Illum previous editions

ILLUM 21 November 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1431467

Contents of this Issue

Navigation

Page 10 of 31

11 aħbarijiet illum • IL-ĦADD 21 TA' NOVEMBRU 2021 Kultura ta' evażjoni li se ttellef lil Malta minn biljuni fi dħul minn VAT, taxxa u bolla Fitch tbassar tkabbir ekonomiku qawwi għal Malta matul l-2022 ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Il-Gvern għad għandu madwar €5 biljuni x'jiġbor f 'VAT, Taxxa tad-dħul u Bolla għalkemm mal-gazzetta ILLUM il-Minstru tal-Finanzi Clyde Caruana jammetti li ħafna minn dawn mhux se jkunu qed jinġabru minħabba diversi raġunijiet, fosthom imwiet u kumpaniji li fallew. Dan l-akkumulu huwa ta' snin sħaħ u jikxef kultura rampanti ta' evażjoni tat-taxxa, hekk kif il-€5 biljuni jinkludu miljuni kbar minn negozji u kumpaniji imma anke arretrati ta' taxxa minn individwi. Fil-Baġit li tħabbar ix-xahar li għadda l-Ministru tal-Finanzi għamel aċċenn qawwi fuq ġbir ta' taxxa, bolla u VAT li għadha ma nġabritx b'rapporti fuq il- midja jiżvelaw kif kumpaniji diversi għandhom jagħtu miljuni kbar lill-Gvern - fosthom iċ- Ċaqnu li kien ordnat iħallas kont pendenti ta' madwar €40 miljun u li dwarhom iktar tard kien laħaq ftehim mal-Gvern. Imma mhux biss, hekk kif din il-gazzetta tinsab infurmata li hemm kumpaniji oħrajn kbar li għandhom jagħtu miljuni u li fl- aħħar xhur laħqu ftehim mad- Dipartiment tat-Taxxi għall- programm ta' ħlas tal-arretrati. Minkejja dan, il-Ministru ma setax jagħti dettalji eżatti ta' kemm ikopru miljuni ftehimiet li saru fl-aħħar ġimgħat u xhur biex titħallas din it-taxxa, għalkemm qal illi l-Gvern se jkompli bil-ħidma biex jara illi kull min għandu jħallas u jista' jagħmel dan, jibda jagħti lura l-flus dovuti lill-Gvern. Intant matul din l-aħħar ġimgħa qamet kwistjoni li titratta propju dawk li għandhom iħallsu taxxa lill-Gvern hekk kif il-Kamra tal-Kummerċ u anke l-Partit Nazzjonalista kkritikaw miżura tal-Baġit li tippermetti negozji b'arretrati tat-taxxa li kellhom jitħallsu f 'Jannar 2021, ma jħallsux dawn l-arretrati. Il-miżura qed tispeċifika li jekk persuna (jew kumpanija) xtrat proprjetà qabel Marzu 2021, it-taxxa li ħallset fuq dik il-proprjetà tiġi meqjusa daqslikieku ħlas tat-taxxa/VAT/ bolla dovuta lill-Istat. Il-Kamra tal-Kummerċ iddeskriviet din il-miżura bħala waħda "inġusta" bħal kull miżura oħra li tiffavorixxi jew tgħin lil min ma ħallasx taxxa à skapitù ta' min dejjem ħallasha. Il-Kamra tal-Kummerċ qalet illi din il-miżura qed tindika li l-Gvern jemmen li dawk il-flus li suppost tħallsu f 'taxxa marru fi proprjetà u għalhekk appellat biex persuni jew kumpaniji ma jkunux jistgħu jixtru proprjetajiet addizzjonali qabel iħallsu t-taxxi dovuti. Il-Ministru Caruana qal lil din il-gazzetta li kien propju għalhekk li żied l-interessi fuq dak dovut lill-Gvern b'aktar mid-doppju. L-aġenzija internazzjonali Fitch Ratings ikkonfermat ir-rating ta' pajjiżna bħala 'A+' bi prospetti stabbli għall-ekonomija ta' pajjiżna. Dan minkejja l-impatt tal-pandemija, liema impatt qed iwassal biex din l-aġenzija tirrevedi 'l isfel il-klassifikazzjoni ta' diversi pajjiżi. Il-Gvern fi stqarrija nnota kif l-aġenzija mhux talli kkonfermat ir-rating tajjeb ta' pajjiżna, talli tejbet it-tbassir tagħha għat-tkabbir ekonomiku ta' pajjiżna s-sena d-dieħla. "Filwaqt li aktar kmieni din is-sena kienu qed ibassru li fl- 2022 l-ekonomija se tikber bi 3.9%, issa qed ibassru tkabbir ta' 6.1%," qal il-Gvern. Dan filwaqt li qed jipprevedu li din is-sena l-ekonomija tagħna tkun kibret b'5.7%. Dan l-irkupru hu dovut - skont Fitch - għal diversi fatturi, imma dak prinċipali hu l-programm ta' vaċċinazzjoni, li fih Malta tinsab fuq quddiemnett. Fitch innutat ukoll kemm baqa' b'saħħtu s-suq tax-xogħol u kif dan qed iwassal għal livell tajjeb ta' konsum u ta' investiment. "Filwaqt li l-kelliema tal- Oppożizzjoni jsostnu li l-Gvern qed iberbaq il-flus u s-sitwazzjoni fiskali mhix sostenibbli, l-esperti ta' Fitch ibassru li d-defiċit din is-sena ser ikun anqas milli qed ibassar il- Gvern," innutat l-istqarrija hekk kif Fitch rrivedew 'l isfel it-tbassir tagħhom għad-defiċit fl-2021. Fir-rigward tal-inflazzjoni, ir- rapport ta' Fitch Ratings jinnota li pajjiżna qed jirnexxilu jikkontrolla l-pressjonijiet li ġejjin mis-swieq internazzjonali, filwaqt li jinnotaw kif il-Gvern huwa kommess li jżomm il-prezzijiet baxxi, tant li ħabbar tnaqqis fid-dazju għall- petrol u diesel ta' 27% u 20% rispettivament. Il-Gvern, fl-istqarrija tiegħu, jinnota kif barra li tfaħħar l-andament ekonomiku, ir-rapport tal-aġenzija ta' kreditu fih "ċertifikat pożittiv ħafna" għall-pjan ta' rkupru u reżiljenza li ppreżenta l-Gvern. L-istess aġenzija ssemmi l-FATF u tgħid li għalkemm il-fatt li Malta tpoġġiet fuq il-Lista l-Griża għadha ma mpattatx lill-ekonomija lokali nnutat r-reżiljenza tas-sistema finanzjarja u l-ħidma tal-Gvern biex pajjiżna joħroġ mil-Lista l-Griża. "Iċ-ċertifikat pożittiv li ngħata lil pajjiżna mill-aġenzija internazzjonali Fitch Ratings hu konferma oħra tal-għaqal li bih tmexxiet l-ekonomija tagħna u l-finanzi pubbliċi f 'dan iż-żmien ta' sfida. Dan flimkien mat-titjib fil-qasam tal-governanza li ser jipprovdi pedament sod għat- tkabbir b'saħħtu ta' pajjiżna fis-snin li ġejjin," temmet tgħid l-istqarrija tal-Gvern. ...dan filwaqt li tikkonferma r-rating A+ bi prospetti stabbli għall-ekonomija lokali

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 21 November 2021