh jikkritika l-kommuniżmu u l-Markxiżmu, kien deher biċ-ċar li wara l-qasma bejniethom kien hemm fil-fatt il- politika. Simone de Beauvoir f 'La Force de choses, prattikament tliet snin wara l-mewt ta' Albert Camus, ammettiet li kien il- moraliżmu politiku tiegħu li tant spiċċa biex irritah lil Sartre. Sartre kien ovvjament qed ilesti biex iħaddan il-politika estremista tar- revoluzzjoni qabel id-demokrazija. Fl-14 ta' Diċembru 1954, Camus fil-Carnets tiegħu jirreferi għall-eżistenzjalisti bħala "juges- pénitents / imħallfin-sogħbiena", (jakkużaw lilhom infushom sabiex jgħakksu lill-oħrajn), u profeti foloz. Georges Bataille, li ssemmi inti wkoll Kevin, żamm ma' Camus fil-querelle ta' bejniethom, kif taf. Is-sabiħa hi li fit-tletinijiet, mentri Sartre kien biss spettatur fil-politika, Camus kien diġa impenjat bis-sħiħ mal-Partit Komunista fl-Alġerija. Illum nafu li l-istorja tatu raġun fuq il-kwistjoni tas-soċjaliżmu reali bil-waqgħa tal-ħajt ta' Berlin. It-tmiem tal-ideoloġiji / la fin des idéologies li bassar Camus qiegħed magħna, anki jekk b'dispjaċir ikolli ngħid illi ħafna Maltin għadhom ma rrealizzawhx dan. S'issa ppubblikajt erba' traduzzjonijiet għall- Malti ta' Albert Camus: Il-Maqlub u s-Sewwa (L'envers et l'endroit, 1937), Is-Sajf (L'Eté, 1954), Il-Muti (Les Muets, 1957) u Il-Waqgħa (La Chute, 1956). Niftaħ parenteżi: kważi ħamsa u għoxrin sena ilu, meta kien għad kelli biss sittax-il sena, niftakarni litteralment msaħħar u naqra t-traduzzjoni tiegħek tal-ġabra ta' saġġi L'Eté — il-proża lirika, il-malinkonija, it-tama, ir-rieda għall-ħajja, il-ġmiel tal-ilsien Malti mirqum. Għaldaqstant kien bis-saħħa tiegħek, parzjalment, illi bdejt nieħu interess kemm fil-letteratura eżistenzjalista u kemm fit-traduzzjoni letterarja għall-ilsien Malti. Kieku dak iż-żmien xi ħadd ġie jgħidli li 'l quddiem — daqs ħamsa u għoxrin sena wara — ser inkun qed niddiskuti dan kollu miegħek ma nafx jekk kontx nemmnu. Dik il-ħabta dan l-interess kompla jitqawwa, sewwasew waqt il-lezzjonijiet ta' Immanuel Mifsud, bl-iskoperta tad-dramm Bil-Bieb Mitbuq (Huis clos, 1945) ta' Sartre. Mit-testi ta' Camus illi ttraduċejt s'issa, liema wieħed ħalla l-ikbar impatt fuq il-mod kif tinterpreta lid-dinja? U fil-fehma tiegħek, liema xogħol minnhom huwa l-iżjed relevanti għal kulma qegħdin niddiskutu hawnhekk? Fil-fatt ippubblikajt ukoll Il-Mara Midinba / La femme adultère (Il-Malti: 2005) u L-Apostata jew Moħħ Imħarbat / Le Renégat ou Un Esprit Confus (Il-Malti: 2006) li flimkien ma' Il-Muti jagħmlu parti mill-ġabra ta' novelli Turufnament u Saltna / L'Exil et le Royaume. Il-kumplament huma lesti wkoll u biħsiebni nippubblikom mhux aktar waħda waħda imma kollha flimkien fi ktieb, u ninkludi dawk li diġà dehru f 'Il-Malti. Ippubblikajt ukoll f 'Mill-Petali ta' Ħajtek, traduzzjoni għall- Malti tat-taħdita li kien ta Camus fit-8 ta' Frar 1937 fuq La nouvelle culture méditerranéenne / Il-Kultura Ġdida Mediterranja. L-ambizzjoni tiegħi hi li nippubblika, jekk jista' jkun, ix- xogħlijiet kollha ta' Camus. Pereżempju għadni kif irqomt l-ewwel dramm taċ-ċiklu tal-assurd, Caligula / Kaligula. Imurx għall- istampa malajr jew le jiddependi mill-fondi għad-dispożizzjoni. Naturament, qed nieħu gost nisimgħek tgħid kemm għoġbok u ħalla impressjoni fuqek il-ktieb ta' saġġi liriċi Is-Sajf. Minn meta qrajtu int ħamsa u għoxrin sena ilu ħarġet it- tieni edizzjoni tiegħu. Intgħoġob minn ħafna tabilħaqq. Ktieb ieħor ta' saġġi li jittrattaw is- sbuħija tal-ambjent Alġerin jismu Noces / Tieġ illi qlibtu wkoll u m'għandux jiddiżappuntak meta joħroġ għax sabiħ daqs L'Été. Inkwantu għall-ktieb ta' Camus li l-aktar ħalla impatt fuqi ngħid li huwa La Chute / Il-Waqgħa. Emminni, mhux qed ngħid hekk għax dan l-aħħar wieħed li ħriġt. Imma huwa verament ktieb illi tispiċċa taqrah ħafna drabi u b'garanzija m'hemmx faċċata li ma fihiex x'tomgħod. Kapulavur inkwantu għall-istil deliranti li bih huwa miktub u r-reżonanza tiegħu. Mhux ta' b'xejn rebbaħ lil Camus il- Premju Nobel fl-1957. Dwar liema xogħol tiegħu hu l-aktar rilevanti għal li qed ngħidu f 'din l-intervista, forsi hu Il-Mit ta' Sisifu, għax minn hemm beda kollox fit-trajjettorja ta' kitbiet l-awtur. Iżda mbagħad ix-xogħlijiet kollha tiegħi jingħaqdu biex imbagħad jiffurmaw kullana waħda, mill-ewwel sa l-aħħar wieħed (Le Premier Homme / L-Ewwel Bniedem), li hu ma laħaqx temm. Ilkoll iservu biex tittwitta t-triq għal speċi ta' vanġelu ġdid, imsejjes fuq is-saltna tal-bniedem ribell: "is- saltna kollha tiegħi hi ta' din id-dinja." (L'envers et l'endroit / Il-Maqlub u s-Sewwa). Iżjed milli fuq ix-xogħlijiet li ttraduċejt s'issa, fl-artiklu tiegħi tal-ġimgħa li għaddiet iffukajt l-iktar fuq il-ġabra ta' saġġi Il-Mit ta' Sisifu. Irrimarkajt li daqs ħames snin ilu kont ittraduċejt l-aħħar kapitlu (Il-Mit ta' Sisifu) biex bħal ninnegozja t-tiġrib tal-aħħar jiem ta' missieri li kien qed imut bil-kanċer. Għaldaqstant minkejja li dan ix-xogħol jista' jitqies bħala tentattiv letterarju anti- eżistenzjalist, ngħid għalija dan xorta waħda jibqa' l-iżjed test ta' Camus għal qalbi. Kif għedt ġimgħa ilu, qabelxejn dan it-test joffri stħarriġa serja ħafna rigward kemm is-suwiċidju jista' jkun risposta tabilħaqq valida kontra l-assurdità tal-eżistenza. Camus ftit li xejn jagħtiha kredtu, tant illi minkejja kollox fl-aħħar mill-aħħar jgħidilna li "t-taqtigħa nfisha lejn il-qċaċet tibbasta għalbiex qalb il-bniedem timla" u li "lil Sisifu għandna nistħajluh kuntent". Imma kif nistgħu nagħmlu dan? Tassew għandna nistħajlu lil Sisifu kuntent? Ma taħsibx illi hemm romantiċiżmu xejn f'loku f'din l-attitudni? Bħalissa dal-ħin bħal donni qed nisma' lil Sartre jistaqsi dan kollu filwaqt li jtenni l-istess akkużi li għamel lil Camus fil-korrispondenzi tar-rivista Les Temps Modernes. Minkejja l-għożża li biha naqra dan it-test, diparti tiegħi minn daqqiet nippreferi nimmaġina lil Sisifu fiduċjuż, stinat, testard — eżistent mimli bil-almu wtiq tat-tama iżjed milli bil-kuntentizza falza tar- rassenjazzjoni kważi Stojka. Tgħix bit-tama u tmut bil-piena jgħid il-Malti. Iżda hawnhekk żgur mhux bilfors il-każ. Qabelxejn il- kundizzjoni ta' Sisifu minnha nfisha diġà hija piena. Għaldaqshekk akkont il-kwistjoni dwar piena u mhux piena hawnhekk forsi ma tqumx. Iżjed minn hekk, Sisifu kien azzarda jħaqqaqha mal-allat għal darba tnejn u ġieli wkoll seħħlu jiskansa minn fuqu l-kastigi tagħhom. Jidhirli li kien hemm xenqa kbira għall-ħajja f'Sisifu, twemmin illi jistħoqqlu destin ogħla mill-kapriċċi assurdi tal-allat. Fir- reżistenza passiva li joffri Sisifu ta' Camus lejn tmiem ir-rakkont ma nsibu xejn minn dan. Anzi, bħal donnu jagħti ruħu b'mirbuħ. Liem Sisifu tippreferi? Is-Sisifu stinat jew is-Sisifu mmansat? Kevin tant hemm x'wieħed jgħid imqar b'reazzjoni għall-preambolu tiegħek li żgur jeħtiġilna intervista oħra. Ikolli bilfors inwieġeb fuq fuq. Nistiednek qabel kollox iżżomm quddiem għajnejk illi Camus marad zgħir bit-tuberkulożi u fi żmienu l-kura xejn ma kienet effikaċi. It-trawma li ħallietlu din il-marda nsibu l-eku tagħha b'referenzi għall- manifestazzjoni tagħha f 'xi mument jew ieħor prattikament f 'kull waħda mill-opri letterarji prinċipali tiegħu. Mela t-tentazzjoni tas- suwiċidju mhix xi ħaġa aċċidentali fl-istħarriġ ta' Camus. Fl-ewwel kapitlu tal-ewwel parti ta' Il-Mit ta' Sisifu, "L'absurde et le suicide / L-Assurd u s-Suwiċiju", hu jistaqsi lilu nnifsu jekk fil-fatt is-suwiċidju hux is-soluzzjoni għall- assurditajiet tal-ħajja. Jagħmel l-osservazzjoni, ġusta fl-opinjoni tiegħi, illi l-ġisem darba nirrikonoxxu li jeżisti qabel il-ħsieb, ladarba ngħixu qabel nirriflettu, jitgerrex quddiem l-idea li jrid jispiċċa. Ninnegaw illi l-ħajja tagħmel sens, allura jwassal biex daqslikieku ngħidu li mhux valapena ngħixuha. Iwassal biex intemmuha jew insibu kenn fit-tama li hemm ħajja oħra. Camus jagħżel jibqa' loġiku fir-riċerka tiegħu biex iwieġeb għall-mistoqsija li twelled is-sentiment tal-assurd. "Loġiku sal- aħħar" jinsisti, anki jekk din il-loġika tirriżulta "f 'loġika sal-mewt". L-iżvilupp ta' dil-loġika, li lesta tistrieħ biss fuq l-evidenza u ċ-ċertezza, huwa dak li jifforma raġunament assurd, preċiżament it-titlu tal-ewwel parti ta' Il-Mit ta' Sisifu. Mela Camus mhux jistħarreġ "il-kuntentizza falza tar-rassenjazzjoni" li aċċennajt għaliha inti. Għalih l-assurd jirrappreżenta l-punt tat-tluq li ma jippreġudika bl-ebda mod l-punt tal-wasla. Insomma, jittratta l-assurd bħalma Nietzsche jittratta n-niħiliżmu. Mill-bidu nett l-awtur ta' Il-Mit ta' Sisifu jaċċentwa li l-attitudni tiegħu hija waħda klinika, sperimentali u m'għandhiex għalhekk titħawwad mal-gwaj illi tiddiskrivi. Inħallik bi kwotazzjoni li Camus jissellef minn Pindare, u li għandha tikkonvinċik li għalih tassew "il faut imaginer Sisyphe heureux": O ruħ tiegħi taspirax għall-ħajja immortali, iżda eżawrixxi l-possibiltajiet li toffrilek.