Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1464181
10 aħbarijiet IL-ĦADD 10 TA' APRIL 2022 • illum 'Kulħadd irid jgħix ħajtu imma ta' dan Il-każijiet tal-Covid-19 splodew… Allura kif se nneħħu l-miżuri issa? Għandna nimxu wara l-passi ta' pajjiżi oħra li filfatt qed ineħħu ħafna mill-miżuri? L-ILLUM titkellem mal-MUMN, l-MUT u l-MHRA ANTHEA CACHIA Bħal dan iż-żmien sentejn il-ħajja tista' tgħid li kienet kompletament differenti. Kulħadd kien beżgħan li se jieħu l-Covid-19 u b'riżultat ta' dan rajna ħafna li xtraw toilet paper, li jaf għadhom jużawhom sal- lum, oħrajn li ġarrew l-uffiċċju ġewwa darhom u wħud li tiflu xogħolhom. Tliet tilqimiet wara… fl-aħħar id-dinja qed terġa' tara sens ta' normalità, sa' din il-ġimgħa stess l-Awtoritajiet tas-Saħħa ħabbru li mhux se nibqgħu naraw l-aħħar aġġornamenti tal-Covid-19 u fuq kollox bdew jitnaqqsu l-aħħar miżuri li għad fadal. Pajjiżna ma kienx l-uniku wieħed li beda' l-proċess lejn in- normalità. Iżda din il-gazzetta tistaqsi; jekk issa se nnaqsu l-miżuri, se jerġgħu isiru l-festi u l-marċi u l-każi splodew wara kampanja elettorali, verament se nimxu lejn in-normalità jew se nispiċċaw immorru lura għal sentejn ilu, b'xi lockdown parzjali? Kien għalhekk li din il-gazzetta tkellmet ma' tliet rappreżentanti tas-settur edukattiv, dak turistiku u dak tas-saħħa dwar x'inhi l-fehma tagħhom dwar dan kollu. 'Illum fis-swali għandek ħallata ballata, fejn isibu sodod vojta jitfawhom fihom' Il-President tal-Unjin tal- Qbiela u l-Infermiera (MUMN) Paul Pace saħaq li apparti sptarijiet oħra madwar Malta, l-Isptar Mater Dei għandu pressjoni kbira bin-numru ta' każi li qed jilqa' fih bħalissa. "Peress li issa neħħejna l-miżuri kollha u qed ngħixu biha, meta jidħlu l-isptar qed insibu mijiet ta' pazjenti pożittivi. Dawn iħallu implikazzjonijiet kbar għall-Isptar; għax ma tistax tagħmilhom ma' pazjenti oħra, aħna bħala infermiera rridu nilbsu ilbies protettiv u nsibu kmamar għalihom" qal Pace. Huwa kompla jgħid li minkejja li qabel fl-isptar diġà kien hemm problema ta' sodod issa fis- swali hemm, "ħallata ballata, għax fejn isibu s-sodod jitfgħu. Allura teżisti pressjoni kbira fuq l-infermiera." Pace stqarr li din il-pressjoni qed toħloq inkonvenjent fuq l-infermiera li fejn qabel kienu jlaħqu ma ċertu ammont ta' pazjenti, issa jridu jlaħqu mad- doppju. Xi ħaġa oħra li qed tinkwetah fuq din is-sitwazzjoni hija li qed ikun hemm ir-riskju li l-Covid-19 jinfirex bejn pazjenti li ma daħlux fl-isptar pożittivi, "u hekk qed jiġri." "Meta tagħmel xi ħaġa taħt pressjoni trid tgħaġġel u tlaħħaq ma' kulħadd, iżda żbalji jsiru. Kulħadd uman. Minn issa 'l quddiem, kollox se jinfetaħ u n-nies se jinġabru. Issa żgur mhux se mmorru lura għal xi lockdown. Iżda l-impatt ta' dan kollu se jinħass fl-isptar," kompla jgħid il-President tal-MUMN. Stqarr li huwa minnu li dak li jkun irid ikompli jgħix ħajtu iżda jemmen li se jkun hemm impatt qawwi fuq l-isptarijiet u fuq ir-riżorsi umani. "Ta' dan se jkollna nħallsu prezz u dan se jħallsu l-isptar u n-nies tiegħu." Apparti n-nuqqas ta' infermiera huwa jgħid li hemm oħrajn li huma pożittivi huma stess u għandhom bżonn li jagħmlu kwarantina u għaldaqstant ma jmorrux għax- xogħol. "Ħabbar ukoll it-tneħħija tal- maskri fl-iskejjel, jekk joħroġ tifel ta' xi infermiera pożittiv min se jieħu ħsiebu? Mhux il-ġenituri? Taf kemm nitilfu infermiera hekk aħna?" temm jgħid Pace. 'Kull darba li ddaħlet miżura, dejjem ħalliet riżultati pożittivi' Minn naħa l-oħra l-ILLUM tkellmet mal-President tal- Unjin tal-Għalliema (MUT) Marco Bonnici li stqarr mal- gazzetta illi bħala unjin għamlu talba mal-Ministeru biex issir laqgħa biex jiġi ddeterminat l-impatt tar-rilaxx tal-miżuri fuq l-iskejjel u l-istudenti. Dan wara li kmieni din il- ġimgħa l-Ministru tas-Saħħa u d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ħabbar li propju wara l-vaganzi tal-Għid, tfal fl-iskejjel mhux se jibqgħu obbligati jilbsu l-maskri iżda huma mħeġġa jagħmlu dan xorta waħda biex jipproteġu lilhom infushom. Dan apparti numru ta' miżuri oħra li se jiġu rilaxxati fil ġimgħat li ġejjin. Għal dan huwa saħaq li, "kull darba li ddaħlet miżura, dejjem ħalliet riżultati pożittivi u rnexxielna nikkontrollaw il- pandemija." Jgħid iżda li x'se jiġri bir-rilaxx tal-miżuri fl-iskejjel, kif ukoll fil-kommunità, hija xi ħaġa li ħadd ma għandu indikazzjoni tagħha. Madankollu jgħid li x-xewqa tagħhom hija li l-Awtoritajiet tas-Saħħa, "jgħidulna eżatt x'qed jistennew kif jitneħħew dawn ir-restrizzjonijiet. Dan għaliex aħna nemmnu li jekk ir-restrizzjonijiet se jitneħħew kullimkien, mela l-effetti li se jkun hemm fl-iskejjel huma l-istess effetti li se jkun hemm fil-komunità." 'Is-sitwazzjoni hija taħt kontroll' "Aħna nemmnu li issa wasal iż-żmien li jitneħħew ir- restrizzjonijiet għax nemmnu li s-sitwazzjoni, anke kif qal il- Ministru Chris Fearne, hija taħt kontroll." Hekk qal Andrew Agius Muscat Kap Eżekuttiv tal- Assoċċjazzjoni Maltija għal- Lukandi u Ristoranti (MHRA) mal-ILLUM. Għal darb'oħra huwa kkwota lill-Ministru Fearne li mhemmx pressjoni żejda fl-Isptar Mater Dei u li nies ma jifilħux minn dejjem kien hemm u fil-futur se jibqa' jkun hemm. "L-importanti hu li ma jkunx hemm piżijiet bħal ma kien hemm fl-eqqel tal-pandemija," kompla jgħid Agius Muscat. Huwa fakkar li l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa (WHO), tindika li l-Covid-19 m'għadhiex qed taffetwa bl-istess mod bħal qabel. "Illum kważi qed jitqies bħala virus endemiku u wieħed irid jaġġorna skont kif tkun is- sitwazzjoni. Issa l-Gvern beda l-proċess biex ineħħi l-miżuri u aħna qed ngħidulu tajjeb, imma x'se tagħmel aktar?" qal Agius Muscat. Huwa wieġeb il-mistoqsija tiegħu stess billi sostna li l-Gvern għandu jneħħi l-miżuri kollha f 'daqqa u fiż-żmien li ġej. "Għax fl-aħħar minn l-aħħar jekk se ssiefer u hemm pajjiż li għandu inqas kumplikazzjonijiet minn ieħor biex tidħol, l-inqas ikkumplikat se jagħżlu t-turisti," temm jgħid il-Kap Eżekuttiv tal- MHRA. Paul Pace Marco Bonnici Andrew Agius Muscat