Illum previous editions

ILLUM 9 May 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1369930

Contents of this Issue

Navigation

Page 2 of 27

03 illum • IL-ĦADD 9 TA' MEJJU 2021 aħbarijiet Mozzjoni biex ma jitħallewx jikkontestaw irtirata 'għax il-PN ma jiflaħx jitlef u jkeċċi aktar nies' YENDRICK CIOFFI U ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Il-gazzetta ILLUM tinsab infurmata minn sorsi fil-Grupp Parlamentari Nazzjonalista illi l-Kap tal-PN Bernard Grech kien determinat illi jippreżenta mozzjoni li ma tħallix lill-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia jikkontesta l-elezzjoni li jmiss. Dan wara li Adrian Delia fetaħ attakk fuq id-Deputat Jason Azzopardi - b'implikazzjonijiet ta' qrubija ma' Yorgen Fenech u anke li Azzopardi ma ħallasx taxxa dovuta. Imma mhux biss, hekk kif - bħala bilanċ - Grech ried li tkun approvata mozzjoni oħra li ma tħallix lil Jason Azzopardi jikkontesta l-elezzjoni, lanqas. Azzopardi rebaħ libell kontra Ċensu l-Iswed, li qal illi kien misqi u ingannat b'informazzjoni mogħtija biex tħammġu. "Għalhekk ħadu d-deċiżjoni li jiffirmaw dik l-istqarrija flimkien! Inti taħseb li kieku Jason Azzopardi se jiffirma stqarrija ma' Delia u viċi-versa? Kienu jafu li se jasal Grech," insista s-sors. Il-gazzetta staqsiet allura għaliex ma ressaqx il-mozzjoni xorta jew għallinqas għamel din l-intenzjoni pubblika. Ir-risposta tal-membru tal-Grupp Parlamentari kienet skjetta: "Il-verità hi li l-partit ma jiflaħx jitlef jew ikeċċi aktar nies. Konna nerġgħu nitilfu lin-nies ta' Delia li ġejjin lura u konna nispiċċaw nerġgħu nitilfu lin-nies ta' madwar Jason." Illum, is-sondaġġ ippubblikat fuq il- gazzetta oħt Maltatoday juri illi l-Kap tal- PN tilef 10% f 'fiduċja bid-differenza bejn iż-żewġ mexxejja tispara għal 24% favur Robert Abela. Id-differenza bejn il-partiti fil-bidu ta' Mejju kienet ta' 14.8% - li tirriżulta f 'differenza ta' madwar 39,000 vot favur il-Partit Laburista. Mill-ġdid, fost il-votanti żgħażagħ (16-35) Grech baqa' lura ħafna, b'48.9% jgħidu li jafdaw lil Robert Abela u 13.5% biss jgħidu li jafdaw lil Grech. Kuntrarjament għall-perċezzjoni ta' bosta dan is-sors sostna mal-ILLUM li Jason Azzopardi ma waqax għaċ-ċajt għax wara kollox "hu qatt ma qal li hemm mijiet ta' messaġġi bejn Delia u Yorgen Fenech. Imma messaġġi hemm u ġew ippubblikati! Mijiet ta' messaġġi bejn Yorgen Fenech u Pierre Portelli hemm ukoll u dan kien l-id il-leminija ta' Delia." Sors differenti fi ħdan il-PN ma tantx kien kumplimentuż u sostna illi id- dikjarazzjoni ta' Azzopardi mhi xejn "jekk mhux turija ċara li Delia tneħħa b'kappriċċ u bil-gideb! Ifisser li Grech tpoġġa hemmhekk b'gideb" Dan huwa sentiment komuni fil-fatt fost l-aktar attivisti ferventi ta' Delia li notevolment u pubblikament fuq il-midja soċjali għadhom isejħulu 'Kap'. Imma Bernard Grech qed jiffaċċja kritika qawwija wkoll mill-blogger Manuel Delia u s-segwaċi tiegħu, prinċipalment ukoll segwaċi ta' Daphne Caruana Galizia u Repubblika. Apparti li hu stess qal li Delia rebaħ u allura - skont hu - il-PN waqaf jiġġieled il-korruzzjoni u li Grech "lanqas imqar għamilha ta' referee" il-Ġimgħa filgħaxija tella' post li fih hemm attakk qawwi fuq Grech. Saħansitra l-persuna li Manuel Delia jgħid illi jafu, jisħaq illi Grech "waqgħatlu l-maskra", "ikkanonizza lill-akbar alleat tal-PL" u li hu stess b'azzjonietu allinea lilu nnifsu mal-Partit Laburista billi "ddemonizza lill-aktar Deputat li l-PL idejjaqhom." Kien Grech stess li sejjaħ għal laqgħa tal-Eżekuttiv urġenti wara li l-eks Kap tal-PN fetaħ attakk u kritika qawwija fuq Jason Azzopardi. Minkejja indikazzjonijiet matul il- ġurnata ta' azzjoni kontra Delia u anke Azzopardi - permezz ta' dawn il- mozzjonijjet imsemmija - 20 minuta qabel bdiet, il-laqgħa tal-eżekuttiv tħassret. Ftit wara ħarġet stqarrija illi fiha, fost oħrajn, Jason Azzopardi jgħid li ma jidhirlux li Delia għamel xi ħaġa biex l-MEP David Casa ma jkunx elett, li ma jirriżultalux li hemm mijiet ta' messaġġi bejn Delia u Yorgen Fenech u li Delia mhu qiegħed fil-but ta' ebda negozjant.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 9 May 2021