Illum previous editions

ILLUM 6 February 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1448616

Contents of this Issue

Navigation

Page 9 of 27

10 aħbarijiet IL-ĦADD 6 TA' FRAR 2022 • illum 'Ikkastigati għax għandna utru!' L-ILLUM titkellem ma' Volt Malta u attivisti dwar it-taxxa diskriminatorja tat-tampun … MARIANNA CALLEJA Bl-elezzjoni wara il-bieb, issa tibda tistenna l-proposti u l-manifesti elettorali. Ħarsa ta' malajr lejn dak li ġie propost għalissa, it-taxxa tat-tampun mhi tissemma mkien għajr għal proposti tal-partit ġdid Volt Malta. Fil-fatt il-proposti tagħhom huma tlieta; li prodotti mestruwali jingħataw rifużjoni, li prodotti mestruwali jkunu b'xejn għal użu personali u li prodotti mestruwali jkunu parti mill-iskema Pharmacy of Your Choice (POYC). 'It-taxxa tat-tampun' huwa terminu popolari li jiġbor fih it- taxxa fuq tampuni, u prodotti oħra ta' iġjene femminili li għadhom jiġu mniżżla bħala prodotti ta' lussu anke jekk fil-veritȧ dawn huma ta' neċċesità. 'Dawn it-tlett proposti saru bl-għan li jonqos il-faqar relatat mal-mestruwazzjoni,' qal Volt fi stqarrija. Għalkemm dan kollu kien pjuttost interessanti, il- gazzetta ILLUM tkellmet iktar dwar it-taxxa tat-tampun mal- Viċi-President tal-partit, Alexia DeBono, biex tiċċarra numru ta' fatturi. 'Li jkollok utru m'għandhux jiġi bi prezz għalih' – Alexia DeBono L-iktar proposta li ġibdet l-attenzjoni tal-gazzetta kienet it-tielet waħda. Dik li titlob għall-integrazzjoni ta' prodotti mestruwali bħal pads sanitarji, tampuni u anke t-tazza mewstrali fl-iskema tal-POYC. Din l-iskema tiffaċilita aċċess aktar komdu għas-servizz farmaċewtiku b'xejn tal-Gvern, fejn persuna tkun libera li tagħżel illi tiġbor il-medikazzjoni tagħha mill-ispiżeriji tal-għażla tagħha. Fl-istess ħin il-partit qed jitlob ukoll li prodotti sanitarji ta' dan it-tip għandhom ikunu b'xejn ukoll permezz ta' dispensers minn istituzzjonijiet edukattivi, faċilitajiet tal-kura tas-saħħa bħala kliniċi u sptarijiet, il-ħabs, xelters għall-persuni mingħajr dar u anke toilets pubbliċi. Dan iwassal għal aċċessibilità aktar faċli. Għaldaqstant, din awtomatikament tqajjem mistoqsija oħra. Bħala mara, se jkolli mmur kull xahar għand l-ispiżjar, nikxef il-ħajja personali tiegħi, u nitlob biex jagħtuni l-prodotti li hemm bżonn minflok naqbad pakkett minn fuq l-ixkafa waqt ix-xirja tal-ġimgħa f 'supermarket? Il-kandidata żagħżugħa spjegat kif huma qed jaħsbu li biex taħdem din il-proposta, individwu jmur fl-ispiżerija tiegħu biex jikseb mill-inqas provvista ta' xahrejn. Sintendi din tiddependi fuq liema prodott tippreferi tuża l-persuna, eżempju fil-każ ta' tazza mestrwali allura ż-żjara għand l-ispiżjar tkun rari aktar. Barra minn hekk, hija kompliet tispjega kif b'kampanji edukattivi huma jixtiequ jiżguraw li għażliet oħra jkunu aċċessibbli. Bħala eżempju semmiet ħwejjeġ ta' taħt u pads sanitarji li jistgħu jerġgħu jintużaw iktar minn darba. Din tgħin l-ambjent għax jitnaqqas l-użu ta' prodotti li jintużaw ta' darba, u fl-aħħar mill-aħħar titnaqqas il-frekwenza li wieħed imur jiġborhom. Intant, sfortunament għad hawn nies li jsibu dan is-suġġett ta' tabù jew inkella tal-mistħija. X'se jiġri minn dawn in-nies li jistħu jmorru jistaqsu għal prodotti menstruwali? Se jkollhom imorru ġo sptar, skola jew toilet pubbliku biex jaċċessaw dawn il-prodotti? DeBono twieġeb li dan jorbot mal-objettiv tal-partit dwar is- saħħa sesswali u riproduttiva "fejn għandna l-għan li nkissru t-tabù waqt li nagħtu enfasi kbira fuq l-edukazzjoni kemm għaż- żgħażagħ permezz tas-sistema edukattiva kif ukoll għall-adulti permezz tal-midja u s-soċjetà ċivili." Fl-istess ġurnata li ħabbru l-proposti tagħhom il-partit kien qal li l-persuni li jagħmlu użu minn dawn il-prodotti għandhom jingħataw rifużjoni tal-ħlas tagħhom. Issa dawn jaf ittellgħu miljuni ta' ewros f 'telf għal Gvern. Minkejja dan, il-Viċi President ta' Volt tispjega li din l-ispiża diġà hi taxxa diskriminatorja fuq funzjoni tal-ġisem li tista' tikkawża inkonvenjent għal ħafna li saħansitra tisforzahom ma jipparteċipawx fis-soċjetà jekk ma jifilħux. Il-partit Volt huwa partit progressiv u liberali li ġie mwaqqaf f 'Malta f 'April tal- 2021. Bħala l-ewwel partit politiku favur l-għażla fil-pajjiż, huma qed jiġġieldu għal riforma komprensiva tad-drittijiet tas- saħħa sesswali u riproduttiva, fost għadd ta' kwistjonijiet soċjali oħra. Huwa fid-dawl ta' dan li l-partit ħareġ b'numru ta' proposti pjuttost kontroversjali u interessanti f 'pajjiżna inkluż din tat-taxxa tampun. Skont huma din it-taxxa qed twassal biss għal aktar faqar relatat mal-mestruwazzjoni, jew aħjar "sfida bla bżonn għall-ħajja tan-nies b'utru." 'Għalija meta politiku jgħidli "qed niddiskutu" mhux biżżejjed' – Lara Dimitrijevic Il-bżonn għal aktar djalogu fuq id-drittijiet tas-saħħa sesswali u riproduttivi (SRHR) f 'pajjiżna ilu jinħass. Għaldaqstant għal Lara Dimitrijevic, li politiku jgħid "qed tiġi diskussa mhux biżżejjed." Hija qalet mal-ILLUM kif wasal iż-żmien li mhux biss niddiskutu u noħolqu djalogu fuq dak kollu li jmiss mal-SRHR f 'pajjiżna, imma jkollna tragwardi ta' żmien fejn il-pajjiż jgħid "sa din id-data se nkun għamilt hekk u ilħaqt hekk." Hawn hija kienet qed tirreferi għat-taxxa tampun li fuqha staqsietha il-gazzetta ILLUM. "L-iċken ħaġa issa hi li nindirizzaw din l-imbierka taxxa," issostni Dimitrijevic. Id-direttur tal-Women's Rights Foundations tfakkar ukoll li anke l-Unjoni Ewropea ħasset il-bżonn li din tiġi indirazata flimkien ma' numru ta' kwistjonijiet kontroversjali oħra inkluż l-abort. Hawn Dimitrijevic kienet qed tirreferi għar-rapport Matic, tal- Parlament Ewropew, li kkunsidra t-taxxa tat-tampun bħala vjolenza fuq in-nisa. Fir-rapport kontroversjali għall- aħħar ta' Matic, l-MEPs bdew billi indikaw l-effetti negattivi tal- hekk imsejħa taxxa tat-tampun fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi. Hawn, numru ta' MPEs talbu lill- istati membri jagħmlu użu mill- flessibilità introdotta fid-Direttiva tal-VAT u japplikaw eżenzjonijiet jew rati ta' 0% tal-VAT għal dawn l-oġġetti bażiċi essenzjali. Huma talbu wkoll lill-pajjiżi tal-UE biex jindirizzaw il-faqar mestrwali billi jipprovdu prodotti tal-perjodu bla ħlas lil kull min għandu bżonn. Il-Women's Rights Foundation bdiet b'lobbying dwar SRHR f 'Malta mill-2016 fejn kienu ddominaw il-kampanji ta' għarfien dwar il-morning aer pill. L-ILLUM titkellem mal-partit Volt u l-Women's Rights Foundation dwar it-taxxa diskriminatorja tat-tampun Alexia DeBono

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 6 February 2022