Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1342441
J ekk wieħed imur ftit lura fiż- żmien u jikkumpara ħajjitna ma' dik tal-passat jinduna li hemm differenza kbira fil-mod li bih sirna ninterattaw ma' xulxin, kemm fuq livell personali, dak professjonali u wkoll fejn jidħol il-kummerċ. Id-differenza ewlenija hija li llum nagħmlu użu minn numru vast ta' servizzi diġitali u pjattaformi onlajn li saru parti integrali minn ħajjitna, għodod li qabel ma kinux jeżistu jew inkella ftit li xejn kienu għadhom żviluppaw. Faċli wieħed jinsa minn fejn bdejna għaliex ir-revoluzzjoni diġitali f 'dawn l-aħħar snin kienet tant mgħaġġla li tista' tgħid lanqas tant kellna ċans nadattaw b'mod xieraq. L-iżviluppi diġitali ħallew impatt kbir fuqna lkoll, impatti li forsi ftit naħsbu fuqhom u qajla nagħtu kas, imma hemm qegħdin. Din il-ġimgħa varajt studju li kkommissjonajt fuq inizzjattiva personali li jħares lejn l-użu tal-midja soċjali u l-internet fil-gżejjer Maltin. L-istudju li kien qiegħed isir matul dawn l-aħħar xhur jagħti ħarsa kemxejn differenti lejn dan is-suġġett li tant drajna nisimgħu fuqu, għaliex iħares b'mod partikolari lejn l-impatt tal-użu ta' dawn is-servizzi u jagħti importanza lil aspetti li forsi ftit nagħtu kashom meta nkunu qed nagħżlu li nibdew nieħdu sehem f 'din ir-realtà diġitali. Ġew analizzati bosta fatturi u r-riżultati li ħarġu jixhdu d-dipendenza li sar għandna fuq dawn is-servizzi diġitali. Fost affarijiet oħrajn, minn dan l-istudju ħareġ li aktar minn 20% tal- parteċipanti, jiġifieri persuna minn kull ħamsa, jużaw il-midja soċjali għal aktar minn erba' sigħat kuljum, b'aktar minn 80% minnhom jammettu li dan sar vizzju f 'ħajjithom. Ħareġ ċar li l-midja soċjali għandha impatt fuq l-imġieba tal-utenti tal- midja soċjali, u aktar minn hekk, li din ir-realta' diġitali li qegħdin ngħixu fiha ġabet magħha forma ġdida ta' dipendenza li qed taffettwa l-aktar lill-ġenerazzjonijiet aktar żgħar, liema impatt fuq l-iżvilupp psikosoċjali tagħhom żgur ma jistax jiġi njorat. Sfortunatament, is-siti tal-midja soċjali li nużaw ta' kuljum għandhom rwol kruċjali li jgħin lil bosta negozji jirreklamaw aħjar il-prodotti tagħhom, għaliex mingħajr ma nindunaw ikunu qegħdin kontinwament jagħmlu użu mid-data li jkunu qed jiġbru fuqna u jużawha biex tiġi analizzata l-imġieba tagħna. Din l-analiżi u d-data għaldaqstant hija imprezzabbli għan-negozji li jkunu qed ifitxxu li jirreklamaw onlajn, għaliex tippermettilhom li jilħqu lil dawk li potenzjalment jistgħu jkunu klijenti tagħhom b'aktar faċiltà u tiżdied l-effettività tar-reklamar tagħhom. Dan hu inaċċettabbli. L-informazzjoni personali tagħna mhux għall-bejgħ u nemmen li hemm bżonn li tittieħed azzjoni fuq livell Ewropew kontra dan it-tip ta' reklamar li jindirizza direttament lil individwu. Ir-realta' hi li dawn il-pjattaformi llum ħadu post il-pjazez u l-postijiet tradizzjonali li fihom qabel in-nies kienu jiltaqgħu biex jissoċċjalizzaw u jżommu ruħhom aġġornati b'dak li jkun qed jiġri fid-dinja ta' madwarhom, u kull ma jmur, il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar qed jiġu infilzati minn eta' aktar żgħira f 'din id-dinja diġitali. Illum tant kemm infirex l-użu ta' dawn is-servizzi, u l-użu tal-internet b'mod ġenerali, li wieħed iħossu eskluż mis-soċjeta' jekk ma jipparteċipax u ma jagħmilx użu minnhom hu wkoll. Fl-aħħar mill-aħħar, irridu nirrikonoxxu li dawn is-servizzi ġabu magħhom vantaġġi li qas konna noħolmu bihom qabel, pero' huwa importanti li nagħrfu kif nużawhom u fuq kollox, irridu nagħrfu wkoll li sar ħafna żvilupp mingħajr ma kien hemm qafas regolatorju li joffri protezzjoni lilna lkoll bħala utenti. Sfortunatament ir-riżultat ta' dan huwa li dawn il-pjattaformi abbużaw u spiċċaw iqisu lill-utenti tagħhom biss bħala suġġetti tad-data li l-informazzjoni personali tagħhom tista' tiġi sfruttata għal skopijiet kummerċjali. Filwaqt li l-utenti jqisu lilhom infushom bħala ċittadini tad-dinja diġitali, il-pjattaformi jqisuhom biss bħala konsumaturi. Mill-istudju ħareġ ukoll kemm il- ġenerazzjonijiet moderni, forsi anke minħabba li qed jiġu mrobbija f 'din ir-realtà diġitali minn meta jkunu żgħar, jafdaw lill-pjattaformi u s-siti tal-midja soċjali, tant li huma aktar lesti li jgħaddu informazzjoni fuqhom. Aktar minn hekk, ir-riċerka turi li minkejja li l-Maltin jagħtu importanza kbira lill-privatezza ftit li xejn jieħdu azzjoni biex jipproteġuha onlajn. Huwa propju għalhekk li għażilt li niffoka ħafna mill-enerġija tiegħi fil- Parlament Ewropew sabiex inqajjem kuxjenza fuq din ir-realtà u biex fuq kollox nara li jkun hemm qafas leġiżlattiv b'saħħtu u adegwat għaż- żmien li qed ngħixu fih permezz tar- rapport li ħejjejt għall-Att dwar is- Servizzi Diġitali. Nemmen li d-dinja diġitali għandha bosta benefiċċji li jistgħu jgħinuna f 'kull aspett ta' ħajjitna, pero' nemmen ukoll bis-sħiħ li soċjetà diġitali li tiffunzjona, ġusta u trasparenti trid tkun mibnija fuq tagħlim li jgħin liċ-ċittadini diġitali jieħdu l-passi neċessarji, fuq kollox bħalma nagħmlu fid-dinja reali, biex inkunu protetti onlajn ukoll. Din l-edukazzjoni trid tingħata lil kulħadd, mill-kbar saż-żgħar sabiex tiġi ppreservata l-awtonomija personali tal-utenti u jiġi evitatat kull attentat ta' abbuż li wieħed jista' jsofri onlajn. Pero' dan it-tagħlim irid ikun akkumpanjat ukoll b'għododu għażliet ċari li jsaħħu idejn min juża l-pjattaformi diġitali, speċjalment biex ikollna kontroll aħjar tal-informazzjoni privata. Alex Agius Saliba huwa Ewroparlamentari tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba 19 opinjoni illum • IL-ĦADD 21 TA' FRAR 2021 Kemm aħna protetti fid-dinja diġitali?