Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1464181
27 films IL-ĦADD 10 TA' APRIL 2022 • illum Carmel Bonnici Barabba (2) L-istorja tal-film Barabbas tal-1961 hi din: Barabba (Anthony Quinn) jinħeles, skont id-drawwa magħżul mill-poplu bħala l-kriminal li jinħafer minflok il- Profeta ta' Nażaret, li issa jkomplu mexjin bih biex isallbuh. Rachel (Silvana Mangano), il-mara li Barabba jħobb, saret segwaċi ta' Ġesù u tinsisti li Hu se jqum mill-mewt. Tliet ijiem wara l-qabar ta' Kristu hu vojt. Barabba, anzjuż li jgiddeb dawn ix-xnigħat ta' qawmien mill-mewt, ifittex lid-dixxipli, imma l-kliem ta' Pietru (Harry Andrews) aktar iżidulu l-interċezzi fuqu. Rachel iħaġġruha għall- mewt talli bdiet tipprietka din ir-reliġjon il-ġdida u Barabba tinqatgħalu li jieħu l-mewt billi jaħdem fil-minjieri tal-kubrit fi Sqallija. Ħafna snin wara jkun marbut b'katina ma' Sahak (Vittorio Gassman), żagħżugħ Kristjan. Il-mina tisfronda u Barabba u Sahak, l-uniku tnejn li jsalvaw, isiru simboli ta' fortuna għall-Gvernatur Rufio (Norman Wooland). Hu jeħodhom Ruma fejn ikunu mħarrġa bħala gladjaturi. Meta Sahak, wara li jirbaħ ġlieda, jirrufta li joqtol lill-avversarju skont ir-reliġjon tiegħu, Barabba jwarrbu u jarah ikun maqtul mil-fanatiku Torvald (Jack Palance), qattiel bla ħniena. Torvald jiġġieled fl-arena ma' Barabba u dan, waqt li juri biża', b'makakkerija jirbaħ u joqtol lil dan ir-rebbieħ mhux megħlub tal-Kolossew ta' Ruma. L-Imperatur (Ivan Triessault) jagħtih il-libertà. Barabba jidfen lil Sahak fil-katakombi b'mod Kristjan u meta joħroġ minn hemm taħt isib li Ruma qed taqbad u qed jiġu akkużati l-Insara. Malajr jaqbad f 'idu torċa biex ikompli jagħti n-nar, jinqabad mis-suldati Rumani u tinqaghtalu li jieħu l-istess mewta tan-Nażżarenu. Minkejja li jkun għadu konfuż, jaċċetta d-destin aħħari tiegħu. Barabbas inħadem f 'Cinecitta' Studios, ftit barra minn Ruma, mill- produttur Taljan Dino De Laurentiis Cinematografica u maħruġ minn Columbia Pictures bil-ħin ta' sagħtejn u nofs neqsin sitt minuti. Atturi oħra li ħadmu f 'dan il-film epiku u kolossali huma Arthur Kennedy bħala Pilatu, Katy Jurado (Sara), Valentina Cortese, mara nobbli, Julia, li tħobb l-ispettaklu tal-arena u l-qtil u Ernest Borgnine bħala Lucius. Id-direttur hu Richard Fleischer li tana films kbar bħal 20,000 Leagues Under The Sea, The Vikings, Fantastic Voyage, Dr. Dolittle, The Boston Strangler u bosta oħrajn. Din kienet produzzjoni pjutost vjolenti, l-aktar fix-xeni tal-arena, tal-mara mħaġġra, tbatija kbira fil- minjieri tal-kubrit, fit-taħriġ brutali tal- gladjaturi, mwiet permezz ta' xi vleġġa jew xi ljun u anki fil-kruċifissjoni. Silvana Mangano f 'parti sostanzjali ta' Rachel, l-eks maħbuba ta' Barabba li ssir segwaċi ta' Ġesu' u wara tieħu mewta bi tfigħ ta' ġebel, kienet il-mara ta' Dino De Laurentiis. Ix-xena tal-kruċifissjoni ta' Ġesu' mdawwar b'żewġ ħallelin inħadmet veru waqt eklissi totali tax-xemx, avveniment li hawn Malta kellu wkoll kważi l-istess impatt ta' fuq Ruma. Din is-sekwenza bil-mużika ta' Mario Nascimbene fejn uża taħlita ta' strumenti flimkien u anki jindaqqu b'nofs veloċità kkreat atmosfera morbida u anki ta' twerwir f 'dak li jkun. Ix-xena ta' meta Ġesù kien imsallab bejn żewġ ħallelin, fil-films l-oħra kolossali kważi dejjem dehret lejn il- final, pero' Barabbas jiftaħ biha u b'hekk irreklamawh hekk: "It begins where the other big ones left off " – jibda fejn il- films kolossali l-oħra jispiċċaw. Barabbas jeċċella fil-mużika mhux konvenzjonali li fih, miktuba minn Mario Nascimbene. Dan il-kompożitur Taljan twieled f 'Milan fl-1913 u miet fis-sena 2002. Fl-1941 kkompona l-ewwel mużika tiegħu għall-film Taljan L-Amore Canta. Wara l-gwerra kien imfittex ħafna mill-industrija tal-films Taljana. Malajr ġie għall-attenzjoni tal-produtturi Amerikani u Brittaniċi fejn kiteb siltiet memorabbli f 'xogħlijiet bħal The Barefoot Contessa, A Farewell To Arms u Alexander The Great. Wara, kkompona dik għal The Vikings li saret l-aktar waħda popolari tiegħu. Kompożitur kbir li wara kkopja mingħandu hu Ennio Morricone, li rranġa l-verżoni "bolero" tat-tema prinċipali ta' Barabbas. Waqt li Barabbas hu l-kapulavur tiegħu, Nascimbene wera direzzjoni lejn din l-arti b'mużika sabiħa fi Francis Of Assisi, Sons And Lovers, One Million Years B.C. u Dr. Faustus. Tmiem