Illum previous editions

ILLUM 15 August 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1401706

Contents of this Issue

Navigation

Page 8 of 27

09 illum • IL-ĦADD 15 TA' AWWISSU 2021 analiżi tagħlimiet kruċjali mir-Rapport tal-Inkjesta! Aprezzament aħjar tal-importanza tal-ġurnaliżmu indipendenti Il-ġurnaliżmu huwa kruċjali biex jinkixfu fatti, biex tiġi magħmula l-aġenda tal-pajjiż u sabiex tinħoloq diskussjoni vasta dwar diversi suġġetti. Indipendenti ma jfissirx bla aġenda, għax aġenda soċjali u politika kulħadd għandu - imbagħad kulħadd jagħżel hu ma xhiex jaqbel jew le. Iżda hemm bżonn apprezzament tal-fatt li l-midja indipendenti hija u għandha tkun għassiesa tal-politiku u mhux qaddejja tiegħu. Il-midja indipendenti tgħin fil-ħsieb indipendenti, jiġifieri li persuna taqra, tevalwa, imbagħad tiddeċiedi x'inhi l-verità u x'mhix. Kieku mhux għall-midja indipendenti jew dik kritika ma konniex niskopru ta' min hi 17 Black, ta' min kienet target client, ta' min hi Macbridge, kif il-VGH kellha l-kelliem tagħha li kien instab ħati ta' serq, li l-VGH ma ħallsitx lill-ħaddiema tal-IT u l-kuntratturi, ma konniex insiru nafu b'chats fuq il-Whatssapp ma' Yorgen Fenech, fosthom ma' Edward Zammit Lewis, ma konniex niskopru li l-Kap tal- Oppożizzjoni tal-lum kellu kont ġmielu (€60,000+) ta' taxxa u VAT mhux imħallsa fuq medda ta' snin jew li Jason Azzopardi ħallsulu akkomodazzjoni fil- Hilton ta' Tel Aviv. U kieku mhux għall-midja indipendenti - u din l-aktar importanti - il- Gvern ma kienx ikollu dik il-vuċi kritika, li ser iżommu kontabbli ta' għemilu u li se tikkritika fejn hemm bżonn u tfaħħar fejn hemm bżonn ukoll - f 'kelma waħda, għassiesa. Minflok kien ikollna biss rappurtaġġ, propoganda u induttrinazzjoni - ġenna fuq naħa u infern fuq l-oħra. L-apprezzament ta' xogħol il- midja indipendenti għandha tiġi mhux biss minn nies, li jinfatmu mill-mentalità assolutista ta' "int Laburist" jew "int nazzjonalist" - u allura trid bilfors tkanta d-diska li jiddettalek il-partit. Imma wkoll mill-istat - li joffri protezzjoni, li ma jippermettix pressjonijiet żejda u theddid, li jdaħħal leġiżlazzjoni anti- Slapp u li ma jippermettix attakki u demonizzazzjoni fuq persuni fil-midja li qed jagħmlu xogħolhom. Rajniha tiġri ħafna din is-sena - kull ġurnalist jew ġurnalista li tistaqsi mistoqsija mhux għal widnejn partit ikollha wiċċha mċappas mal-Facebook b'litanija ta' tgħajjir u insulti - mhux biss lejn ħidmietha iżda wkoll lejn karatteristiċi fiżiċi tagħha. Sfortunatament - u din hija waħda minn nuqqasijiet li kellha - Caruana Galizia kienet tagħmlu dan (id- demonizzazzjoni) u mhux darba wkoll! Dan huwa riżultat tal- polarizzazzjoni eseġerata li għandna f 'Malta u li qed twassal biex minflok ħafna nies jixtarru l-aħbar jew il-fatt jew l-opinjoni, imbagħad jiffurmaw opinjoni, jżommu sod mal-preġudizzju politiku tagħhom. Soċjetà qaddejja tal-politiċi mingħajr l-għassiesa meħtieġa ma tista' qatt tiggarantixxi li dak li seħħ ma jerġax iseħħ. Għax il-verità ħafna drabi mhijiex il- ħabiba tal-politiku fil-poter (hu ta' liema partit hu) u wisq inqas il-ħabiba tal-interessi tal-flus - u l-midja indipendenti għalhekk tinsab hemm. U huwa propju għalhekk li l-midja indipendenti ma teżistix f 'dittatorjati! Uffiċjali mhux eletti għandhom jinżammu taħt skrutinju serju! Il-poplu dejjem infakkru li huwa sovran u li d-deċiżjonijiet politiċi li jieħu għandhom jiġu rrispettati dejjem u f 'kull ħin. Filwaqt li prima facie dan dejjem isir għax Malta huwa pajjiż demokratiku - madwar il-poter politiku qed jiżdiedu dejjem iktar dawk l-uffiċjali li ma jiġux eletti mill-poplu sovran pero' li jispiċċaw bl-istess ammont ta' poter daqs in-nies li neleġġu. Keith Schembri (ritratt xellug) kien każ ċar ta' dan. Qabel l-2013 kważi ħadd ma kien jaf min hu u it li xejn nies rawh jikkampanja jew jidher fil-pubbliku. Wara l-2013 spiċċa l-aktar persuna b'saħħitha fil-Gvern u hemm min jargumenta li spiċċa terġa' u tgħid aktar b'saħħtu mill-Prim Ministru. Ħafna mill-għawġ li ffaċċja l-Gvern Laburista ta' Muscat kien grazzi għad-deċiżjonijiet u l-mod kif opera Schembri, għal kumpaniji fil- Panama li fetaħ għalih u l-mentalità tiegħu li xxaqleb kważi b'mod assolut lejn l-interessi tal-flus/ negozju (kif diġa semmejna) propju għax huwa negozjant ta' ċerta portata. Din mhux l-ewwel darba li persuna wara l-PM jingħad li jkollha kważi l-istess poter jekk mhux aktar, bl-istess kien jingħad mill- Oppożizzjoni pero' wkoll Deputati Nazzjonalisti dwar Richard Cachia Caruana (ritratt lemin). Dwar dan fil-fatt jingħad li mhux talli kellu r-riegni tal-Gvern f 'dejh imma anke dawk tal-partit. Huwa meqjus bħala l-"Kap" ta' dak li l-Partit Laburista (imma anke l-eks Kap tal-PN Adrian Delia) kienu jirreferu għalih bħala "l-establishment". Allura wieħed jistaqsi kemm hi sovrana l-impożizzjoni ta' eminenzi griżi li huma aktar b'saħħithom mill-uffiċjal elett? Fejn se jibda u fejn għandu jieqaf il-poter li jkollha persuna li tassumi l-poter ta' wara l-Prim Ministru? U kif se naċċertaw li fil-futur ma jerġax ikollna aktar nies li joħorġu "minn imkien" u jiddettaw l-aġenda, xi kultant mhux b'lealtà lejn dak li l-poplu sovran kien għażel? Ħafna drabi l-eks PM Joseph Muscat kien jiddefendi lil Schembri billi jfakkar illi hu ma kienx elett u allura ma għandux dik ir- responsabilità politika xi jġorr. Huwa għalhekk li waħda mit- tagħlimiet minn dan ir-rapport hija li jkun hemm livelli ta' standards mistennija minn uffiċjali mhux eletti fil-Gvern - mhux biss ta' x'jistgħu u ma jistgħux jagħmlu, imma wkoll kodiċi ta' etika għal persons of trust, id-drittijiet imma wkoll id-dmirijiet tagħhom. Għandu jkun hemm termini ċari ta' kif person of trust għandha tinħatar u meta trid titkeċċa biex b'hekk ikun assigurat li ma jkun hemm qatt iżjed poter ikbar mill- uffiċjali eletti. Hekk ikun pass eqreb lejn poplu li verament huwa sovran, infurmat u rispettat għad-deċiżjoni politika li jieħu.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 15 August 2021