Illum previous editions

ILLUM 23 May 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1376557

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 27

18 letteratura IL-ĦADD 23 TA' MEJJU 2021 • illum Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Il-politiċi tagħna mhumiex granallat Lara Calleja dwar il-kitba impenjata KS: Qabelxejn nifraħlek talli ftit jiem ilu poġġejt lil pajjiżna fuq il-mappa letterarja kontinentali billi rbaħt il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura (PUEL). Jidhirli li t-tnejn li aħna naqblu li din l-edizzjoni għamlet ferm iżjed ħoss minn dawk preċedenti, l-iżjed kaġun tal-kontroversji li nqalgħu rigward ir-rumanzi ineleġibbli għal dan il-konkors. Minn banda episodju bħal dan żgur kapaċi jiġġenera l-pubbliċità għall-kittieba inkwistjoni u għaldaqstant minkejja kollox jista' wkoll, sa ċertu punt, jingħadd b'sitwazzjoni pożittiva. Mill-banda l-oħra madankollu nifhem tajjeb ukoll illi kontroversja bħal din tista' tikkawża ċertu fastidju u ttellef mis-sodisfazzjon tal-kittieba rebbieħa. Biss, jidher illi l-biċċa l-kbira ta' dawk illi kkummentaw kwantu l-esklużjoni ta' ċerti rumanzi m'għamlux dan b'malafidi. Barra dan, nemmen illi bosta mir- riżervi mistqarra f'dawn l-aħħar jiem minn Alfred Sant u oħrajn rigward dan il-każ – kemm-il darba issa jingħataw widen – jistgħu jtejbu qatigħ l-livell tal-PUEL u saħansitra jżidulu l-prestiġju. X'inhuma sewwasew il-veduti tiegħek dwar dina l-kwistjoni? Taħseb li ċerti ilmenti li tqajmu dan l-aħħar huma ġġustifikati? LC: L-ilmenti li tressqu kienu lmenti validi. Urejt l-appoġġ tiegħi għal dawn l-ilmenti pubblikament u anke bgħatt messaġġi personali ta' awguri. L-awturi dejjem għandhom ikunu magħqudin fi kwistjonijiet bħal dawn. Billi nnominawni għal- lista l-qasira ma jfissirx li ma kellix għalfejn nikkummenta. Dawn l-ilmenti kienu importantissmi biex l-affarijiet jinbidlu għall-aħjar u ninsab pożittiva li dawn ser iwasslu għal bidliet xierqa. Ħadt gost ukoll li Aleks Farruġia – li ġie skwalifikat minħabba l-kwistjoni tal-pubblikatur tiegħu – feraħli pubblikament talli rbaħt dan il- premju. Nistqarr li apprezzajtha immens. Min-naħa l-oħra, kont iddiżappuntana li Alfred Sant ma lissinx kelma waħda ta' awguri. Nemmen li dan kien ikun ġest sabiħ. Wara kollox aħna lkoll kittieba u anke jien, minkejja li rbaħt il-PUEL, biħsiebni nibqa' nissielet biex l-affarijiet dejjem jibqgħu jitjiebu. Għandna dejjem inkunu magħqudin, fuq kull front. KS: Ftit tax-xhur f'din il-paġna kont ktibt żewġ artikli – b'referenza partikulari għal kwistjoni li kienet qamet bejn Alfred Sant u Oliver Friggieri lura fis-snin tmenin – rigward il-kitba impenjata u r-rwol tal-kittieba u l-ħassieba fis-soċjetà. F'wieħed minnhom, voldieri L-intellettwali pubbliċi u l-ambjent ikkonkritizzat – Problemi tal-lum (2), kont irreferejt għal kumment tiegħek rigward is-silenzju ta' ċerti awturi u intellettwali kwantu bosta problemi ta' żmienna. Fost il-punti li qajjimt dakinhar kont sħaqt li mhux l-awturi kollha huma fis-sew intellettwali u li mhux l-intellettwali kollha huma tal- istess xorta. Biex ma ntawwalx wisq, ngħid għalija f'dak l-artiklu ma ddejjaqt xejn niddefendi lill- intellettwali passivi u wisq inqas ipprendejt nirrimarka li minkejja kollox l-ikbar ħtieġa bħalissa hija l-ħsieb iżjed milli l-azzjoni u li hu x'inhu l-attiviżmu politiku ftit li xejn jista' jkun ta' fejda kemm-il darba dan ma jkunx imsejjes bis-sħiħ fuq fehim intellettwali tal- isfidi li għandna quddiemna. Barra dan, ħaġa ċara ħafna – għall-inqas għal dawk midħla tal-filosofija – li t-teorija politika tagħmel biss parti mill-firxa vasta tal-istudji filosofiċi u li għaldaqshekk ħaġa ċara wkoll li mhux l-intellettwali kollha jagħżlu li jkunu b'xi mod jew ieħor pubbliċi jew li jispeċjalizzaw fil-ħwejjeġ tal-polis. X'kienu sewwasew il-ħsibijiet tiegħek rigward dawn l-argumenti tiegħi dika l-ħabta? Inbidlu xi ftit maż-żmien? Barra dan, ma taħsibx illi l-analiżi hija wkoll għamla siewja ta' attiviżmu? LC: Hemm diversi tipi ta' kitba. Fil-letteratura l-preferenza naturali tiegħi xxaqleb lejn kitba diretta li tmiss lin-nies. Il-kitba wara kollox tinkiteb biex tinqara min-nies u nemmen li ma tistax tikteb mingħajr ma tirrelata mal- qarrejja. Fl-istess waqt il-kitba ma tistax tkun għan-nies biss. Trid tkun xi ħaġa internaliżżata. Hemm proċess ta' kif tkun inti bħala persuna u kif 'tiddeċiedi' li tinternaliżża lid-dinja ta' barra ġewwa fik, biex imbagħad – permezz tal-kitba – dak li tinternaliżża terġa' toħorġu 'l barra minnek ħalli jaqrawh in- nies. Kif tiddeċiedi li tinternaliżża u/jew tinterpreta lid-dinja ta' barra jiddependi wkoll kif int bħala persuna jew minn liema żmien (tajjeb jew ħażin) tinzerta għaddej jew minn ma' liema influwenzi tkun qed tiddjaloga. Dawn kollha jbiddlulna l-perċezzjoni tad-dinja ta' barra u l-modi kif ninternaliżżawha ġo fina. Issa, ngħid jien, kif tista' tassorbi lid- dinja ta' barra u tiddeċiedi li tibqa' teskludi temi tant ovvji fis-sitwazzjoni soċjopolitika ta' pajjiżek? Il-politika wara kollox mhijiex biss il-partiti iżda wkoll jekk għandekx biżżejjed flus għal kafè u kemm isservik il-paga. Tfisser l-arja li qed tieħu nifs fiha. Tfisser dik il-blokka fletts li tellgħu warajk u li biha ser joħdulek tal- inqas erba' sigħat mid-dawl tax- xemx kuljum. Il-politika tfisser ukoll sa liema punt klassi ta' nies partikolari ser tiġi ddiskriminata biex tiġi aġevolata klassi oħra. Li ma titkellimx fuq il-politika, fuq kull politika, tiġi qisu għandek iljunfant fil-kamra tiegħek u tibqa' ma ssemmiehx. Mill-banda l-oħra niem li hawn kitba oħra b'xejra maġika u straordinarja. Dik it- tip ta' kitba napprezzaha wkoll. Anzi tispirani nkun kittieba aħjar. Wara kollox, l-element politiku tista' ddaħħlu anke fl-iktar storja maġika u fantastika. KS: Jidher ċar illi bħala awtriċi f'xi punt ħadt deċiżjoni konxja li tkun kittieba pubblika li tikteb rigward kwistjonijiet pubbliċi, fil-biċċa l-kbira politiċi. Dan kien diġà deher ċar malli deher l-ewwel ktieb tiegħek Lucy Min?. Iżjed tard komplejt issaħħaħ din l-immaġni billi ngħaqdt mal-Moviment Graffiti u mbagħad, sintendi, bit-tieni ktieb tiegħek Kissirtu Kullimkien illi rebaħ il-PUEL. Mhemmx dubju li l-kwistjonijiet politiċi li tittratta f'dawn il-kitbiet bħal fost oħrajn l-industrija tal-kostruzzjoni, l-ambjent u l-qagħda tal-immigranti huma temi attwali kruċjali ħafna mhux biss mill-perspettivi ambjentali, ekonomiċi, soċjali u kulturali iżda anke minn dawk tal-benessri fiżjoloġiku u psikoloġiku. F'intervista li tajt m'ilux lil Teodor Reljić għall-ġurnal MaltaToday stqarrejt illi bosta minn dawn id-disturbi – insejħilhom hekk għax tassew nemmen li hekk huma – ħallew fuqek impatt psikoloġiku negattiv. Qabelxejn, nissimpatizza ħafna miegħek għax nidentifika bis-sħiħ ma' din Ir-rebbieħa tal-PUEL Lara Calleja

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 23 May 2021