MaltaToday previous editions

ILLUM 3 July 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1472275

Contents of this Issue

Navigation

Page 23 of 23

IL-ĦADD 03 TA' LULJU 2022 • illum aħbarijiet Inqas xita u aktar sħana: L-aktar li se jbatu huma l-anzjani, il-bdiewa u dawk li xogħolhom fuq barra ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Il-bidla fil-klima qed twassal għal bidliet kbar fl-istil ta' kif ngħixu u anke kif naħdmu u klima aktar sħuna, b'persistenza ta' aktar mewġiet ta' sħana, se tfisser aktar tbatija għal anzjani - speċjalment dawk li jgħixu fil-komunità - li jkun ifisser aktar pressjoni fuq is-sistema tal-kura primarja. Dan apparti li klima aktar sħuna se timpatta lill-ħaddiema tal- kostruzzjoni u dawk kollha li jaħdmu sigħat twal fuq barra. Hekk sostna ma' din il-gazzetta Charles Galdies - eks Kap Tal- Uffiċċju Metereoloġiku u Professur fl-Università ta' Malta - li kien wieħed mill-awturi ta' studju dwar il-Klima f 'Malta ppubblikat mill- Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO). Galdies kompla jgħid illi hekk kif ix-xejriet kollha qed juru klima aktar sħuna u aktar xotta f 'Malta, f 'każ ta' persuni li jagħmlu xogħol fuq barra, dawn se jibdew ikunu ħafna aktar esposti għas-sħana, "li jfisser illi aktar kemm jgħaddi ż-żmien, aktar l-impjegaturi se jkollhom jibdew jagħmlu tajjeb, jew permezz ta' tagħmir għal aktar saħħa u sigurtà, jew permezz ta' salarji ogħla biex jilqgħu għal dan ir-riskju fuq il-post tax-xogħol, li ġej mill-klima." Huwa kompla jgħid ma' din il-gazzetta illi l-impatt klimatiku jfisser li min jaħdem fuq barra għal sigħat twal irid ikollu lbies apposta, jiġu diskussi l-ħinijiet tax-xogħol li jirriflettu din ir-realtà filwaqt li anke t-trejd unjins iridu jaraw kif se jitrattaw din l-isfida. 'L-awtoritajiet jeħtieġ jaraw x'se jkunu l-effetti u jaħsbu fuq miżuri biex insiru aktar reżilejnti' "L-awtoritajiet jeħtieġ jistaqsu ta' kuljum x'se jkunu l-effetti ta' aktar klima estrema u ta' iktar sħana u inqas xita, fit-tul. U jridu jibdew jaħsbu fuq x'miżuri neċessarji jeħtieġ jieħdu biex bħala pajjiż insiru aktar reżilejnti. Il-klima qed tinbidel u aħna rridu ninbiddlu magħha." Galdies qal illi l-Unjoni Ewropea stess qed tagħmel ħafna emfasi fuq l-importanza li l-fondi ewropej jintużaw għal aktar reżiljenza u fit- tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ħadra. Huwa stieden lill-gazzetta biex titkellem u tiem aħjar ir-realtà tal-bdiewa biex wieħed jirrealizza kemm huwa diżastruż l-effett ta' mewġa wara oħra ta' sħana u nixfiet itwal. "Aħna hawn Malta nipproduċu ħafna għalf għal bhejjem u tip ta' ħaxix, bħal patata, kif ukoll ngħasru ż-żebbuġ u għandna l-industrija tal-vitikultura. Jekk inħarsu lejn il-patata naraw illi l-esportazzjoni kienet diżastru f 'termini ta' numri," jgħid Galdies. Huwa jisħaq li l-bdiewa qed jiffaċċjaw "problemi kbar" li mhumiex marbutin ma' fondi, għax ifakkar li huwa inutli li l-Gvern jagħti l-fondi jekk il- problema tal-klima qed twassal għal problemi u sfidi biex jitkabbru ċerti prodotti. Huwa qal li tant hawn problema ta' ilma li f 'ċerti każi bdiewa qed jinvestu f 'reverse osmosis privata, li hija għolja fil-prezz u li taħli ħafna dawl. Huwa għalhekk staqsa kemm huwa vijabbli u sostenibbli li jitkabbar ċerta tip ta' prodott. 'Qed inħarsu lejn realtà illi fiha jkun hemm aktar estremitajiet tal-klima' Galdies sostna illi x-xejriet huma ċari, lilhinn mill-varjabilità tat- temp, illi t-temperatura qed tiżdied filwaqt li x-xita qegħda tonqos. Huwa kien qed jirreaġixxi għall-mistoqsija tal-gazzetta ILLUM dwar jekk stqarrijiet dwar 'deżertifikazzjoni' humiex qrib ir- realtà jew inkella humiex eseġerati. "L-informazzjoni ilha ċara u qed tindika li t-temperatura qed tiżdied u b'mod sinjifikattiv, anke wara li elimnajna l-varjabilità naturali tat-temp." Charles Galdies fakkar li globalment qed jingħad li ma nistgħux naqbżu l-1.5 grad celcius fiż-żieda, ċifra li diġà ntlaħqet lokalment hekk kif ir-rapport tal- Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qed juri illi pajjiżna ra żieda ta' 1.5 grad celcius sa mill-1952, jew żieda ta' 0.2 grad celcius kull 10 snin. "B'1.5 grad celsius aktar qed inħarsu lejn realtà illi fiha jkun hemm aktar estremitajiet tal- klima, globalment. M'inix ngħid li hekk se jiġri hawn Malta, pero' din iż-żieda hija sinjifikattiva ħafna, kemm bħala numru u anke bħala impatt," sostna mal-ILLUM Galdies. Huwa iddeskriva wkoll bħala "ta' allarm" iż-żieda globali fit- temperatura li qed jingħad illi ma għandniex nissuperaw. Qal ukoll illi huwa importanti li nevalwaw x'inhu l-impatt ta' iktar sħana, inqas xita u iktar pressjoni għolja - li finalment tfisser iktar xemx tiżreġ u inqas sħab fl-ajru. 'Hemm bżonn bidla, imma din se tieħu ż-żmien' Ikun hemm min jisħaq li t-tnaqqis fil-produzzjoni agrikola lokali mhux daqstant ta' problema, għax illum wieħed "jista'jixtri ta' barra." Kemm jinkwetah dan ir- raġunament? Huwa qal li in-nies illum qed jindunaw bl-effetti ta' nuqqas ta' fornitura tal-ikel minn għejjun lokali, hekk kif l-ikel minn barra qed jogħla. "Mela sena wara oħra qed naraw il-biedja tiżżarma, filwaqt li l-prezzijiet qed jogħlew minħabba żieda fil-uwils u kunflitti. Għalhekk hawn nirrealizzaw kemm huwa importanti li nkunu self sufficient," saħaq Galdies mal- ILLUM. Huwa fakkar ukoll li bidla fix-xhur li matulhom tagħmel l-aktar xita - kif fil-fatt sab l-istess rapport tal-NSO - huwa detrimentali għal ċerti ħxejjex staġjonali li allura jikbru fix- Xitwa mhux fil-Ħarifa. Huwa temm jisħaq li dan kollu mhux faċli, għax biex ikun hemm bidla u titjib jeħtieġ "innaqqsu" mill-istil ta' ħajja. Bħala eżempju Galdies jgħid li waħda mis- soluzzjonijiet hija inqas konsum ta' laħam, xi ħaġa li jammetti illi hija diffiċli f 'kultura fejn il-konsum tal- laħam huwa wieħed għoli. "Imma din il-bidla tieħu żmien u sfortunatament żmien ma tantx għad għandna," jikkonkludi l-Professur Charles Galdies. Rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juri illi t-temperaturi f'Malta telgħin u x-xita qed tonqos. Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-Profs. Charles Galdies, wieħed mill-awturi tar-rapport... Il-Professur Charles Galdies

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MaltaToday previous editions - ILLUM 3 July 2022