Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1443444
23 rakkont illum • Il-ĦADD 16 TA' JANNAR 2022 Sharon Calleja It-Tlett Pitturi (IT-TIELET PARTI MINN ERBGĦA) K ont qiegħed eżatt quddiem l-ewwel pittura. Ħalqi kien imbexxaq. Għajnejja ffissati. Saqajja ħassejthom imkaħħlin mal-art. Kif jista' jkun? Ix-xebħ kien qiegħed hemm b'mod li lanqas jiena ma stajt nemmen. Dak il-ħin ma kont għadni nara xejn iżjed. La l-kamra sabiħa fejn kont qiegħed. La l-għamara rikka. U lanqas il-pitturi l-oħra. Hawnhekk quddiemi. U ma stajtx nemmen. Kienu identiċi. Jiena u hi. Tifla u tifel. It-tifel b'xagħru folt u nnukklat skur eżatt kif kont jiena tifel. U hi. Xagħar dehbi u sabiħ. Twil. Ileqq. Dawk l-għajnejn blu sbieħ. Imma kienet eżatt hi! Celeste! F'din il-pittura kienu jidhru qegħdin bilwieqfa ħdejn xulxin f 'għalqa kollha ħaxix u uri sbieħ tax-xemx. Ħassejt il-kamra ddur bija. U ħassejt in-nostalġija tal- passat tiġbidni lejha. Lejn l-għelieqi ta' tfuliti. Lejn Celeste. Dik it-tifla ħelwa li konna trabbejna flimkien. Dik it-tfajla li kont inħobb imma li b'xi mod konna qtajna kull kuntatt flimkien! Celeste! Is-saqajn għera fuq il-ħamrija friska u niedja tar-rebbiegħa. Ir-riħa tal-ward. Ir-riħa tfuħ ta' xagħarha u dawk l-għajnejn kbar blu tagħha jħarsu f 'tiegħi. Il-kant ħelu tal-għasafar. Ir-ramel niedi tal-bajja fil-qrib. Erġajt rajtna. Jien u hi niżfnu fil-kampanja. Naqtagħlha xi warda sabiħa u npoġġihielha wara widnejha. It-tbissima unika tagħha. U dak li kont inħoss għaliha meta bdejna nikbru. Imma għalfejn kont qtajt kull kuntatt magħha? Għalfejn ma kontx mort infittixha? Għalfejn kont ħallejt dawn is- snin kollha jgħaddu? Ħassejtni kważi naqta' nifsi hekk kif ħarist 'l fuq lejn ix-xemx, is-sħana tagħha tittormentali moħħi fuq dan il- passat ambigwu li kelli. Kont għamilt deċiżjonijiet li kellhom riperkussjonijiet. U issa stajt nerġa' naraha. Kienet hawn ħdejja! Leħinha kien wisq sabiħ hekk kif kienet qiegħda tkanta minn taħt l-ilsien. "Wegħdni ħaġa!" kienet qiegħda tgħidli b'leħen ħelu, b'xuejn niedja bil-bżieq li kien ħalla fuqhom ilsienha ħamrani. Dak l-ilsien li minjaf kemm-il darba kont ħlomt fuqu. Kont xtaqtu. Xtaqt induqu. "X'inwegħdek?" kont staqsejtha dik il-ġurnata partikolari. "Li la nikbru..........jiena u inti niżżewwġu." Kont isserjajt. Kont waqaft inħares lejn is- siġar kbar u sbieħ li kien hemm xi ftit 'il bogħod wara xi għoljiet kbar u ħadranin f 'dan iż-żmien tas-sena. "Inwegħdek, Celeste........" kont weġibtha. Celeste kienet daħqet. Issa stess stajt nisma' d-daħqa tagħha f 'widnejja. Niżlet kokka fil-ħaxix, hekk kif tatni daharha. "Tħarisx!" kienet qaltli. U jiena bdejt nitbissem. Kont ċert li kienet ser tivvinta xi ħaġa ħelwa milli kienet tħobb tagħmel. Xi sorpriża ħelwa tas-soltu. Iżda malli daret lejja, għajnejha kienu xi ftit baxxuti, wiċċha ruxxan, idejha jirtogħdu. "Għamiltlek dan." Kienet dawwret biċċa werqa tawwalija donnha f 'ċurkett. Urietuli. "Irrid inlibbisulek bħala sinjal ta' din il-wegħda." U b'xi mod, għollejt idi u libbsituli. Jiena tbissimt imma ma kontx ċert x'kien qed jiġri. Celeste tatni bewsa ħafifa fuq wiċċi, infaqgħet tidħaq u telqet tiġri 'l bogħod. Kienet qiegħda tistħi minni. U kont ħassejt żiffa riħ ma' wiċċi. U spiċċajt inħares lura lejn il-pittura. Qalbi kienet qiegħda tħabbat b'mod mhux normali. Kont qed inħoss wisq tensjoni. Issa. Inħsadt! Issa din il-pittura kienet tidher sewda! Dak li kont għadni kemm rajt............ Dawk iż-żewġt itfal! Dik l-għalqa! Il-fjuri! Impittra tant sew u b'mod preċiż! "X'iżżikk...........?" bdejt ingerger waħdi. U mxejt pass lura. Għorokt għajnejja. Ħassejtni f 'dilemma! Dan x'kien qed jiġri? It-tieni pittura kien fiha............... Ma kinitx għadha sewda! Innutajt li kienet hi issa li kien fiha............ It-tnejn l-oħra kienu suwed. Hi biss. Hi biss kien fiha.......... Dan x'kien qed jiġri? Kont qiegħda f 'xi seħer? Ersaqt pass viċin. Ħassejt l-istonku jdur. Rasi ddur ukoll. Saqajja jerġgħu jeħlu mal-art. Din. Din kienet............. Pittura f 'diskoteka. Stajt nagħraf kollox. Il-kuluri. In-nies tal-madwar. L-istil ta' ħwejjiġhom. Ma kontx indunajt imma għalaqt għajnejja! F'din it-tieni pittura erġajt kont qiegħed hemm! Iva! Jiena! Kont qiegħed ma' tfajla oħra! Jew kien wieħed jixbaħni? Dawwart idejja ma' sidri u għannaqt lili nnifsi. Bdejt inħoss id-dmugħ nieżel. Il-mużika tad-diskoteka ħatfitni magħha. Bumm. Bumm. Bumm. Ir-riħa ta' sigaretti. Ir-riħa tal-magna tad-duħħan. Ix-xorb. L-ilħna tan-nies jitkellmu u jfesfsu fil-widnejn. Bdejt niżfen. Indur ħdejhom. Magħhom. Nidħaq. Ħassejt ix-xorb li kont ħadt dik is-serata jitla' għal rasi. Ħarist lejn dik il-ġisem ta' tfajla li kelli quddiemi. Kienet qiegħda tiżfen u ddawwar l-koxox quddiemi eżatt. Bdejt naħbat magħha għal tal-apposta. Ħalli nħossha. U nħoss id-drapp fin tal-libsa tal-bizzilla li kellha fuqha. Wiċċha ma kien xejn speċjali. Xagħarha aħmar. Xufftejn kbar u ħomor. Riħa ta' fwieħa qawwija ħafna. U minn ġo dawk in-nies. Eżatt minn ġo fihom. Rajthom. Par għajnejn blu iħarsu lejja. Illum rajthom. Dak ix-xagħar sabiħ qastni. Dak il-wiċċ ta' anġlu sabiħ. Hi ma kinitx bħall-oħrajn. Kienet speċjali. Għalija. Illum. U anke dakinhar. Imma dakinhar kont għadni moħħ ir-riħ. Issa ftakart! Issa ftakart għalfejn konna nqtajna minn ma' xulxin! Iva. Issa. Ħassejt lil dik it-tfajla li llum ma kontx għadni niftakar x'jisimha. Kienet resqet lejja. Qabditni minn spallejja. Bexxqet xufftejha. Xufftejha ma' tiegħi. Sidirha ma' sidri. Saqajha kważi jirfsu lil tiegħi. Bdejna nitbewsu. Flimkien. Jien u hi. Imma ma kinitx togħġobni daqshekk. Imma x'kien jimporta? Jien kont ġuvni. Kont irrid niskopri. Intlift inbusha. Naqbdilha xagħarha. Inrossha miegħi. U wara ħarist. Ħarist madwari. Illum. U rajt li dawk l-għajnejn blu ma kienu għadhom jidhru mkien. Illum intbaħt. Inbuttajt lil dik li kien hemm quddiemi. Illum kelli ċans naraha. Insibha. Infittixha. U fost dawk in-nies li kien hemm jiżżegilgu mal-mużika, rajtha. Fil-kantuniera tal-kamra. Tibki. Tibki waħedha. Imma llum ma ntebħitx bija. Għaliex illum jiena ma kontx qiegħed hemm. Imma kienet biss memorja. Memorja ta' dak iż-żmien. U ftaħt għajnejja. Id-dmugħ li kelli jġelben minn ma' ħaddejja msaħtu malajr. Jiena kont raġel sod. Ma kontx raġel li noqgħod nibki mix-xejn. U ħarist għatxan lejn l-aħħar pittura. Il-pittura li kien fadal. Tgħid........... Tgħid din x'kien fiha? U issa hi biss kien fiha kulur fuqha. It-tnejn l-oħra kienu saru suwed. U hekk malli għajnejja waqgħu fuq l-aħħar pittura, ħassejt qalbi tagħmel tikk. Fuq dik il-pittura.............. Rajt lilha. Lil Celeste. Hekk kif qatt ma kont rajtha qabel. Kienet tidher ikbar miż- żmien. Mara. Matura. Kienet liebsa libsa twila u ħamra. Xagħarha magħmul. Kellha spallejha mikxufin. Ġilda delikata. Bajda. Sabiħa. Celeste! "Kemm inti sabiħa!" bdejt ingemgem waħdi. Leħni beda jidwi fil-kamra. U ndunajt. Il-pitturi kienu ġew it-tlieta li huma suwed.