MaltaToday previous editions

ILLUM 3 July 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1472275

Contents of this Issue

Navigation

Page 3 of 23

04 aħbarijiet IL-ĦADD 3 TA' LULJU 2022 • illum Bil-kitla mitfija u l-ftajjar taħt il-bank... 'l-isnack bars fl-irħula mhux inkampaw' MARIANNA CALLEJA Dan l-aħħar tkellmu sidien ta' restoranti fil-ġurnali, saħansitra anke ma' din il-gazzetta, illi qalu li x-xogħol issa qed jibda' jaqbad bil-mod. Għaldaqstant, Victor Aquilina, sid ta' snack bar ġewwa San Ġwann qal mal- gazzetta ILLUM li din mhix ir- realtà ta' kulħadd. Huwa qal li sid ta' restorant f 'post turistiku ovvja li se jgħid li x-xogħol qed jibda' jiżdied jekk iktar ma jmur qed jiżdiedu t-turisti fil-pajjiż. Huwa spjega li snack bar fil-qalba tar-raħal, li minnhom hawn mijiet jekk mhux eluf, jiddependi fuq il- pensjonanti u l-ħaddiema li jmorru biex jixtru bukkun. Qal mal-ILLUM li ma jħossx li hu ġust meta l-Awtoritajiet jitkellmu b'mod ġenerali fuq is-sitwazzjoni tal-ħwienet tal-ikel fil-pajjiż, għax iktar iva milli le ma jkunux qed jinkludu lill-isnack bars fl-irħula u l-ibliet. Dan l-istess kliem qaluh sidien oħra ma' din il-gazzetta li jiddependu biss fuq il-pensjonanti tar-raħal u l-ħaddiema tal- viċinanzi, inkluż snack bars f 'żoni industrijali. 'Aħna issa bdejna nbatu mhux fi żmien il-Covid' Iktar kemm ma jmur, l-għoli tal-ħajja qed ikompli jiżdied u issa qed jibda' jinħass. Ħwienet bħal ta' Victor Aquilina jintlaqtu mill- ewwel għax mingħajr flus fil-but, il-ħaddiema u l-pensjonanti, li tant jiddependi fuqhom, jibdew jaraw it- tazza te' ta' filgħodu kważi kapriċċ. Fil-fatt Aquilina argumenta li fi żmien il-pandemija wkoll ma kienx qed ibati daqs kemm qed ibati issa. Sostna li fi żmien il-Covid-19 il-ħanut, minkejja li jkellu jżomm ma' numru ta' restrizzjonijiet, bħal dik li ma tistax tbigħ alkoħol jew inkella li l-klijenti ma jistgħux ipoġġu bilqegħda ġewwa, xorta baqa' għaddej. "Bit-take aways bqajna għaddejin, għax il-problema dak iż-żmien ma kinitx il-flus. Flus f 'idejhom in-nies kellhom. Iktar innotajt biża' f 'każ ta' persuni li ddejqu joħorġu fil-folol," kompla jsostni mal-ILLUM. Fakkar kif dak iż-żmien kien jirċievi ċekk mingħand il-Gvern u bih kien jikkumpensa dak it-telf ta' affarijiet li ma setgħax ibigħ, inkluż xi birra kiesħa li numru ta' ħaddiema u pensjonanti jixtru għal mal-ħobż. Iżda it-telf xorta ma kienx daqstant kbir. Għall-kuntrarju ta' dan, jgħid li fil-preżent, in-nies lanqas jekk jixtiequ jixtru, xi drabi lanqas ikollhom biex u għalhekk skont Aquilina l-għajnuna mingħand il-Gvern, ċertu ħwienet, issa għandhom bżonnha. 'Qabel kienu jieħdu toast u te' fil-5:30.a.m, issa jeħdulek te' u jibqgħu bih sad-9:00.a.m' Meta jkollok xogħol f 'ħanut bħal dak ta' Aquilina, bla ma trid issir taf lill-persuni li jixtru mingħandek iktar fil-qrib. Hawn in-negozjant bi tbissima ħelwa qal li hu jismagħhom jitkellmu bejnithom, u mhux darba jew tnejn semagħhom jitkellmu fuq kemm saret diffiċli biex ikampaw finanzjarjament. Qal mal-ILLUM li ġieli jismagħhom jgħidu kif xirja li kienet tiswihom €55 issa qed tiswihom €90, u f 'qalbu jibda' jgħid, "ovvja mhux se jonfqu ħafna għandi għax dik il- €45 żejda fil-but marret spejjeż." Fil- bidu, il-it tibdiliet fil-prezzijiet li kienu qed isseħħu ma laqtuhx, iżda biż-żmien beda' jinqaras iktar. Mistoqsi jekk tilifx klijenti, huwa wieġeb li mhux klijenti tilef iżda bejgħ. L-istess nies ħafna drabi baqgħu jmorru għax problema bl-isnack bar m'għandhomx iżda ma setax ma jinnotax li fejn qabel kienu jieħdu toast u te', issa jieħdu tazza te biss. Jekk kienu jmorru f 'nofsinhar jixtru platt għaġin u luminata issa jieħdu toast u ilma. "Kienu jiġu mejda irġiel, wieħed jgħidlek għamilli panina, ieħor jgħidlek għamilli ira, illum jiġu fil-5:30.a.m jgħidulek għamili te' u ġieli jibqgħu bih sad-9:00.a.m u mhux se nkeċċihom għax meta setgħu jonfqu, għandi nefqu." Tenna li ma jippretendix li għandu jkeċċihom u mhux se jagħmel dan għax jaf li mhux it-tort tal-klijenti li ma jistgħux jonfqu. Anzi, skont hu, mhux l-ewwel darba li induna li ma għandhomx biex iħallsu u jagħmilhom pjaċir. 'Kaxxa mozzarella f '20 ġurnata għoliet bi €11.50!' In-nuqqas ta' dħul minħabba l-flus nieqsa mill-bwiet tal- klijenti mhix l-unika ħaġa li qed tkisser lin-negozjanti bħal Victor Aquilina. Mal-ILLUM huwa qasam numru ta' kontijiet fiskali tal-aħħar tliet xhur. Ammetta illi l-aġenti mhux dejjem jgħidulu bil- prodotti li għolew iżda l-kontijiet dejjem jaqrahom b'reqqa. "Ara din ta' tliet xhur," beda' jispjega Aquilina filwaqt li jippunta lejn kont maħruġ f 'Marzu. F'dan ix-xahar partikolari huwa xtara kaxxa mozzarella, li b'ħames pakketti ta' żewġ kilos-il wieħed, ġew jiswewh €57. L-istess kaxxa f 'Mejju bdiet tiswih €6.50 iżjed imma sa 20 ġurnata wara reġgħet għoliet bid-doppju. Dan ifisser li dik il-kaxxa ta' €57 issa bdiet tiswieh €75, €18 ogħla minn Marzu. Aquilina qal lill-ILLUM li pakkett ta' żewġ kilos joħroġ minnu ħames pizzez. Allura jekk wieħed jikkalkula, Aquilina jrid jgħoli l-pizzez b'72 ċenteżmu-il waħda, u dan meta nikkunsidraw biss il-ġobon. "Iż-żejt konna nixtru landa anke b'90 ċenteżmu, issa ġie €3.40 litru żejt. Konna nixtru ħass, tadam u basal, kien jiġi €7, illum il-kont jaqbeż is-€16," qal b'dispjaċir in- negozjant. Mistoqsi jekk għolliex il- prezzijiet jew ikkunsidrahiex, fil- pront wieġeb li ma jistax. "Xafra taqta' miż-żewġ naħat, jekk ngħolli l-prezzijiet nitlef in- nies. Bqajt insofri l-ispejjeż jiena, għax ma nistax naqbad u ngħolli prezzijiet, imma issa ma nistax nibqa' mmur id-dar wara 10 sigħat fuq sieqi b'€400 fil-ġimgħa!" Kien għalhekk li minflok jgħolli, Aquilina beda' jneħħi l-affarijiet minn fuq il-menu. Semma l-laħam taż-żiemel u r-rib eye, li għalkemm kienu platti popolari mal-klijenti, issa bdew jarawhom wisq għolja. "Vera li jien nixtri l-istess rib eye li jixtri kwalunkwe ristorant rinomat ieħor, imma f 'ristorant persuna li toħroġ għall-ikel tistenna li se tinfoq €30 fuq biċċa laħam u kważi tgħid "ilallu ħriġt bl-irħis," u jekk l-istess laħam nbiegħu bl-istess prezz minn hawn lil ħaddiem li ħareġ fuq break, nistħajlu se jgħajjarni ħalliel," temm jgħid mal-ILLUM Victor Aquilina.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MaltaToday previous editions - ILLUM 3 July 2022