Illum previous editions

ILLUM 13 June 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1382681

Contents of this Issue

Navigation

Page 26 of 27

27 films illum • IL-ĦADD 13 TA' ĠUNJU 2021 Carmel Bonnici Seven Brides for Seven brothers - film melodjuż, innovattiv u mimli vitalità (1) L-eżekuttiv tal-M.G.M. ma setgħux jemmnu għajnejhom meta fl-1954 il-film qisu Western mużikali, Seven Brides For Seven Brothers, sar is-suċċess fenominali ta' dik is-sena. Għoxrin sena wara, dan il-film li tassew ġibed l-ammirazzjoni tal-pubbliku, kien għad hemm domanda kbira għalih mis-sidien taċ-cinemas. L-M.G.M. għamlu qliegħ ta' aktar minn $8 miljun minn din il-produzzjoni, somma fenominali għal dak iż-żmien li, fil-preżent tiġi ekwivalenti għal madwar $70 miljun. Jack Cummings ipproduċa dan il-film fuq in-naħa ta' wara tal-istudjos, waqt li films oħra mużikali li aktar qamu flus kienu qed jinħadmu kull fejn hemm bżonn. Seven Brides For Seven Brothers għamel fuq il-liżar il-kbir dak li Oklahoma għamel fuq il-palk. Dan ix-xogħol kellu stil ġdid ta' film mużikali, mimli enerġija u mħarrek sewwa fil-freskezza tal-arja aperta. Dan il-film mużikali hu bbażat minn fuq il-ktieb ta' Lawrence Kasha u David Landay, bil-mużika ta' Gene De Paul, Al Kasha u Joel Hirschhorn u l-liriċi ta' Johnny Mercer, Al Kasha u Joel Hirschhorn. Il-film dirett b'mod kważi mpekkabbli minn Stanley Donen, hu addattat minn storja qasira, e Sobbin' Women (in-Nisa Bikkejja) ta' Stephen Vincent Benet, ibbażat minn fuq Ruma l-Antika u l-leġġenda ta' e Rape Of e Sabine Women (l-Istupru tan-Nisa Sabini). Wara xi żmien li Romulus u Remus, li skont il-leġġenda kienu mrobbija minn lupu, waqfu l-belt ta' Ruma, dan il-post beda jespandi. Irriżulta li nisa kważi ma kien hemm xejn. Ftit 'il bogħod kienu jgħixu razza ta' nies imsejħa Sabini fejn kien hemm ħafna nisa ta' karnaġġjon delikat. Is-suldati Rumani li riedu jkollhom ulied biex ikattru r-razza, ddeċidew li jattakkaw lis-Sabini u jisirqu lin-nisa tagħhom biex jgħammru magħhom. Dan il-fatt, jekk hux veru jew xi leġġenda ma nafux, imma hu rrakkontat mill- bijografiku Grieg Plutarka. Plutarka kien ukoll moralista u aktarx twieled, bejn wieħed u ieħor, fis-sena 46 Wara Kristu. Dwar ħajtu it li xejn nafu, pero' kien żar Alessandrija fl-Eġittu u partijiet mill-Italja u anki għallem il- filosofija f 'Ruma. Sas-sena 120 W. K. kien għadu ħaj, iżda ma nafux meta miet. F'pajjiżu okkupa bosta karigi ta' maġistratura u anki sar qassis ta' Apollo. L-aqwa xogħol tiegħu hu Parallel Lives, magħruf forsi aktar bħala Plutarch's Lives. Miktubin b'sens morali, dawn ir-rakkonti jiddeskrivu ritratti ta' rġiel b'qawwa grafika, sens tajjeb u andament b'mod ħanin. Ftit ferm kotba ta' żmien il-qedem kienu nqraw u ġew studjati daqsu. William Shakespeare ħa ħafna ideat minnhom biex fassal l-istorja ta' Antony & Cleopatra u Julius Caesar. Is-Sabini kienu razza antika mill-Italja Ċentrali u suppost li ħadu isimhom minn Sabus, wieħed mill-allat tagħhom. Ftit nafu dwar l-istorja tagħhom. Kienu fi gwerra mar-Rumani sa ħafna żmien qabel. Fis- sena 504 Qabel Kristu nqagħlet gwerra bejniethom u numru kbir ta' Sabini emigraw lejn Ruma fejn ġew milqugħa b'idejn miuħa u bnew tribu qawwi. Fis-sena 469 Q. K. huma ġarrew dak kollu li sabu wara l-gwerra sal-bibien tal-Belt Eterna. Meta fis- sena 449 Q. K. ġew mirbuħa minn Marcus Horatius Barbatus, il-kamp tagħhom kien mimli affarijiet misruqa, wara attakki fuq provinċji Rumani. Reġgħu kienu fi gwerra mar-Rumani fis-sena 290 Q. K. u din id- darba, wara li ġew sottomessi għal kollox, inbiegħu bħala lsiera. Iċ-ċittadini li kien fadal ingħaqdu mal-fratellanza Rumana. Bejn l-1958 u l-1964, meta t-Taljani bdew joħorġu sensiela twila ta' films magħrufa bħala "peplum" (aħna konna nsejħulhom tax-xwabel u s-sandli jew tar-Rumani), inħadmu xi films dwar l-istorja tas-Sabini. Fost dawn, insibu: La Ratta Dei Sabini (1962), Rape Of e Sabine Women (Romulus And e Sabines) (1961) bl- attur Roger Moore u l-Ispanjol Shame Of e Sabine Women (1961). Wieħed mill- aħjar produzzjonijiet ta' dan il-ġeneru kien Romolo E Remo (1961), Romulus And Remus fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti semmewh Duel Of e Titans, bl-atturi bodybuilders Amerikani Steve Reeves u Gordon Scott. Romulus u Remus, tewmin abbandunati meta kienu trabi, trabbew minn ragħaj wara li rabbithom lupa (skont il-leġġenda) u waqfu l-belt ta' Ruma ħdejn ix-xmara Tevere, ġġieldu kontra xulxin, fejn Romulus qatel lil ħuh u fl-aħħar aċċetta li s-Sabini jkunu parti minn nies tiegħu. Niġi issa għall-istorja tal-film Seven Brides For Seven Brothers... (Ikompli nhar il-Ħadd li ġej)

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 13 June 2021