Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1407668
Sharon Calleja 25 rakkont illum • IL-ĦADD 05 TA' SETTEMBRU 2021 K ienu diġa għaddew xi tlett ġimgħat. Bilkemm ried jemmen kemm kien qed igerbeb iż-żmien! L-ewwel ftit jiem kienu xi ftit iebsa. Kien għadu qed jaħseb li kien qed joħlom. L-ewwel lejl kien għaddieh iħares lejn il-qamar. Lejl sħiħ. Kien ilu għomor ma jara l-qamar billejl għax iċ-ċella tiegħu ma kellhiex tieqa għal barra. Kien ilu żmien twil ma jara d-dija tiegħu fiddieni hekk kif jitħallat mal-kulur skur ta' sema sewda imtektka bl-istilel. Kien għadda ġurnata stramba. Kien wasal quddiem id-dar fejn kien trabba. Għalkemm kien ilu żmien twil jaħseb li għajnejh ma kienux għadhom jipproduċu dmugħ, jaħseb li kien ħlieh kollu, jaħseb li kien rabba qoxra ta' kukkudrill fl-intern tiegħu u ma kienx fadallu lok għall-biki, infexx jibki quddiem id-dar qisu tarbija għadha ħierġa minn ġuf ommha. X'memorji! Dak il-bieb tal-injam imqaxxar biż-żebgħa ħadranija. Ħajt tal-ġebel iffejdjat. Twieqi nofshom imbexxqin. Għanqbut. Dud. Abbandun totali. Minn hawn barra seta' kważi jmur lura fiż-żmien, jara d-dar tinbidel, jisma' leħen ommu jkanta fl-isfond hekk kif kienet tkun qiegħda ssajjar jew tonxor il-ħwejjeġ fil-bitħa mdaqqsa, leħnu ta' tifel żgħir jilgħab b'xi karozza tal-ħadid fuq il-bankina jew jara lilu nnifsu jittawwal minn wara l-persjana tal-bieb. "Twanny! Ara toħroġ barra!" kienet ta' sikwit tlissen ommu, b'allarm f 'leħinha hekk kif kienet twiddbu minn ġol-kċina. U hu kien obbidjenti. Minn dejjem kien. Għal fejn it-tfal tamparu, Twanny kien kwiet u bilgħaqal. U dejjem attent kif jitkellem ħalli ma jmur iweġġa' lil ħadd b'diskorsu. Kien imbotta l-bieb u daħal ġewwa. Ir-riħa ta' umdu belgħatu. U aktar għanqbut u dud. Trab u ħmieġ tal-ġrieden. U kien għadda ġurnata sħiħa jimla l-bramel bl-ilma, jaħsel l-art, ifarfar it-twapet, jikxef l-għamara rikka u l-ħġieġ. Kullimkien. Kien ġab kullimkien pupilla. F'temp ta' ġurnata. Sa filgħaxija kien qala' l-ħwejjeġ minn fuq il-ħbula tal-inxir, firex soddtu, mar jagħmel xirja bil-ftit flus li kien hemm f 'post moħbi ġo landa tal-bulubif fejn kien jaf li ommu kienet tixtorr taħt il-maduma u qagħad isajjar. Imbagħad kien intefa fil-bitħa jara s-sema tinbidel. Ir-ritratt ta' Graziella kien poġġieh fil-kamra tas-sodda fuq il-komodina li issa ġiet nadifa tazza bl-istess mod kif kien ipoġġih fiċ-ċella. Tgħid kienet iżżewġet? Tgħid kellha t-tfal? Tgħid kienet għadha tiftakru? Hux tiftakru. U żgur li le. U b'dan il-ħsieb iberren f 'moħħu, kien ħalla n-ngħas jagħmel tiegħu u fis-siegħat bikrin tal-għada filgħodu, kien raqad. Wara jumejn kien mar mixja sal-pjazza tar-raħal. Kollox kien inbidel. Kulħadd kien jiġri bil- mowbajl f 'idejh. Il-ħwienet dehru aktar moderni, aktar bini, aktar konkos u kullimkien donnhom kienu qegħdin jagħmlu xi tip ta' kostruzzjoni. Il-karozzi kienu nbidlu b'mod tassew drastiku. Kull fejn tħares karozzi u traffiku. In-nisa kienu saru jilbsu aktar issikkat. Aktar provokanti. U donnhom kienu qegħdin iħarsulu sabiex jittantawh. Jew inkella għax kienu kurjużi fuqu. Imma oħroġ il-għaġeb, hekk malli mar fil-pjazza l-ewwel darba, ħadd ma kien għarfu. Ħadd ma kien ta kasu. Fil-bidu kien beża li kienu ser jiksruh. Iżebilħuh. Iżda, le. Ħadd. Xejn. Kulħadd kien impenjat b'ħajtu. "Mir-raħal?" kien staqsieh wieħed li wara kien qallu li jismu Ġużi. Kellu s-snien ta' quddiem neqsin u kien qed iteftef b'xufftejh ma' tazza tal- kafe kemmxejn imdellka iżjed milli suppost b'idejh stess. "Imma ma kontx qed ngħix hawn," kien wieġbu Twanny, ipoġġi bilqegħda ħdejh. Dakinhar tgħidx kemm sema' stejjer mingħand Ġużi. U kien reġa' mar sa ħdejh l-għada. U l-pitgħada. U Ġużi kien qallu b'xogħol fejn setgħa jaħdem. Meta kien sar jafdah naqa oħra, kien qallu l-istorja ta' ħajtu. Ġużi kien qagħad jisimgħu mingħajr ma ġġudikah. Mingħajr ma weġġgħu bi kliemu. U Twanny kien ħassu komdu. U hekk kien beda jaħdem fil-kisi u t-tikħil u reġa' beda jitħallat mas-soċjeta'. Ħaġa biss kien hemm titturmentah. Għalfejn? Għalfejn kienet qalet hekk fuqu? Għalfejn kienet aċċettat li tħallih jgħaddi għomru ġo ħabs umduż waħdu mingħajr ħajja? Graziella. U oħroġ il-għaġeb, kien jaf. Kien jaf li hu kien għadu jħobbha. U jibqa' jħobbha. Jgħaddi kemm jgħaddi żmien. "U min hi din it-tfajla li għamlitlek din l-azzjoni?" kien staqsieh Ġużi. "Graziella." U Ġużi ma kienx wieġbu. Għal mument kien isserja. Donnu bexxaq xufftejh biex jgħidlu xi ħaġa imma mbagħad ma qallu xejn. "Ma naf lil ħadd jismu hekk." U l-ħajja ta' Twanny baqgħet għaddejja. Xogħol. Tazza nbid jew te ma Ġużi. U d-dar. Sallum stess. Kienu għaddew tlett ġimgħat. Tlett ġimgħat eżatt minn dakinhar li kien ħareġ mill- ħabs. Kien għadu kemm daħħal l-ewwel paga. U kien jaf li kellu bżonn imur jagħmel xirja tal- ħwejjeġ. Dakinhar kien is-Sibt u ma kienx ser ikun xogħol. Kien daħal il-Belt bil-karozza tal-linja. Malli jgħaqqad naqa oħra flus, Twanny kien beħsiebu jixtri karozza. U hekk malli daħal il-Belt, donnu ġie f 'tiegħu. Nies għaddejjin jimxu. Kulħadd ipaċpaċ, iżomm il-basktijiet tal-karti f 'idejh, oħrajn jieħdu l-kafe fil-ġnub tat-triq prinċipali. Il-gallariji tagħna l-Maltin kien immissja li jarahom. U qabad daħal fl-ewwel ħanut tal-irġiel li kien ra ftit metri 'l ġewwa. Kien għadu qed iħossu ħuta barra mill-ilma xħin jara ħafna nies u kien kważi beda jxoqq l-għaraq għalih. U eżatt malli daħal, raha. U għajnejh iltaqgħu ma' tagħha. Kienet qiegħda hemm tbiegħ wara l-bank tal-ħanut. Ħass għoqla fi griżmejh. Kienet inbidlet. Kibret. Tbaċċet. U l-kulur ta' xagħarha kien differenti. Imma kien għarafha. "Simone?" staqsieha, jersaq lejn il-bank u jħares fiss lejha. Għal mument donnha tfixklet. Donnha ma kinitx taf x'kellha taqbad tagħmel. "Int............?" staqsietu tixraq fil-kliem. "Twanny." Raha tinħasad. Ħarset 'l isfel u mingħajr ma kellmitu, daħlet 'il ġewwa ħalli ma tkellmux. "Simone? Inti taf ! Inti taf li ma kienx veru!" qalilha, b'leħen sod minn ġol-ħanut. Kien hemm xi żewġ nisa fil-ħanut iżommu xi ħwejjeġ f 'idejhom. Bdew iħarsu lejh. Bdew iberrqu għajnejhom u jitkellmu minn taħt. "Inti taf li Graziella kienet gidbet! Tafu int dan!" reġa' qalilha, jħoss ġismu jirtogħod. Nervi. Uġigħ. Uġigħ kbir. Dar biex jitlaq 'il barra. Dar biex imur 'l bogħod minn fejn ħabibitha. Il-ħabiba ta' Graziella. Eżatt malli wasal quddiem il-bieb tal-ħġieġ u qabad il-pum b'idejh, sema leħinha. "Twanny! Naf jien! Naf li mhux veru kien!" Waqaf bilwieqfa quddiem il-bieb. In-nies tbellhu. Ma kellhomx idea x'kien qed jiġri. Dar iħares lejn Simone. Kellha d-dmugħ f 'għajnejha. U f 'mument wieħed ħass żiffa riħ tgħaddi minn ma' wiċċhom. Teħodhom lura fiż-żmien. Meta kienu jkunu flimkien. Hu, Graziella, Simone u Terence, ħabib ieħor tagħhom. "Kissritni, Simone. Serqitli ħajti." Simone għamlitlu iva b'rasha. Reġa' dar biex jitlaq. Imbagħad reġa' dar kontra. "Għadek taraha?" "Iva." Ħati (It-tieni parti minn erba')