Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1407668
16 kotba IL-ĦADD 05 TA' SETTEMBRU 2021 • illum Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Skont iz-zokk, il-fergħa ...U tisbaħ missier! (Merlin, 2021, €9.95) huwa l-aħħar sorpiża sabiħa fid-dinja tal- pubblikazzjoni Maltija mill- pinna prolifika ta' Sergio Grech, li jinża' mil-libsa tas- soltu tar-riċerkatur u l-istoriku u jagħtina rakkont personali, umoristiku u, tista' tgħid, rari dwar l-esperjenza ta' bosta, imma dejjem unika, tat-twelid tat-tfal u l-bidu tar-rwol patern. Grech għandu kwalità partikolari ħafna għax-xogħol kollu li pproduċa, mill-kitbiet akkademiċi u divulgattivi sal- bijografiji li ħadem fuqhom bħala editur u bħala kittieb: is-sempliċità u n-nuqqas ta' pretensjoni. Simili għal xi Arnold Cassola, huwa żiemel għax-xogħol u r-riżultati konsistenti tiegħu huma apprezzabbli għall-aħħar, speċjalment għall-qarrej komuni għatxan għat-tagħrif u l-għerf aċċessibbli. Fl-istess ħin, l-interessi tiegħu huma varji, mill-persunaġġi politiċi apparentement periferiċi sa elementi ta' kultura popolari li huma essenzjali għall-fehim tas-soċjetà kontemporanja u tal-istorja reċenti tagħna. Is-sorpriża li jwasslilna Grech did-darba hija rakkont personali, li spiss idur għar- riflessjoni, dwar il-mumenti ta' meta twildulu ż-żewġ uliedu. Bħalma jgħid fid-daħla, kien tħeġġeġ għal dan il-proġett minn xi wħud minn sħabu li kienu jieħdu gost jaqraw l-aġġornamenti qsajra regolari tiegħu fuq Facebook dwar il-mumenti ħelwin li kien qed jesperjenza ma' wliedu ċkejknin. Din rarità oħra: fid- dinja virtwali fejn kulħadd irid jiftaħar b'kull ma għandu u kull m'għandux (jew jixtieq ikollu, jew inkella jrid lil xi ħadd, konkret jew mhux, jgħir għalih...), u jiddokumenta kull tentufa li jgħaddi minnha billi kważi jtiha xejra kożmika, Grech u ftit oħrajn huma l-uħud li ma jdejquni xejn meta jfaqqgħu aġġornament ġdid dwar ħajjithom. Lil hinn minn xi proġett personali u vanituż, miklub għal għajn in-nies, il- ħajja tat-tfal ta' Sergio nfittixha u niggustaha, għax imwassla mingħajr ħażen, malizzja, jew għanijiet ulterjuri, u hija sempliċement il-meravilja pura ta' ġenitur quddiem ħlejqa ċkejkna li qed tiskopri d-dinja. Tista' tkun anki ħlejqa li ma ħloqthiex int, jew inkella tista' tħares lejha b'nuċċali tal-voyeur virtwali, imma mingħajr l-għira, l-indiġestjoni, jew inkella dik il-kilba tad-dipendenza mill-irritainment biex jerġa' jkollok ċans tmaqdar l-aħħar pampalunata li tfeġġlek fuq in-news feed. Fil-każ tiegħi, hija d-distanza ta' xi ħadd li mhuwiex missier imma ziju u parrinu 'professjonist', fejn id-dmirijiet mhux uffiċjali tat-trobbija jseħħu dik id- darba fil, x'aktarx mingħajr it-toqol tar-responsabbiltà ġenitorjali, imma xorta waħda bil-meravilja, l-istennija u l-imħabba ta' min iħares lejn uliedu jikbru. Ulied Sergio, dawk tad-demm u l-laħam – u din naraha responsabbiltà kbira li ħa l-awtur – isiru personaġġi, karattri, għeliem li jfakkruna f 'ulied u neputijiet oħrajn, jew li jistgħu jxewquna, dejjem bi ħlewwa sana u ottimistika, għal stat li nkunu għadna ma lħaqniex. Imma Sergio u wliedu jfakkruna wkoll fit-tfulija tagħna, u kwalità oħra ta' dan il- ktieb delizzjuż hija l-perspettiva li mhijiex egoċentrika, imma li tinkwadra l-ewwel mumenti tal-ħajja fi ħdan qafas ikbar. Sergio tal-ġenerazzjoni tiegħi, u l-mumenti diversi li juża biex xi kultant iqabbel tfulija ma' oħra jdoqqu f 'widnejn nies tamparna, mit-TV Taljan li konna naraw bis-serqa billejl sat-tifkiriet importanti marbuta mal-ġenituri tagħna. Ċikli tal- ħajja li jafu jwaqqgħuna fin- nostalġija, isimha magħha bħala s-sensazzjoni ta' post li, fl-aħħar mill-aħħar, ma jeżistix: il-missier jintriga kull filgħodu biex jagħmel lunch sustanzjuż għal uliedu, u jinfiska meta jarah jerġa' lura mhux mikul, l-aktar meta jiftakar kif kien iħarbtu hu malli ddoqq il-qanpiena għall-break. Karatteristiċi individwali li mhux bilfors jintirtu minn ġidd għall-ieħor, x'aktarx għax dak li noħolqu, anki minn ġisimna stess, huwa individwu ġdid, li għandu xi