Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1342441
16 letteratura IL-ĦADD 21 TA' FRAR 2021 • illum Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb It-Tawmaturgu Mill-ħmura ta' filgħaxija għall- ħmura ta' filgħodu K.S.: Nistgħu ngħidu li l-ġeneru tal-fantaxjenza fil-letteratura tagħna għadu fl-infanzja tiegħu. Kienet xi ħaġa rari, qabel il-pubblikazzjoni tar- rumanz tiegħek It-Tawmaturgu fl-2017, li joħroġ xi ktieb validu f 'dan il-ġeneru. Madankollu, minbarra r-rumanz tiegħek, għall-kategorija tar-rumanzi tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb tal-2018 tressqu żewġ rumanzi fantaxjentifiċi oħra. Terġa' u tgħid tnejn minnhom, fosthom tiegħek, intagħżlu bħala finalisti u wieħed minnhom, voldieri Rokit ta' Loranne Vella, saħansitra rebaħ il-Premju. Laqtitni wkoll il-varjetà tat-tliet rumanzi inkwistjoni: minn narrattivi post-apokalittiċi s'oħrajn, bħal dan tiegħek, li tnebbaħ minn għejun iżjed mhux tas-soltu bħal-letteratura u l-logħob tal-Warhammer u x-xogħlijiet ċinematografiċi bħal Star Trek u Star Wars. Kif tispjega did-daqsxejn ta' splużjoni? U taħseb li b'mod ġenerali dan kien biss il-bidu? Jew din fil-biċċa l-kbira kienet biss fażi? M.F.: L-idea wara It-Tawmaturgu bdiet bit-teżi tal-Masters fit- Traduzzjoni meta ttraduċejt xi siltiet mir-rumanzi Soul Hunter ta' Aaron Dembski-Bowden u Prospero Burns ta' Dan Abnett għall-Malti. Qabel ma kinitx tgħaddili minn moħħi li nikteb rumanz fantaxjentifiku bil- Malti. Madanakollu jien u nikteb it-teżi rajt li dan jista' jsir. Fil-kamp letterarju Malti dak iż-żmien kien hemm Meta Jaqa' ċ-Ċpar ta' Trevor Zahra, Magna Mater ta' Loranne Vella u Ora ta' Roman Païen. Ftit wara li bdejt nikteb It-Tawmaturgu John Bonello ppubblika r-rumanz Fil-Mergħat tal-Impossibbli: dik il-lakuna bdiet timtela bil-mod il- mod. Tajjeb li ngħid li Bonnello kien il-mentor tiegħi waqt li qed nikteb u li l-għajnuna tiegħu swiet mitqlu deheb, kemm għax huwa awtur stabbilit diġà u kemm għax huwa midħla tal-universi ta' fantaxjenza bħal Star Wars u Star Trek. Ġaladarba xrobna mill-istess għejun seta' jerfgħani minn xagħri milli nagħmel ċerta żbalji. Spikka l-fatt li fl-2018, minn tmien rumanzi, kien hemm tlieta fantaxjentifiċi: It-Taár ta' John Bonello, Rokit ta' Loranne Vella u It-Tawmaturgu. Ilkoll ħadu angoli partikulari. Din il-varjetà kienet possibbli għax sa dak iż-żmien it li xejn kien hemm kotba ta' fantaxjenza bil-Malti. Il-vantaġġ li tittanta timla lakuna f 'letteratura hu li jkollok aktar libertà dwar ir- reġistri li trid toħloq – xi ħaġa li t-tlieta li aħna stajna nagħmlu. Mill- banda l-oħra kellna d-diffikultà li ma kienx hemm reġistri eżistenti li stajna nkomplu nibnu fuqhom u għaldaqstant ħtiġilna nibdew kollox mill-bidu. Kif nispjega din l-isplużjoni? It-tlieta li aħna ridna nagħmlu xi ħaġa differenti fil-letteratura Maltija, it-tlieta li aħna nħobbu l-fantaxjenza. L-użu tal-Malti ma kienx ta' xkiel, anzi l-fantaxjenza li ħloqna mdakkra mil-ilsien li qed inħaddmu. Nixtieq li ma kinitx biss fażi. Nixtieq li niktbu xogħlijiet oħra ta' fantaxjenza u nixtieq li nebbaħna awturi oħrajn biex jiktbu fantaxjenza bil-Malti. K.S: Fir-rumanz Il-Pesta (1947) Albert Camus jgħid illi "l-biċċa hi li lkoll niddejqu. Għaldaqstant ninxteħtu nrawmu d-drawwiet". Jidhirli li dina l-osservazzjoni dwar il-kundizzjoni umana tgħodd għal kull żmien u epoka. Torbot ukoll mal-fenomenu – tant mistħarreġ mill-filosofija u l-psikoloġija – tal-aljenazzjoni. Tgħodd ukoll għan-narrattiva tiegħek, l-iżjed meta tqis l-istat mentali tal-umanità li tiddeskrivi fir-rumanz It-Tawmaturgu. Kif irrimarkat Melisande Aquilina f 'intervista miegħek għall-ġurnal The Times of Malta, "il-bnedmin imdejqin. Jippruvaw minn kollox biex iħossu xi ħaġa – il-vjolenza, l-isport, is-sess addoċċ, sustanzi alluċoġeniċi applikati bir- reqqa, u dan jenfasizza l-fatt illi forsi l-ġejjieni mhux differenti mill-mument tal-lum". Aquilina rrimarkat ukoll, bħalma ġieli għamilt int f 'diversi kummenti oħra li tajt dwar dan ir-rumanz, illi l-karattru l-prinċipali – l-eroj, biex insejħulu hekk – huwa individwu b'sisien sodi fil- letteratura u fil-mitoloġija. Interpretazzjoni possibbli ta' dan il-karattru mistħajjel – l-iżjed jekk nanalizzawh fil-kuntest partikulari tiegħu – hija li dawn il-ħwejjeġ huma r-risposta għad- dekadenza u għad-degradazzjoni taċ-ċiviltà. Inkun korrett jekk ngħid illi din hija d-djanjożi tiegħek għal diċ-ċiviltà tagħna? M.F.: F'Pale Blue Dot Carl Sagan jgħid "For all its material advantages, the sedentary life has le us edgy, unfulfilled." M'inix qiegħed ngħid illi qabel konna aħjar jew illi llum tlifna l-valuri. Ksibna affarijiet mentri tlifna oħrajn. Dawk li għalija huma valuri miksuba mhux bilfors l-istess għal ħaddieħor u viċiversa. L-istennija tal-għomor illum hija aktar minn dik passata, il-mediċina għamlet passi ta' ġgant, it-teknoloġija li għandna tippermettilna nitkellmu ma' xi ħadd ieħor minn-naħa l-oħra tad- dinja. Sirna aktar konxji u tolleranti rigward orjentazzjonijiet sesswali differenti, konxji mill-kruha tar- razziżmu. Mill-banda l-oħra qed nitbiegħdu mill-kuntatt dirett man- natura, il-frakass ambjentali li qed iseħħ qed jivvelena l-istess ambjent li ngħixu fih – il-lista tkompli. Id-dwejjaq tal-bnedmin, kif ippreżentat f 'It-Tawmaturgu forsi mhuwiex ikkaġunat minn xi dekadenza partikulari. Is- sitwazzjoni hi li anke fil-kumdità tagħha l-umanità tħossha skomda, mingħajr enerġija u entużjażmu, bħal xini maqbud f 'nofs baħar mingħajr riħ. Veru, hemm l-għatx għall-estażi, iżda fl-istess waqt il-bnedmin maqbudin f 'ċirku ta' kumdità. Waħda mill-premessi ta' It- Tawmaturgu hija l-ħolqien ta' alla artifiċjali, is-superuman bil- virtujiet tal-umanità magħġuna fih. Sintendi jekk se tamplifika l-virtujiet se tamplifika wkoll id- dnubiet. Din xi ħaġa li se nittratta aktar dwarha fit-tieni ktieb. Bin il-bniedem f 'dan is-sens huwa litterarju, u tissuġġerixxi l-idea li l-bniedem ħoloq lil Alla. Aktar milli risposta għad-dekadenza, il- ħolqien tal-protagonist huwa xprun biex l-umanità tinqala' minn din il-kumdità u toħroġ mill-għar u tesplora – stedina għal qawmien kbir. Jista' jkun bħal Mosè? Jew forsi aktar bħall-flawtista ta' Hamelin? Dik xi ħaġa li għadni rrid niskopri fit-tieni ktieb. K.S.: Interessanti ferm l-isem tar-rumanz: It-Tawmaturgu. Qegħdin nitħaddtu dwar persuna li tagħmel l-għeġubijiet. U forsi minn banda dan huwa titlu propizju għaliex akkont għadd t'aspetti lingwistiċi u letterarji li jsawru dan ir-rumanz għandhom mill-għeġubijiet. Qed nirreferi b'mod partikulari għall- morfoloġija u għal-lessikografija. F'dan ir-rumanz ħloqt ħemel ta' termini u neoloġiżmi ġodda. Għandi nifhem illi qabelxejn din kienet ħtieġa massima sabiex tinseġ narrattiva f 'ġeneru letterarju lokali kważi ineżistenti. Il-kittieba li jidħlu f 'territorji ġodda ma jistgħux jgħaddu mingħajr dan. Nissusspetta wkoll li dan għamiltu biex tagħti prova li l-ilsien Malti – almenu f 'idejn kittieba mgħallmin – kapaċi jadatta għal dawn l-esiġenzi bħal kull lingwa oħra. Ngħid is-sew din għalija kienet waħda mill-motivazzjonijiet illi kienu ħeġġewni nippersisti fil-ħolqien ta' termini ġodda f 'diversi oqsma, l-iżjed fix-xjenza medika u fil-filosofija. Abbli mhux kull terminologu jagħżel l-istess proċessi sabiex iwettaq dat- tusigħ lessikali: dan jiddependi ħafna mill-ġeneru u l-kuntest tat- testi inkwistjoni. X'kien il-proċess li ħaddimt tul dan l-eżerċizzju assidwu? M.F.: Minħabba li l-ġeneru lokali tal-fantaxjenza kien kważi ineżistenti kelli bilfors noħloq termini ġodda biex nimla l-vojt u nibni reġistru. Il-Malti huwa malleabbli biżżejjed u għandu l-mekkaniżmi meħtieġa biex jinħolqu termini ġodda. Il-metodu li użajt biex noħloq dawn in- neoloġiżmi kien li nirreplika l-istess proċess ta' kif kelma tidħol fl-ilsien Malti. Pereżempju "lażerun" – kanun tal-lażer – tinduna li huwa xi ħaġa kbira mis-suffiss –un. Ridt ukoll li l-kliem ma jkunx fih xi wisq sillabi u jiġi goff biex jitlissen, l-iżjed għax għandna ħabta nqassru l-kliem meta nitħaddtu. Barra minn hekk ħallejt il-kuntest jispjega l-kelma bla ħafna indħil min-naħa tiegħi. Ħu mill-kelma "qawwun". "Erba' mekanijiet ta' daqs medju kienu mmexxija minn qawwun akbar minnhom fin-nofs. Il-kanuni mmuntati fuq spallejhom u dirgħajhom..." Tinduna mill- kuntest li qawwun huwa inġenju kbir tal-gwerra. Neoloġiżmi oħrajn kienu pjuttost faċli biex jinħolqu. Eżempju: "vertiport" – port vertikali għall- inġenji spazjali u tal-ajru. Oħrajn kienu jeħtieġu it aktar ħsieb u riċerka, bħall-kelma "spinturi" li ħloqt għal thrusters. L-idea hija li spintur jagħti spinta, dik l-imbotattura sabiex vettura tinqala' minn ma' moll, iżżomm il-pożizzjoni tagħha f 'orbita. Hawnhekk erġajt ħallejt il-kuntest Mark Anthony Fenech

