Illum previous editions

Illum 05 September 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1407668

Contents of this Issue

Navigation

Page 14 of 27

15 kultura illum • IL-ĦADD 05 TA' SETTEMBRU 2021 Wkoll nhar l-aħħar ta' Mejju filgħodu, wara korteo bi statwa żgħira, replika tal- Bambina, mill-knisja tal-Vitorja sa Pjazza 4 ta' Settembru, it-tfal tal-iskola primarja għamlu manifestazzjoni ta' talb u kant madwar l-istatwa tal-Madonna tan-Nofs li ġiet ukoll inkurunata b'kuruna tal- ward. It-tfal bil-bnadar f 'idejhom tul il- korteo, akkumpanjati mill-banda tal-iskola Umberto Calosso, ħolqu spettaklu u taw ġieħ lill-Madonna mat-toroq. Missjoni mill-Ordnijiet Reliġjużi Il-qofol tal-festi beda jinħass l-aktar hekk kif bdew is-Sibtijiet tal-Bambina bi tħejjija għall-festa. Fil-ġimgħat ta' qabel is-Sibtijiet, saru żjajjar pastorali fid-djar kollha, li kienu mqassma f 'żoni, minn diversi patrijiet membri ta' Ordnijiet Reliġjużi. F'din il- missjoni fost il-familji, l-ewwel esperjenza ta' dan it-tip fid-djoċesi, ħadu sehem Ġiżwiti, Karmelitani, Franġiskani Konventwali, Fraġiskani Minuri, Franġiskani Kappuċċini, Agostinjani, Karmelitani Skalżi u s-Soċjetà Missjunarja ta' San Pawl. Il-Bambina fil-Belt Valletta Ferm mistennija kienet l-okkażjoni unika meta l-istatwa ta' Marija Bambina ittieħdet il-Belt Valletta u ġiet esposta għall-qima tal-Maltin fil-Kon-Katidral ta' San Ġwann. Hemm, fit-22 ta' Awwissu 1996, saret ċelebrazzjoni għall-emigranti Maltin li kienu fostna għall-jiem tal-festa. L-għada, 23 ta' Awwissu, Mons. Carmelo Xuereb, Vigarju Ġenerali Emeritu, iċċelebra quddiesa flimkien mal-membri tal- Kapitlu tal-Katidral, il-Kapitlu Senglean u l-kappillani u retturi tal-knejjes tal-Belt. Wara, l-istatwa tal-Bambina, ittieħdet mill-Kon-Katidral u, akkumpnjata miż- żewġ baned tal-Belt u folla kbira ta' nies, twasslet sa ħdejn il-pixkerija, fix-Xatt tal- Belt. L-istatwa ġiet imtella' fuq barkun u, akkumpanjata bid-daqq tal-Banda Queen's Own, twasslet fix-Xatt tal-Isla. Fuq il-baħar, l-istatwa kienet akkumpanjata mid-dgħajjes tar-Regatta tad-distretti kollha, mill-Patrol Boats tal-Forzi Armati ta' Malta, kif ukoll għadd mhux żgħir ta' dgħajjes u vapuretti oħra li wasslu lin-nies lejn l-Isla. Kienet xena li ma tintesiex malajr meta l-Bambina telqet mill-Belt u qasmet il-Port lejn ix-Xatt tal-Isla fost l-għajjat ta' ferħ, il-mixgħela u l-logħob tan-nar. L-istatwa ta' Marija Bambina ġiet milqugħa fix-Xatt tal-Isla u, bis-sehem tal- Banda Queen's Own, twasslet sal-bażilika f 'dimostrazzjoni ferrieħa u devota. Novena ta' tħejjija In-novena bdiet fil-25 ta' Awwissu bi tħejjija għall-jum tal-4 ta' Settembru. F'kull ġurnata saru ċelebrazzjonijiet speċjali fosthom l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal- Isqof. Saret ukoll quddiesa De Requiem b'suffraġju ta' dawk is-Sengleani li b'tant ħeġġa ħadmu għall-inkurunazzjoni tal- Bambina u għall-benefatturi kollha tal- bażilika. F'dawk il-jiem ġew mistiedna sitt isqfijiet: Mons. Pawl Darmanin OFM Cap, Isqof ta' Garissa, Mons. Jose Sebastian Laboa, Nunzju Appostoliku għal Malta, Mons. Nikol Ġ. Cauchi, Isqof ta' Għawdex, Mons. Pawl Giglio, Arċisqof ta' Tindari, Mons. Fouad Twal, Arċisqof tat-Tuneżija, u Mons. Ġużeppi Mercieca, Arċisqof ta' Malta. Ġew mistiedna wkoll sitt Kapitli Kolleġġjali li kienu tax-Xagħra, Għawdex, tar-Rabat, Malta, ta' Bormla, tal-Birgu, tal-Belt Valletta, ta' Birkirkara u l-Kapitlu Metropolitan. Il-qofol tal-festi Il-qofol ta' dawn iċ-ċelebrazzjonijiet intlaħaq nhar l-Erbgħa, 4 ta' Settembru 1996. Filgħodu, wara li t-tfal imxew f 'korteo minn Pjazza 4 ta' Settembru sal-bażilika, saret il-quddiesa għalihom, iċċelebrata mill-Kan. Arċipriet Dun Vinċenz Cachia, u fi tmiemha saret l-offerta tal-warda tad- deheb f 'riġlejn l-istatwa ta' Marija Bambina. Fis-sitta ta' filgħaxija, bdiet purċissjoni solenni tad-dħul tal-quddiesa mill- bażilika għax-Xatt bl-istatwa tal-Bambina, mmexxija minn Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca, flimkien mal-isqfijiet mistiedna, il-Kapitlu Senglean u saċerdoti oħra. Mons. Jose Sebastian Laboa, Nunzju Appostoliku, assista għal din il-quddiesa. Iċ-ċelebrazzjoni ntemmet bil-kant tat-Te Deum, l-Antifona tal-Bambina u l-Innu tal-Inkurunazzjoni. L-istatwa tal-Bambina twasslet lura lejn is-Santwarju tagħha permezz ta' dimostrazzjoni ferrieħa bis-sehem tat- tliet baned tal-Kottonera. F'dawk il-jiem memorabbli ta' Settembru 1996, ħadu sehem ukoll il-baned Prince of Wales Own tal-Birgu, Stella Maris ta' Tas-Sliema, King George V tal-Imqabba, G.M. Fra Antoine De Paule ta' Raħal Ġdid, Konti Ruġġieru u L'Isle Adam tar-Rabat, Malta, Santa Marija ta' Ħal Għaxaq, San Bartilmew ta' Ħal Għargħur u Leone tar-Rabat, Għawdex. Issa li kien għadda l-anniversarju tal- inkurunazzjoni, l-attenzjoni daret għal fuq it-8 ta' Settembru, jum it-Twelid tal- Imqaddsa Verġni Marija, il-festa titulari. Dakinhar filgħodu sar Pontifikal Solenni mmexxi minn Mons. Arċisqof Mercieca, assistit mill-Kapitlu Senglean. Patri Philip Cutajar OFM Cap., il-Provinċjal tal- Kappuċċini, niseġ paneġierku ta' tifħir lil Marija Bambina f 'jum twelidha. Waranofsinhar, wara Għasar Solenni mmexxi minn Mons. Isqof Twal, saret il- purċissjoni devota bl-istatwa inkurunata ta' Marija Bambina, immexxija mill-istess isqof. Iċ-ċelebrazzjonijiet denji li permezz tagħhom ġie mfakkar il-75 anniversarju mill-inkurunazzjoni tal-Bambina ġew fi tmiemhom fi dħul il-purċissjoni, bil- kant tal-Antifona u l-Barka Sagramentali. Dawn kienu ġrajjiet li ma jintesew qatt, l-isbaħ festi li saru tul il-parrrokat tal-Kan. Arċipriet Dun Vinċenz Cachia. fl-Isla ta' 25 sena ilu 23 ta' Awwissu 1996: L-istatwa ta' Marija Bambina waqt li qed tiġi trasportata mill-Belt Valletta lejn l-Isla.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - Illum 05 September 2021