Illum previous editions

ILLUM 9 May 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1369936

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 27

Iċ-ċittadinanza ta' pajjiżna m'għandiex tkun għall-bejgħ L -iskema tal-Individual Investor Programme (IIP) tfalli l-aktar test fundamentali ta' dawk li għandhom ikunu l-għan u t-tifsira taċ-ċittadinanza: bl-ebda mod ma tirrikonoxxi jew tifformalizza relazzjoni bejn iċ-ċittadin natural- izzat, il-komunità Maltija u l-Istat Malti. Għajr għal it eċċezzjonijiet li jistgħu jiġu akkomodati b'naturalizzazzjoni ordinarja, ix-xerrejja tal-passaporti Maltin bl-IIP m'għandhom l-ebda interess f 'Malta jew fil-komunità Maltija. Bil-"interess" ma nfissirx kurżità każwali li tista' titqabbel ma' turist viżitatur. Iżda pjuttost infisser xi għamla ta' impenn jew involviment fil-ħajja tal-komunità Maltija. L-iskema qatt ma kienet maħsuba għal dak il-għan. Dak li ġie żvelat dan l-aħħar dwar korrispondenza relatata mal-proċessi tal-applikazzjoni bl-iskema tal-IIP kixef attitudni mill-aktar sfaċċata għar-rekwiżit ta' "rabta ġenwina" ma' Malta. Ħafna minn dawk li applikaw biex jixtru l-passport Malti talbu li juru "l-inqas impenn possibbli", u saħansitra rari żaru l-proprjetajiet li xtraw jew krew. L-indifferenza tagħhom lejn Malta hi impressjonanti u offensiva. Dan wassal għal sistema ta' punteġġi li tagħti kisja ta' oġġettività burokratika lil din l-iskema. Rapporti riċenti fil- gazzetti joħorġu fid-deher is- sistema ta' "220 punt" bħala waħda falza. Il-kompliċità tal-aġenziji tal-Istat Malti f 'din is-sistema moralment korrotta hi kolonjali, servili u xejn dinjituża. Forsi dawn jargumentaw li jinteressawhom il-flus u xejn iżjed. Iżda l-gvern kemm-il darba tenna li l-politika tal-bejgħ tal- passaporti kienet maħsuba biex tikber u toktor in-nazzjonalità tal- Istat Malti u biex tiżżewwaq b'aktar "persuni ta' talent". Minflok, dawn l-aġenziji biegħu d-dinjità tal-Istat Malti għal tletin biċċa tal-fidda. L-iskema tal-IIP ta' Malta użat il-mudell ta' skemi oħra li kienu jeżistu f 'xi pajjiżi żgħar ħafna fil-Karibew. Madankollu, l-hekk imsejħa "skemi ta' ċittadinanza b'investiment" offruti minn mikrostati bħal St Kitts u Nevis, Grenada Antigua u Barbuda, Dominica St Lucia u Vanuatu mhumiex mudelli li għandna naspiraw għalihom. Hemm diversi każijiet dokumentati ta' persuni b'passaport maħruġ lilhom minn dawn il-pajjiżi li nstabu li qed jużaw dawk il-passaporti biex jaħbu l-identità jew l-oriġini tagħhom minn aġenziji tal-infurzar tal- liġi ta' pajjiżi oħra. Dan wassal biex inħoloq preġudizzju kontra d-detenturi kollha tal-passaporti minn dawn il-pajjiżi. Dawn il-mikrostati spiss jiġġustifikaw dawn l-iskemi bħala għodda meħtieġa għall-iżvilupp ekonomiku tagħhom. Minħabba l-insularità, id-daqs, in-nuqqas ta' riżorsi naturali, il-periferalità u s-sottożvilupp ekonomiku kellhom ikunu "kreattivi" bil-mudell ekonomiku tagħhom. Din kienet ukoll l-esperjenza ta' Malta. Iżda bħala ċittadini, aħna intitolati nistennew li l-mudell ekonomiku ta' Malta jissejjes fuq prinċipji etiċi u sostenibbli u jkun konsistenti mal-istatus tagħna bħala Stat Membru tal-UE. L-iskema tal-IIP imħaddma f 'Malta tadotta l-mudell tal- mikrostati periferiċi u tapplikah għaċ- ċittadinanza Ewropea. Eżatt bħalma xerrej ta' passaport ta' St Kitts u Nevis jista' jkun mistenni raġonevolment li qatt ma jżur jew jimpenja ruħu għal dak il-pajjiż, ix-xerrejja tal-passaporti Maltin bl-iskema Maltija ma għandhom l-ebda interess f 'Malta. Iżda xerrej tal-passaport Malti jikseb iżjed mix-xerrej tal- passaport ta' St Kitts u Nevis, għax iċ-ċittadinanza Maltija hi wkoll iċ-ċittadinanza tal-UE. Dwar dan, hemm żewġ oġġezzjonijiet. L-ewwel waħda hi li ċ-ċittadinanza ta' pajjiż – tagħna – tqiegħdet f 'suq fejn il-valur akbar tagħha għall-persuni li jixtruha bi prezz partikolari jiġġustifika prezz ogħla miċ-ċittadinanza ta' pajjiż ieħor. Dan inaqqas, bl-aktar mod mundan u materjalistiku possibbli, iċ-ċittadinanza għal komodità negozjabbli. Ladarba jingħata prezz lil xi ħaġa, din ma tibqax inerenti għall-kundizzjoni ta' dawk kollha li huma eliġibbli għaliha. U ladarba l-prezz tfassal biex jirriżerva privileġġ għal dawk għonja, intilef għal kollox is-sinifikat tal-Istat bħala unità ta' solidarjetà bejn il- membri kollha tal-komunità aktar milli bħala klabb esklussiv għal dawk mgħerrqa fil-liri. Dan hu soċjalment inġust. Ġustizzja soċjali riżervata għall- persuni li l-gvern jiddeċiedi li huma eliġibbli għaliha mhi ġustizzja xejn. Ġustizzja soċjali riżervata għall-miljunarji mhi ġustizzja xejn. Fid-disinn tal-Istat Malti inkorporajna privileġġ għall- għonja li jiċċaħħad lill-bqija. It-tieni oġġezzjoni hi li kwalunkwe valur addizzjonali li jinkiseb bil-passaport Malti, aktar minn dak li jinkiseb b'passaport ta' xi mikrostat ieħor li jbigħ iċ- ċittadinanza, huwa bis-saħħa tas- sħubija tagħna fl-UE. B'din l-iskema, pajjiżna qed jonqos fl-obbligu tiegħu li jaġixxi in bona fide fir-relazzjoni tiegħu ma' sħabna fl-Unjoni Ewropea. Qed nimponulhom l-obbligu li jittrattaw lix-xerrejja taċ- ċittadinanza tagħna mingħajr rabta ġenwina ma' pajjiżna jew mingħajr interess ġenwin f 'pajjiżna daqslikieku kienu nattivi għaċ- ċittadinanza tagħhom. U dan nagħmluh filwaqt li l-flus jidħlu kollha f 'butna. Li nkunu ċittadini tal-Unjoni Ewropea jfisser li nħaddnu u nseddqu l-valuri Ewropej tad- demokrazija, tas-saltna tad-dritt, tas-solidarjetà, tas-sussidjarjetà u tas-sostenibbiltà. Dan ċertament mhux xi wieħed mill-elementi msemmija fil- materjal pubbliċitarju tal-iskema li jħajjar ix-xiri taċ-ċittadinanza. Iżda l-libertà li wieħed jivvjaġġa, jaħdem, jinvesti u jgħix f 'xi Stat Membru filwaqt li jiddikjara b'mod falz li hu Malti jew Maltija tinsab fuq quddiem nett fil-USP ta' dan il-"prodott". Iċ-ċittadinanza ta' Malta m'għandhiex tiġi offruta lil xi ħadd bi prezz. Jekk irridu nerġgħu nibdew tassew nirrispettaw l-għan u t-tifsira taċ-ċittadinanza Maltija u nħarsu isem pajjiżna madwar id-dinja, jeħtieġ li nabolixxu għal kollox u minnufih l-iskema tal- bejgħ tal-passaporti. Robert Aquilina 19 opinjoni illum • IL-ĦADD 9 TA' MEJJU 2021 Robert Aquilina huwa l-President tal-Organizzazzjoni Repubblika Jekk irridu nerġgħu nibdew tassew nirrispettaw l-għan u t-tifsira taċ- ċittadinanza Maltija u nħarsu isem pajjiżna madwar id-dinja, jeħtieġ li nabolixxu għal kollox u minnufih l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 9 May 2021