Illum previous editions

ILLUM 29 May 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1469132

Contents of this Issue

Navigation

Page 13 of 27

14 illum • IL-ĦADD 29 TA' MEJJU 2022 festi Enċiklopedija tal-Festa Maltija: Il-gazzetta ILLUM tibda b'sensiela ta' artikli li fihom Yendrick Cioffi se jkun qed jispjega kliem li huwa assoċjat mal-festi Maltin u Għawdxin, mill-armar tal-knisja u l-funzjonijiet sal-armar ta' barra u n-nar It-tużell It-tużell huwa dak il-baldakkin (speċi ta' kamp) li jiddendel fuq l-artal maġġur. Hawn knejjes li jarmawh is-sena kollha u jbiddluh għal wieħed aktar elaborat fil-ġranet tal-festa iżda oħrajn jarmawh biss għall-jiem tal-festa. Li hu żgur huwa li jagħti dehra differenti lill-knejjes u x'aktarx li malli tirfes l-għatba tal- bieb maġġur ta' kull knisja, għajnejk se tmur mill-ewwel fuqu. It-tużell ikun tal-injam indurat u jissaqqaf b'loppa jew kuruna, anke jekk fil-każ tal-Furjana, fuq nett issib tliet anġli jżommu mitra, wieħed mill-insinji ewlenin tal-Isqof. Il- pendendi, jiġifieri dak id-drapp li jiddendel minnu, ikollhom kulur differenti skont il-festa li tkun qed tiġi ċċelebrata. Pereżempju jekk il-festa tkun ta' xi martri, id-drapp se jkun aħmar u jekk tkun qed tiġi ċċelebrata festa Marjana dan se jkun abjad. Hemm knejjes li t-tużell tagħhom magħruf forsi aktar minn ta' oħrajn minħabba x-xogħol elaborat li jkun fihom. Diġà semmejna tal-Furjana, iżda miegħu nistgħu nsemmu dak taż-Żejtun u taż-Żurrieq (Santa Katarina), tal- Bażilika ta' San Pawl tar-Rabat u tal-Parroċċa tat-Tritina tal-Marsa. Oħrajn huma popolari minħabba xi karatteristika partikolari. Dak ta' Ħal Tarxien huwa popolari minħabba d-drapp ċilesti u dak tal-knisja tal-Karmelitani tal-Imdina huwa uniku fl-għamla tiegħu għax flok rettangolari, huwa ovali. L-artal huwa l-punt prinċipali tal-quddiesa. Huwa fuq l-artal li tiġi ċċelebrata l-akbar talba tal-Knisja, u x'aktarx li fuq l-artal maġġur stess, fit-tabernaklu, tinżamm l-għeżeż ħaġa għall-Insara, jiġifieri l-Ewkaristija. Jekk tiem dan kollu, malajr tiem x'inhu s-sinifikat simboliku tat-tużell. Bħalma r-rejiet kienu jimxu taħt il-baldakkin, anke biex ikunu protetti mill-elementi, daqshekk ieħor huwa t-tużell. It- tużell joħloq sens ta' venerazzjoni u fuq kollox qed jipproteġi l-aktar punt importanti ta' kull knisja. Il-Kanipew Simili għat-tużell huwa l-kanipew. Il-kanipew hija dik 'it-tinda' żgħira tad- drapp li tgħatti t-tabernaklu, kemm jekk dan jinsab fuq l-artal maġġur u anke jekk jinsab f 'xi kappella oħra fi knisja. Bħat-tużell, il-kulur tal-kanipew ukoll jinbidel skont il-kulur liturġiku. Matul is-sena jkun sempliċi, iżda fil-festa x'aktarx li jinbidel għal wieħed aktar elaborat b'disinji bir-rakmu tad-deheb. Is-sinifikat tiegħu huwa simili għal dak tat-tużell. Il-kanipew joħloq sens ta' venerazzjoni għax jgħatti t-tabernaklu fejn tinżamm l-Ewkaristija. Huwa jirrappreżenta wkoll il-preżenza ta' Alla. Jekk inqalbu fit-Testment l-Antik, b'mod partikolari fil-ktieb tal-Eżodu, naraw b'liema għożża kienet tinżamm l-Arka tal-Patt li fiha, fost affarijiet oħra, kienu jinżammu l-Għaxar Kmandamenti. Naqraw kif l-Arka kienet tinżamm b'għożża u titgħatta b'tinda. Anke fit-Tempju, kienet tinżamm fil-Qaddis tal- Qaddisin li kien ikun mifrud mill-bqija tat- tempju b'purtiera. Fi kliem sempliċi, dan il-Qaddis tal-Qaddisin illum huwa t-tabernaklu u t-tinda li kienet tgħatti l-Arka tal-Patt huwa dan l-istess kanopew. Hawn knejjes li flok kanipew jagħmlu sempliċiment purtiera rrakmata u oħrajn li saħansitra jgħattu t-tabernaklu b'ieħor tal- fidda, bħalma nsibu fis- Santwarju Bażilika tal- Madonna tal-Karmnu tal-Belt, fil-Kolleġġjata Bażilika ta' San Pawl tar- Rabat, fil-Kolleġġjata Bażilika ta' San Pietru u San Pawl tan-Nadur u fil- Kolleġġjata Bażilika ta' Birkirkara. L-ostensorju, etimoloġikament, jirreferi għal oġġett li jintuża biex permezz tiegħu tkun tista' tiġi esposta xi ħaġa għad-devozzjoni. L-ostensorji fil-fatt jintużaw biex fihom ikunu jistgħu jiġu esposti r-relikwi tal-qaddisin li tagħhom tkun qed tiġi ċċelebrata l-festa. Fi żmien, l-ostensorji kellhom post aktar ċentrali fil-festi. Anke jekk ir- relikwa tal-qaddis jew il-qaddisa partikolari għadha sal-lum tinħareġ fil-purċissjoni, illum il-vari ħadu post aktar ċentrali. Fl-imgħoddi, qabel bdew isiru l-vari u qabel ma nfirxet din it-tradizzjoni, il-purċissjoni kienet issir sempliċiment bl- ostensorju, jew aħjar bir-relikwa tal-qaddis/a. X'aktarx li l-ostensjorju jkun l-aħħar ħaġa li tintrama fil-knisja fil-ġranet tal-festa, hekk kif ir- relikwa tinġarr fit-tranżlazzjoni li ssir Lejliet il-Festa, fejn ir- relikwa titmexxa minn xi artal laterali jew xi kappella oħra fil- lokalità u titpoġġa fuq l-artal maġġur. Dan il-mument jimmarka l-bidu tas-Solennità, jiġifieri l-bidu liturġiku tal-festa. F'xi lokalitajiet, ġimgħa wara l-festa, jew inkella fl-ottava (kif inhi magħrufa) hemm it- tradizzjoni li ssir ir-repożizzjoni tar-relikwa, meta din 'titneħħa' minn fuq l-artal maġġur u għalhekk tkun immarkata t-tmiem tal-festa. Hemm lokalitajiet li dan l-oġġett jirreferu għalih sempliċiment bħala relikwarju u jużaw ostensorju biex jirreferu għal dak l-apparat liturġiku li fih titpoġġa l-Ekwaristija għall- Adorazzjoni, biex tinġarr f 'xi purċissjoni jew biex tingħata l-Barka Sagramentali. F'postijiet oħra, dan l-oġġett li fih titpoġġa l-Ewkaristija għall- adorazzjoni, tissejjaħ sfera. L-ostensjorju It-tużell mill-isbaħ li jintrama fil-knisja parrokjali taż-Żejtun fil-ġranet tal-festa ta' Santa Katarina, Verġni u Martri Il-kanipew mill-isbaħ li jintrama fil-parroċċa ta' San Publju fil-Furjana fil-ġranet tal-festa L-Ostensorju mill-isbaħ tal-Kolleġġjata tal-Birgu li jinkludi relikwi ta' San Lawrenz Levita u Martri

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 29 May 2022