Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1416374
15 analiżi illum • IL-ĦADD 3 TA' OTTUBRU 2021 Demokrazija fejn kollox jgħaddi sakemm is-suq tal- pjaċiri jibqa' jrendi Għalhekk, ix-xewqa kollettiva donnha hi li l-eretiċi jirtiraw fil-fosdqa privata tagħhom, li l-għalqa tagħhom titqies bħala spazju privat li ħadd ma jista' jidħol fih, post fejn l-eretiċi jitħallew jitkellmu waħidhom u, b'turija ta' demokrazija u ġenerożità falza jitħallew jħażżżu kelmithom għal dawk il- ftit li jissograw jaqbżu ċ-ċint tal- għalqa biex jiltaqgħu magħhom. Bogħod mill-għajn tal-massa, il-ħafna donnhom jixtiequ li l-eretiċi jħallu lill-mexxejja u lill-kotra jgħixu d-demokrazija kif iriduha, kif jaqblilhom u bi kwiethom. Id-demokrazija fejn kollox jgħaddi u jgħodd sakemm is-suq tal-voti u l-pjaċiri, l-ispazju fejn kulħadd huwa kummerċjant u klijent, jibqa' jirrendi. Demokrazija li skont Costanzo Preve, wieħed mill-filosofi Taljani l-aktar importanti tas-seklu għoxrin, falliet bi kbir meta naqset li tikkoreġi u trażżan il-poter tal- flus. Għax il-massa tirrifjuta li tkun eretika u tbarri lil min hu, is-silenzju u l-indifferenza quddiem dak li Jacques Rancière isejjaħ il-mibegħda l-ġdida għad-demokrazija, wasslu biex id-demokrazija timxi mingħajr il-poplu, anzi kontra l-poplu. Filwaqt li l-eretiku jinsab barra, fil-kesħa li xxoqq l-għadam, il- poplu qiegħed għas-sħana tal- forġa u fuq l-inkwina li fuqu tinżel il-mazza ta' demokrazija mingħajr demokratiċi; inkwina li fuqha jissawwar poplu għalkopptejh jadura lil min dallam id-dawl. Demokrazija ta' demokratiċi falzament ottimisti meta, kif stqarr Norberto Bobbio, filosofu u xjenzat politiku Taljan, aktar minn nofs seklu ilu, lkoll għandna nkunu 'democratici sempre in allarme'. Meta mhux mhedda, dawk li jkebbsu d-dawl biex lkoll naraw x'qiegħed jiġri fid-dlam ta' lejl li lanqas il-qamar ma jirnexxielu jdawwal, ħafna drabi jingħaddu ta' ħalliema maqtugħin mir-realtà. Għax jaraw dinja li mhix, il-kotra tqis l-eretiċi bħala dawk li qegħdin jgħixu f 'dinja oħra, id-dinja tal- ħolm, id-dinja ideali, l-utopija. Użati bħala tiben għall-ħruq, qajla l-kotra tinduna li l-ħolm u l-utopija joffru possibilitajiet li s-soċjetà toħroġ mid-distopja, il-kundizzjoni koronika li daħlet fiha; viżjonijiet li joffru truf għal ħruġ is-soċjetà mill-ħajja bla ħajja li ninsabu fiha. Meta naħarqu lill-eretici tagħna nkunu qegħdin ninħarqu lkoll u nbarru lilna nfusna mill- possibilità ta' dak li Thomas More isejħilha l-ewtopija - il- post it-tajjeb. Mingħajr il-ħolm (tal-eretiku), jistqarr Victor Hugo, il-poeta u novelista Franċiż, ma nistgħux noħolqu l-futur. Il-futur jinbena fuq it- twettiq tal-utopiji. L-eretiċi għandhom ikunu r-raġuni ewlenija għaliex għandu jkollna edukazzjoni li tnixxi t-tama f 'demokrazija ġenwina. L-eretiċi jissawru b'abbundanza meta l-edukazjoni tieqaf tagħġen lill-individwu fiċ-ċittadinanza ubbidjenti, beżagħna, indiffereneti, silenzjuża, individwalista u utilitarja; ċittadinanza komda mal-poter u ma' min hu b'saħħtu. Ir-riflessjoni kritika u l-ħsieb sovverżiv huma essenzjali għad- demokrazija. Post l-eretiċi huwa qalb in-nies, bħala profeti magħrufa. Dawk li jirriutaw il-manifest tal-ġwejfin - 'zitti e buoni' - iħaddnu l-mistoqsija bħala mod kif jaraw, u jaqraw, bl- immaġinazzjoni tgħin biex jaraw id-dinja mill-ġdid. L-aqwa żmien tal-eretiċi huwa dejjem iż-żmien taċ-ċaħda tal-kumdità u l-kenn tal- poter. L-oppressjoni hija s-salmura tas-sovverżjoni, il-mument għall- eretiċi biex jiddu fil-kuntrarju tagħhom. B'referenza għall-artisti, Vaclav Havel argumenta li ħajjet l-artist eretiku hija eħfef fit-tiranija. Il-mument li l-eretiċi jsiru grati jew iħossuhom obbligati huwa l-mument ta' tmiem l-ereżija u l-mewt tad-demokrazija. Id-Demokrazija krazija L-eretiċi jissawru b'abbundanza meta l-edukazzjoni tieqaf tagħġen lill-individwu fiċ-ċittadinanza ubbidjenti, beżagħna, indiffereneti, silenzjuża, individwalista u utilitarja; ċittadinanza komda mal-poter u ma' min hu b'saħħtu