Illum previous editions

ILLUM 30 January 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1446840

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 27

16 aħbarijiet IL-ĦADD 30 TA' JANNAR 2022 • illum Dawn l-artiklI jifformaw parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta. Il-Maltin, il-Griegi u ċ-Ċiprijotti l-aktar li jaħsbu illi l-immigrazzjoni hija sfida għall-UE ... u l-Maltin l-aktar li jaqblu ma' użu akbar ta' vetturi li ma jniġġsux juri sondaġġ tal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Il-Maltin, flimkien mal-Griegi u ċ-Ċiprijotti huma l-aktar popli fl- UE li jħossu illi l-immigrazzjoni hija sfida globali għall-Unjoni Ewropea. Tant huwa hekk li 43% tal-Maltin jaħsbu hekk, it biss inqas mill-Griegi (44%) u ċ-Ċiprijotti (42%). Dan huwa ħafna iktar mill- medja fil-pajjiżi tal-UE fejn huma 30% li jħossu illi l-immigrazzjoni hija sfida ewropea. Minkejja dan il-persentaġġ għoli, dak ta' Malta jimmarka 11% tnaqqis fost dawk li jaħsbu li hija sfida, meta mqabbel mas-sena ta' qabel. Kuntrarjament għal dan, fost iċ-Ċiprijotti dan l-inwkiet żdied b'4%. Dawn iċ-ċifri jirriżultaw minn sondaġġ xjentifiku li sar bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea u li jistaqsi lill-parteċipanti dwar il- futur tal-Unjoni Ewropea. Intant it-tibdil fil-klima u kwistjonijiet relatati mal-ambjent huma l-akbar sfida għall-Unjoni Ewropea skont 47% tal-Maltin u l-Għawdxin li huwa viċin ħafna l-medja Ewropea ta' 49% . Dan filwaqt li 29% tal-poplu Malti jħoss li l-akbar sfida tal-UE hija s-saħħa. Mhux daqstant sorpriża fil-fatt li l-ambjent - priorità assoluta ta' bosta żgħażagħ Maltin skont sondaġġ ieħor ta' Ernst and Young - u anke l-bidla fil-klima jiġu fil- quċċata tal-lista. L-għarfien dwar din il- problema kompliet tikber hekk kif is-sena 2021 kienet immarkata minn sajf sħun immens u nixfa, filwaqt li l-Ħarifa u x-Xitwa kienu mmarkati sa issa b'maltempati kbar, għargħar u anke kesħa kbira. Minn naħa l-oħra l-fatt li s-saħħa tiġi fit-tieni post, mhix sorpriża hekk kif l-Ewropa, bħall-bqija tad-dinja, kienet maqbuda f 'nofs pandemija. Dwar il-bidla fil-klima, 93% tal-Maltin jemmnu li azzjoni issa tagħmel aktar ġid għall-ekoloġija tal-Ewropa għall-futur. Fil-fatt huma b'kollox 62% li jaqblu totalment ma' dan u 31% li jaqblu. Fir-Rumanija din tinżel għal 76%. Minn naħa l-oħra iżda meta jirrigwarda miżuri ta' bidla fil- klima fir-rigward tal-ekonomija, huma ħafna li jaħsbu illi miżuri li jnaqqsu mill-problema tal-bidla fil-klima, jħallu impatt negattiv fuq l-ekonomija. Fil-fatt huma 47% tal-Maltin li jaħsbu hekk u 49% li ma jaqblux. Il-medja ewropea tlaħħaq il-45% ta' dawk li jaħsbu li miżuri biex ikollna dinja inqas imniġġsa jimpattaw ħażin lill-ekonomija, bl-aktar nazzjonalità li jħossu hekk ikunu l-Ungeriżi (61%) u l-Islovakki (59%). L-inqas li jħossu illi huwa l-każ huma l-Ġermaniżi (33%) u l-Iżvediżi (30%). Minn naħa l-oħra l-Maltin u ċ-Ċiprijotti, b'96% kull wieħed iħossu li meta bħala UE insolvu l-problema tal-Bidla fil-Klima nkunu qed ngħinu lil saħħitna stess tkun aħjar. Il-Maltin ukoll huma l-aktar poplu fl-UE kollha li jaqbel ma' użu dejjem ikbar ta' vetturi bla emissjonijiet jew inkella b'emissjonijiet aktar baxxi. Fil-fatt kienu b'kollox 93% tal-Maltin li jaqblu, ħafna aktar mill-medja ewropea ta' 80% u ħafna iktar miċ- Ċeki (55%). B'90% il-Maltin huma fost l-aktar poplu ewropew ukoll li jaqbel illi l-Ewropa għandha tkun kontinent li jsir klimatikament newtrali. Hawnhekk l-aktar li jaqblu ma' dan huma ċ-Ċiprijotti b'92% u l-inqas huma l-Estonjani b'54%. 28% tal-poplu Malti jsemmu l-kriminalità organizzata bħala l-akbar sfida għall-futur, li huwa 10% aktar mill-medja ewropea filwaqt illi 30% jsemmu l-ekonomija, ġustizzja soċjali u x-xogħol. Maġġoranza kbira tal-Maltin jemmnu li l-isħubija ta' Malta fl-UE hija pożittiva Minkejja li għaddew 19-il sena minn meta Malta marret għal referendum li ddeċieda għandniex nidħlu fl-UE jew le, wara kampanja qalila u diviżiva, illum jidher li hemm qbil maġġoritarju qawwi ħafna li l-isħubija ta' Malta fl-UE hija xi ħaġa pożittiva. Fil-fatt kienu b'kollox 62% li wieġbu b'dan il-mod filwaqt illi kienu biss 8% li qalu illi din hija xi ħaġa negattiva. 29% tal-Maltin, iħossu li la hija xi ħaġa tajba pero' lanqas ħażina. L-aktar li jħossu illi b'mod ġenerali l-isħubija ta' Malta fl- UE kienet xi ħaġa tajba - forsi mingħajr wisq sorpriżi - huma ż-żgħażagħ (15 - 24 sena) b'73%, 1% aktar mill-medja ewropea. Din tinżel 65% għal dawk bejn il- 25 sena u l-54 sena u terġa' tinżel għal 54% fost dawk ta' 55 sena u aktar. Maġġoranza relattiva ta' Maltin (43%) jaqblu mal-UE fil-mod kif qed topera bħalissa, li huwa ħafna aktar mis-27% medja fl- UE. Intant 32% huma favur l-UE imma mhux kif qed taħdem fil- preżent (medja UE: 46%), filwaqt illi 18% qalu li huma xettiċi imma lesti jbiddlu l-opinjoni jekk l-UE verament turi rieda li tbiddel triqitha. Huma biss 6% tal-Maltin li qalu illi huma kontra l-idea tal-Unjoni Ewropea b'mod ġenerali.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 30 January 2022