Illum previous editions

ILLUM 24 October 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1421648

Contents of this Issue

Navigation

Page 26 of 27

27 films illum • IL-ĦADD 24 TA' OTTUBRU 2021 Carmel Bonnici The Alamo: Assedju ta' qlubija patrijottika (2) Ikompli mill-ġimgħa li għaddiet L-istorja tal-film grandjuż The Alamo, dirett minn John Wayne hi din: Bexar, belt in-naħa t'isfel ta' Texas issir iċ-ċentru ġeografiku tal-ġlieda ta' dan l-istat għall- indipendenza fl-1836. Biex jagħti żmien lill-Ġeneral Sam Houston (Richard Boone) jittrenja u jgħaqqad armata biex jiffaċja lill-President/Dittatur Messikan Santa Anna, Kurunell arroganti imma kompetittiv ħafna, William B. Travis (Laurence Harvey) jitpoġġa biex jieħu ħsieb The Alamo, l-fortizza ta' Bexar. L-ordni li jkollu Travis hi li jħalli lil Santa Anna bejn ħaltejn x'se jiġri u anki jirnexxilu jipperswadi lill- Kurunell David Crockett (John Wayne) u t-truppa tiegħu minn Tennessee biex jgħinuh. Il-Kurunell Jim Bowie (Richard Widmark) l-iscout ċelebri Amerikan jiġi taħt il- kmand ta' Travis. Crockett ikollu biċċa xogħol biex jitħabbeb ma' Bowie ġewwa l-fortizza għax dan ma jħobbx jieħu ordnijiet minn ħadd. Fl-istess ħin, Crockett isir iħobb lil Flaca (Linda Cristal), armla sabiħa Messikana, imma malajr jagħti kenn lilha u lit- tfal fil-fortizza. Fl-ewwel attakk feroċi, n-nies ta' The Alamo jirreżistu u Bowie jiddeċiedi li jibqa'. Wara 13-il ġurnata ta' ħbit qawwi mill-Messikani fuqha l-fortizza kollha tiġġarraf, sagrifiċċju li għin lill-General Houston jittrenja armata biex jirbaħ, pass importanti biex bih Texas ingħaqdet mal-Istati Uniti. John Wayne ġie kkritikat ħafna f 'dan ix-xogħol għax qabel l-assedju li ġie muri b'mod spetakkolari, daħħal avventuri ta' intriċċi differenti kemm felaħ. The Alamo li jieħu madwar tliet sigħat u kwart (u dak oriġinali kien fih nofs siegħa iżjed) kien fih namur, ġlied bil-ponnijiet fil-ħwienet tax-xorb u ballati mill-kantant/attur Frankie Avalon li għandu parti fil-film u jirnexxilu jaħrab qabel il- battalja biex ifittex lil Houston. Qabel l-assedju nisimgħu żewġ diskursati patrijottiċi minn John Wayne bħala David Crockett, waħda minnhom dwar xi tfisser Repubblika, li jagħti lill-wieħed x'jifhem li l-istorja tal-Istati Uniti hi mibnija fuq kuraġġ u libertà. Sekwenzi drammatiċi juru lil Bowie sikwit fis-sakra jargumenta mal-Kurunell Travis, bniedem aristokratiku u ta' dixxiplina militari. Minkejja dan kollu, il-final ta' The Alamo hu wieħed stupend fejn l-ebda wiċċ fit-teatru ma' jibqa' xott meta jixtarr il-massakru li jkun sar, xi ħaġa li Hollywood kien espert fiha. Atturi oħra li ħadu sehem huma Joan O'Brien, Chill Wills, il-kompatrijott tagħna Joseph Calleia, bħala l-Messikan Juan Seguin, ħabib ta' Crockett u l-eroj kollha tal-missjoni, Ken Curtis u t-tifla ż-żgħira Aissa Wayne u Patrick Wayne tfal ta' John. Il-film inħadem bit-Todd AO, bil-mużika evokattiva ta' Dimitri Tiomkin. Il-kanzunetta sabiħa The Green Leaves Of Summer ta' The Brothers Four kienet innominata għall-Oscar. Fuq il-poster kienu jidhru l-kliem The Mission That Became A Fortress, The Fortress That Became A Shrine – tassew addattati u f 'posthom. Tinstema' wkoll fil-final kanzunetta/ballata li tibda hekk: Let the old man tell the story Of the legend grow and grow Of the 13 days of glory At the siege of Alamo.... Il-kantant popolari tal- Country & Western ukoll jinstema b'The Ballad Of The Alamo lejn it-tmiem, kanzunetta oħra evokattiva li tispiċċa hekk: .... Now the bugles are silent And there's rust on each sword But the small band of soldiers Lie asleep in the arms of the Lord! Minkejja li l-film għamel il- flus fl-Istati Uniti u l-Kanada il-baġit baqa' tiela' u l-profitti kienu minimi. Personalment, jibqa' wieħed mill-films li bqajt ngħozz sal-preżent u nammira ħafna l-versjoni (DVD) ta' 4 sigħat neqsin kwart. TMIEM

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 24 October 2021