Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1419851
20 kotba IL-ĦADD 17 TA' OTTUBRU 2021 • illum Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Qaddisi jgħidli In-novella omonima li tiaħ l-aħħar ġabra ta' Alex Mizzi hija familjari u Maltija kemm jista' jkun. Fiha tiġbor is-setgħat kollha tal-pajjiż, sew dawk tal-art sew dawk tas-sema, li jaħdmu għalenija biex iġibu x-xita li l-gżira xotta u maħruqa tant qed titkarrab għaliha. Anki x-xita, ħaġa naturali u minn ewl id-dinja, li għandha r-ritmi tagħha ta' meta tiġi u tagħmel u tieqaf, hija wkoll pjaċir li l-Malti jaf ikollu jkellem saħansitra lill-qaddisin għaliha. L-intermedjarji għall- pjaċiri u l-bżonnijiet nibqgħu narawhom regolarment f 'din is-sensiela ta' rakkonti, illustrazzjoni mqaxxra ta' pajjiż li jagħżel li jżomm ma' antikità kważi anċestrali bl-istess qilla li biha jmexxi biex jiġġedded u jimmodernizza a skapitu ta' passat li donnu ma jridx jaf aktar bih. Fis-sempliċità x'aktarx deliberata tal-kitba ta' Mizzi, dejjem tħoss tistira din it-tensjoni bejn l-imgħoddi u l-preżent, li tmur lil hinn min-nostalġija sempliċi, imma li titkellem dwar l-għażliet u l-prijoritajiet ta' nazzjon li qiegħed fi proċess identitarju kumpless fejn qed jissielet biex tassew jaraw x'inhu u fejn sejjer. Il-Malta ta' Mizzi hija interessanti għaliex, fl-aħħar mill-aħħar, ma tinbidilx: jekk huwiex għall-aħjar jew għall- agħar għandu mnejn jiġi rwol il-qarrej biex jirrifletti u forsi jagħżel. Malta tal-irħula jonogħsu fix-xemx, bix-xjuħ siekta fuq bank jiċċassaw lejn dinja statika, fl-aħħar mill-aħħar, fejn is- silenzju tiksru karozza għaddejja sparata bis-silencer imtaqqab u bil-mużika ddamdam, misjuqa minn ġuvnott "donnu jrid jisfida l-istatus quo tar-raħal li jekk xi darba jintilef, min jaf meta jikber kemm ikun jixtieq iġibu lura." F'din il-kontradizzjoni tant espressa b'mod ċar tistrieħ il- viżjoni ta' Mizzi, li jħares lejn id-dinja bl-għajnejn ta' adult imġarrab li madankollu ma jinħakimx mis-sentiment irħis li jeqred ir-riflessjoni u l-mistoqsija kontinwa. In-narratur huwa osservatur sikwit parteċipi fir- rakkont, meta ma jkunx qed inemmes biex ipitter impressjoni tal-ħajja quddiemu, imma sehmu jinħass dejjem dik it-