Illum previous editions

ILLUM 23 January 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1445229

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 27

17 kotba illum • IL-ĦADD 23 TA' JANNAR 2022 Mark Vella jkellem lil Robert Pisani, reċensur online li l-kotba jiddivorahom, imma wkoll kapaċi jagħti ġudizzji mgħallmin dwarhom faċilment. Ilna għal wisq żmien nistaħbew taħt il-kappa ta' ġganti li madankollu lill-Malti, bla ma riedu, irrelegawh għall- istat ta' oġġett ta' antikwarjat, espressjoni folkloristika superfiċjali jew inkella, biex immorru għall-estrem l-ieħor, qasam tassew għall-ftit 'li jifhmu'. U jien u nitkellem ma' Pisani, nimmaġina sikwit id- diffikultajiet għaż-żgħażagħ li l-Malti jiġrilhom ippreżentat biss mod wieħed minn ħafna, meta mbagħad, hekk kif jirfsu lura għall-ħajja ta' veru, sar hemm tant kotba tajbin u aċċessibbli, b'Malti modern u mhux imfittex li jimxi labranzetta mal-attitudnijiet u l-kontenuti kontemporanji u b'wisq inqas deferenza lejn it- tradizzjoni. Li hi wkoll kwalità ta' Pisani, sew bħala qarrej u reċensur, li jaqra l-Malti, anki minħabba ċ-ċirkostanzi idjosinkratiċi tiegħu, mingħajr kundizzjonament mill- imgħoddi. Ktieb ieħor li għad nitkellmu dwaru hawn ukoll, Żifna f 'Xifer Irdum ta' Nadia Mifsud, isemmih Pisani bħala eżempju ta' din il-kitba l-ġdida li tolqot dawn il-likkijiet diversi. Kitba li x'aktarx twettaq l-għanijiet bażiċi tal- letteratura: tuża l-lingwa biex tinġibed l-attenzjoni lejha, u minn dan joħorġu l-kontenuti u l-emozzjonijiet, aktar milli l-lingwa tintuża bħala tħaddim mekkaniku tad-dizzjunarju u tal-grammatika jew bħala vejikolu għall-viżjoni morali tal-awtur. Imma, li hinn minn dan il- mument ċelebrattiv, Pisani Malti u bħal kull reċensur Malti, jammetti l-bżonn ta' tikka kuraġġ għal din il- biċċa xogħol. Malta żgħira u n-nies magħrufa, u Pisani ma jiddejjaqx jitkellem jekk xi ħaġa ma ddoqqlux, imma dejjem bl-akbar onesta u delikatezza, u anki l-qosor tar-reċensjonijiet tiegħu ma jippermettux żvolġiment profond, iżda xorta frażi xotta waħda taf tilħaq l-effett mixtieq. Jgħidli li s'issa, dawk li kkritika fil-biċċa l-kbira aċċettaw il-kummenti bil- grazzja, imma dejjem jibqa' dik is-sensazzjoni li għad xi darba jirfes il-kallu l-ħażin. Fl-aħħarnett, ma nistgħux ma nsemmux il-bqija tal-ħajja ta' Pisani, li litteralment jgħix fil-kotba, anki għaliex librar fi skola. Nistaqsih daqsxejn dwar id-drawwiet tal-qari tat-tfal tal-lum, u jgħidli li t-tfal sikwit ikunu qarrejja voraċi, anki minħabba l-varjetà sabiħa ta' kotba li hemm għall-qarrejja żgħar u żgħażagħ, iżda aktar ma jikbru, jaf b'xi mod jibda jintilef id-delizzju. Anki għall- fatt, partikolarment f 'Malta, fejn in-niċċa tal-adulti żgħażagħ għadha ma ġietx iffullata daqskemm wieħed jixtieq. Il-qari, m'għandniex xi ngħidu, għandu l-kompetituri tiegħu fid-dinja tal-lum, mid- dinja kollha tal-online u tal- media soċjali sas-sensiliet fuq il-pjattaformi, li saru l-mezz narrattiv ewlieni u jħabbtuha sew mal-ktieb u anki maċ- ċinema kif konna nafuh sa ftit ilu. Hija ġenerazzjoni wisq aktar viżiva minn dawk ta' qabilha, ikompli Pisani. U jaf din hi wkoll iċ-ċavetta lejn sura ġdida ta' ċertu kotba jew ta' strateġija biex inżommu liż-żgħażagħ qarrejja. Imma hawn ukoll jidħol, jekk mhux l-ottimiżmu, l-għarfien tal-kumplessità intriganti tad-dinja tal-ktieb. Għaliex minkejja dawn l-isfidi kollha, il-ktieb għad għandu leħen u jkompli jkellimna, u sikwit qed joħorġu kotba ta' suċċess li huma voluminużi u xorta jinqraw, anki għall-fatt li kapaċi jipprovdu esperjenza intensament immersiva, u donnhom jibqgħu jisfidaw din id-dinja ġdida tal-qosor, ix- xbiha u l-veloċità. Minn quddiem il-kamera li qed nitkellmu minnha fil-laqgħa virtwali tagħna, nara abt Pisani jipprova jilħaq quddiemu għall-aħħar rumanz ta' Hanya Yanaghira biex jurini dal-volum m'eħxen 720 paġna. Warajh nara xkaffa mburġata, fosthom iż-żewġ volumi, fihom ukoll, ta' 1Q84 ta' Murakami. U ħoxnin jew irqaq, xjuħ jew ħalib ommhom fi snienhom, nerġa' niftakar f 'kemm huma sbieħ il-kotba u x'dinjiet infiniti jiftħulna biex nintilfu fihom u nsibu triqitna lura għall-ħajja, mibdulin. Ir-reċensjonijiet ta' Robert Pisani ssibuhom fuq The Bobsphere – Ramblings on Books, Music and Films: h t t p s : / / t h e b o b s p h e r e . wordpress.com Robert Pisani

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 23 January 2022