Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1321279
14 kultura IL-ĦADD 20 TA' DIĊEMBRU 2020 • illum FORSI MHUX FL- ISTATURA, IŻDA ŻGUR FIS-SENGĦA ĠGANTI... Iċċelebrat l-40 anniversarju minn meta t-Tempji tal-Ġgantija, li jissorprendu eluf ta' Maltin u barranin kull sena, ingħataw mill-UNESCO t-titlu importanti ta: "Sit ta' Patrimonju Dinji. Imma nafu biżżejjed dwar dawn it-tempji li jmorr u lura eluf kbar ta' snin? DANIELA ATTARD BEZZINA, HERITAGE MALTA Il-mistoqsija "Imma kif jista' jkun?" tibqa' tirbombja f 'moħħok fis-skiet tal-Ġgantija, fejn tħossok żgħir mhux biss ħdejn id-daqs tal-ħaġar li jsawru dawn it-tempji iżda, iktar u iktar, ħdejn il-kobor tal-ħila ta' nies li kważi sitt elef sena ilu ħolqu struttura monumentali unika bla ma kellhom imqar farka mill-għajnuna xjentifika u teknoloġika li għandna llum. Nies li ma kinux ġganti fl-istatura fiżika iżda f 'sengħethom, u li grazzi għalihom il-UNESCO ddikjarat lill-Ġgantija bħala Sit ta' Patrimonju Dinji fl-1980. It-titlu "Sit ta' Patrimonju Dinji", li t-Tempji tal-Ġgantija din is-sena qed jiċċelebraw l-40 anniversarju minn meta ngħatalhom, ma jġorrx biss prestiġju. Iġorr ukoll id-dmir li jittieħdu deċiżjonijiet għaqlin biex tkun salvagwardjata l-integrità tas-sit. X'qed isir, allura, biex ikun onorat l-obbligu li s-sit tal-Ġgantija jkun protett bi kwalunkwe mod possibbli? Daphne Sant Caruana, il- kuratriċi prinċipali tat-Tempji tal-Ġgantija, spjegatli li wieħed għandu jinnota qabelxejn li t-Tempji tal-Ġgantija huma preservati tajjeb ħafna, grazzi għall-fatt li fil-parti l-kbira tagħhom inbnew bil-ġebla tal- qawwi, li titmermer b'rata inqas mgħaġġla mill-ġebla tal-franka. Iżda għalkemm il-qoxra esterna tat-tempji hija tal-qawwi, insibu elementi tal-franka f 'xi partijiet bħall-bibien u l-altari. Xi snin ilu, kumitat xjentifiku kien fassal pjan ta' konservazzjoni għat-tempji megalitiċi kollha tal- gżejjer Maltin, li fost oħrajn kien wassal biex xi tempji tgħattew b'tinda li tħarishom mill-elementi. Ittieħdu wkoll miżuri għall- ħarsien tat-tempji tal-Ġgantija, li l-implimentazzjoni tagħhom hija kontinwa. Fost oħrajn, dawn jinkludu żjarat regolari minn konservaturi tal-ġebla li jagħmlu interventi biex jipproteġu l-partijiet interni tat-tempji. Barra minn hekk, mal-faċċata tat-tempji u ma' xi partijiet interni, twaqqfet struttura tal- ħadid bħala miżura li tipprevjeni kollass u ħsara irreparabbli fis-sit. Għall-quddiem hemm ippjanati soluzzjonijiet ġodda li filwaqt li jipproteġu l-faċċata, huma inqas intrusivi estetikament. Il-UNESCO nfisha wkoll tat sehemha, billi pprovdiet fondi biex inxtraw strumenti apposta li jiċċekkjaw il-moviment tal-ħitan li jifformaw il-faċċata tat-tempji. L-40 anniversarju mid- dikjarazzjoni tal-UNESCO mhuwiex importanti biss għar- rikonoxximent prestiġjuż fih innifsu, imma iżjed u iżjed għat- tifsira kbira li hemm warajh. "Biex sit jiġi inkluż fil-lista tal-UNESCO ta' Siti ta' Patrimonju Dinji, irid jissodisfa diversi kriterji u jgħaddi minn proċess dettaljat ta' evalwazzjoni. Għalhekk it-titlu "Sit ta' Patrimonju Dinji" għandu sinjifikat kbir u permezz tiegħu l-UNESCO qed tiddikjara li dak is-sit irid jiġi protett b'kull mezz, inkluż bil-liġi tal-pajjiż. Mhux biss, iżda qed tiddikjara wkoll li s-sit jirrappreżenta xi ħaġa importanti u unika għall- umanità, u għalhekk jinħtieġ li jiġi preservat," qalet is-Sa Sant Caruana. Fil-każ tal-Ġgantija, il- UNESCO hija tal-fehma li dan is-sit jirrappreżenta pass kbir fl- istorja tal-umanità, jiġifieri l-ħila li l-bniedem joħloq kunċett ta' arkitettura monumentali li ma hemmx bħalha fid-dinja, mhux biss fl-istil iżda wkoll f 'termini ta' sengħa. Dawk in-nies li lejn nofs ir-raba' millennju qabel Kristu bdew jibnu l-aktar parti bikrija tat-Tempji tal-Ġgantija, kellhom intellett straordinarju biżżejjed biex ħolqu u żviluppaw kunċett arkitettoniku innovattiv li ma jidhirx li kien influwenzat minn xi kultura barranija. Huwa għalhekk li dawn it- tempji – flimkien ma' tempji megalitiċi oħra f 'Malta li wkoll huma mniżżlin fil-lista ta' Siti ta' Patrimonju Dinji – jitqiesu bħala li permezz tagħhom l-umanità rnexxielha titla' skaluna ewlenija fit-taraġ tal-progress. Qabel ma x-xjenza bdiet tweġbilna l-mistoqsijiet li bilfors nistaqsu quddiem kapolavuri bħall-Ġgantija, il-bniedem ma setax isib spjegazzjoni għal kif dan il-ħaġar kbir seta' twaqqaf. Għalhekk assoċja din l-istruttura kbira ma' nies ta' ċerta saħħa, jew saħansitra ġganti, u nibbet l-isem 'Ġgantija' li bih dawn it-tempji għadhom magħrufa sal-lum. Illum ix- xjenza tgħallimna li dawk il-bennejja ma kinux ġganti fl-istatura, iżda kienu nies ta' ħila kbira u b'għarfien sħiħ tal-ġeoloġija ta' gżirithom, li mmassimizzaw il-potenzjal kollu tagħha. Huwa dan l-għarfien tar-riżorsi li kellhom għad- dispożizzjoni tagħhom, u ta' kif setgħu jużawhom bl-aħjar mod possibbli, li jagħmel lil dawn in- nies ġganti fil-ħila u fis-sengħa li ħallew warajhom binja ta' importanza universali. Il-Ġgantija m'għandhiex tkun it tagħrif f 'paġna ta' gazzetta – hi esperjenza li trid tħossha fuq il-post, fejn issibha aktar faċli biex timmaġinak f 'Għawdex ta' kważi sitt elef sena ilu u tipprova tiem kif missirijietna, b'għodod primittivi imma bi sforz kollettiv, fuq nitfa ta' gżira rnexxielhom joħolqu struttura daqstant unika li l-UNESCO ddikjaratha bħala ta' valur għad-dinja kollha. F'dak is-sens ta' kburija bl- identità tagħna jinsab is-seħer tal- Ġgantija. Il-Ġgantija... ġrajja ta' 6000 sena It-Tempji tal-Ġgantija nbnew fi tliet stadji fuq perjodu ta' mijiet ta' snin bejn nofs ir-raba' millennju u nofs it-tielet millennju qabel Kristu. L-istruttura tikkonsisti f 'żewġ tempji ħdejn xulxin, imħaddnin minn ħajt wieħed li jdawwarhom it-tnejn li huma u b'faċċata waħda għat-tnejn li huma. It-tempji baqgħu jintużaw għal madwar elf sena, sakemm il-kultura tat-tempji megalitiċi għebet f 'salt wieħed u b'mod misterjuż mill-Gżejjer Maltin. Huma ġew skoperti mill-bniedem modern fis-snin 20 tas-seklu 19. Dak iż-żmien kien maħsub li dawn kienu tempji ta' żmien il- Feniċi. Għalkemm fil-bidu qanqlu l-interess ta' diversi akkademiċi u aristokratiċi, it-tempji tħallew mitluqa għal aktar minn mitt sena. Meta mbagħad, fis-snin 30 tas- seklu 20, il-gvern Malti esproprja l-art fejn tinsab il-Ġgantija, saru għadd ta' skavi u s-sit infetaħ għall-pubbliku fl-1949. Illum it- Tempji tal-Ġgantija huma fost l-iktar siti storiċi li jżuruhom nies fil-Gżejjer Maltin.