Illum previous editions

ILLUM 8 August 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1399954

Contents of this Issue

Navigation

Page 8 of 27

09 illum • IL-ĦADD 8 TA' AWWISSU 2021 aħbarijiet kienet hemm... il-mezzi soċjali 'L-immigrant qed jikxef ferita fina li minn dejjem hemm kienet' - Francois Mifsud Il-gazzetta ILLUM tistaqsi l-istess mistoqsijiet li staqsiet lil Camilleri, din id-darba lill-Lekċerer fl-Università ta' Malta fil-Fakultà tal-Edukazzjoni u li jispeċjalizza fl- Inklużjoni, Francois Mifsud. Mifsud jibda billi jfakkar illi r-razziżmu mhuwiex problema ġdida u jisħaq li dan ġie fil-fatt imsaħħaħ meta Malta kienet kolonja Ingliża, "għaliex il- kolonjaliżmu minnu nnifsu għandu l-ispirtu razzista, huwa mibni fuq l-idea ta' superjorità." Kompla jispjega dan il-punt billi qal illi l-kolonjaliżmu huwa mibni fuq il-ħsieb li għax persuna hija mill- punent tista' taħkem lil ħaddieħor biex tgħinhom "msieken", sabiex "inġibhom bħali." Francois Mifsud jgħid illi r-razziżmu tal-lum huwa taħlita, kemm ta' dan l-aspett storiku, iżda wkoll mir-realtà tal-immigranti fostna. "Qabel Malta kien pajjiż li minnu temigra, illum sar pajjiż fejn immigrant jiġi." Huwa qal mal-ILLUM li għalhekk l-għażla hija li jew nitgħallmu mill-inkontru jew inkella ningħalqu fina nfusna u min hemm tibda tinħoloq il- xenofobija u l-biża' minn dak kollu li huwa differenti. Huwa jgħid li r-razziżmu "spara 'l fuq" għax qed tinkixef realtà. "Qed tinkixef realtà ta' Malti li mhux edukat, li mhux kapaċi jilqa' għal dak li huwa ġdid, li mhux kapaċi jħares lilhinn mill-kolonjaliżmu li għallimna biss inħarsu lejn l-oċċident, lejn il-punent." Huwa qal li issa rridu nibdew inħarsu lejn pajjiżi oħrajn, anke lejn dik li jsejjaħ l-isbuħija tal- Mediterran kollu. Imma dan kollu mhux esklussiv għall-Maltin? "Le mhuwiex," jasserixxi Mifsud. Ifakkar li mhux Malta biss kien pajjiż kolonizzat u jgħid li anke l-kolonizzatur kien il-vittma tal- istess kolonizzazzjoni. "Issa għandna realtà ta' immigranti fostna, li forsi f 'ċerti pajjiżi huwa komuni ħafna iktar minn hawn. Mela din kienet ġo fina u issa qed tinkixef, l-immigrant qed jikxef ferita fina li minn dejjem hemm kienet," jgħid Mifsud. Ifakkar li "l-iswed" minn dejjem konna nassoċjawh mal-ikrah u mal-ħażin." 'Il-PN u l-PL imexxijin minn imneħirhom minn kuntratturi kbar - ma għadhomx skejjel ta' ħsieb' U dwar il-PN u l-PL x'jaħseb Mifsud? Kif jaħseb li qed jitrattaw din il-problema ta' razziżmu? Ir-risposta tiegħu ma tantx tixhed ħeġġa u ammirazzjoni lejn kif iż-żewġ partiti qed jitrattaw din il-problema. Huwa jgħid li sfortunatament il-partiti f 'Malta, "mhumiex edukati, huma partiti li ma jirriflettux u li llum saru biss l-id tan-negozju u l-merkat u l-azzjoni tagħhom hija biss reazzjoni għad- dinja ekonomika." Huwa kompla jispjega kif biex iż-żewġ partiti verament joffru sens ta' tmexxija u jagħtu direzzjoni fuq din il-kwistjoni jeħtieġ jirriflettu u joħolqu skola ta' ħsieb. Fakkar li xogħol partit politiku mhuwiex biss li jirbaħ l-elezzjoni ġenerali imma wkoll li jeduka fuq ideat u ideoloġiji li huma jaħsbu li huma tajbin għall-pajjiż. "Imma minflok il-PN u l-PL qed jirkbu fuq in-nuqqas ta' informazzjoni u l-injoranza li kultant hawn fuq dan is-suġġett ... il-partiti ma għadhomx skejjel ta' ħsieb u minflok saru reazzjoni għad-dinja tal-ekonomija, immexxijin minn imneħirhom mill-kuntratturi l-kbar." 'Qisuna Għarab ... u l-mentalità razzista tal-kolonjaliżmu' - Godfrey Walter Pirotta Il-gazzetta ILLUM xtaqet tieħu wkoll il-perspettiva aktar storika tar- razziżmu u l-xenofobija f 'pajjiżna u għalhekk tkellmet mal-Professur u storiku Godfrey W Pirotta li jibda bir-razziżmu fuq il-Maltin u mhux dak tal-Maltin. Ifakkar li għal ħafna snin il-Maltin kienu meqjusin mill-Ewropej bħala Għarab u l-unika raġuni għalfejn l-Ordni ta' San Ġwann kienet tara lil dan il-poplu f 'lenti it aħjar kienet minħabba li l-Maltin huma nsara. Pirotta jirrakkonta parti mill- istorja ta' dan il-pajjiż, meta l-Gran Mastru De Rohan fiż-żmien illi fih l-Ordni kienet qed titheżżeż minħabba l-qawwiet Franċiżi kien ħatar qassis Malti bħala l-Kapillan tal-Kon Katidral ta' San Ġwann. Dan għamlu biex isaħħaħ ir- relazzjoni tal-Ordni mal-Maltin. Iżda din id-deċiżjoni ma niżlet tajjeb xejn ma' ħafna membri tal- Ordni ta' San Ġwann "għax ma ridux Għarbi fuqhom." Hu jgħid li għall-pussess tiegħu l-Gran Mastru kellu jibgħat skorta minħabba biża' li dan saħansitra jinqatel minn membri tal-Ordni. Huwa qal li dan is-sentiment baqa', anke fiż-żmien l-Ingliżi li jgħid illi ġabu "mentalità razzista" - illi jekk inti mintix ewropew, mela m'intix kapaċi tmexxi jew inkella tkun parti mit-tmexxija tal-pajjiż. Tant huwa hekk, li Godfrey Pirotta jirrakkonta kif meta daħlet il-libertà tal-istampa f 'Malta is-Segretarju tal-Istat kien qal li Malta għandha tingħata din il-libertà għax hija ewropea u kristjana - li jfisser illi kieku ma kinitx, l-Ingliżi ma kinux jarawha denja li jkollha dawn il- libertajiet. Huwa semma wkoll kif il- Ġeneral Gaspard De Marchin kien iddeskriva lill-poplu Malti bħala "orjentali" u kien inkwieta mhux it meta - fi kliem Pirotta - "il- Maltin invadew l-Afrika ta' Fuq, meta marru f 'pajjiżi bħat-Tuneżija, l-Eġittu, il-Libja u pajjiżi oħrajn - fejn baqgħu sakemm dawn il-pajjiżi kisbu l-indipendenza." Il-Professur Godfrey Pirotta jkompli jispjega kif il-fatt li konna insara kien "jitfgħana 'l quddiem" imma l-lingwa Maltija "kienet titfgħana lura" u spjega li dan kien il-kuntest li fih seħħet il-battalja tal-lingwi f 'pajjiżna. "Jekk titkellem bil-Malti ma kontx meqjus ewropew u allura ma kontx tingħata l-opportunitajiet," sostna Pirotta. 'Insejna kemm domna nittalbu biex insiru ewropej!' Pirotta jispjega kif l-antipatija lejn l-Għarab ġejja mill-fatt storiku li l-Knisja Kattolika "rabbietna b'attakk kostanti fuq dak kollu Għarbi" - minkejja li jfakkar li anke fil-lingwaġġ marbut mar-reliġjon hemm kliem li jintużaw fl-Iżlam, bħal Ramadan, Alla, qassis u Għid." Huwa jgħid li din tal-identità dejjem kwistjoni importanti għalina, saħansitra sad-90ijiet meta Malta bdiet il-proċess biex tidħol fl-UE u aktar lura fis-snin anke fuq xi ħaġa żgħira bħal fejn il-Maltin riedu jpoġġu waqt l-inkurunazzjoni tar-Reġina kurrenti, meta l-Maltin riedu jpoġġu mad-Dominians mhux mal-Afrikani. Huwa qal li jemmen li kemm ilha Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea żdied ir-razziżmu. "Nemmen li kiber ir-razziżmu għax issa qed inħarsu aktar lejna infusna bħala Ewropej - insejna kemm ittallabna biex inkunu Ewropej," temm jgħid Pirotta.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 8 August 2021