Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1475577
12 festi IL-ĦADD 07 TA' AWWISSU 2022 • illum Tard wisq Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb L-aħħar offerta tal-Horizons taf tkun l-aktar avveniment editorjali kurjuż tas-sena. L-istalla dejjem tikber ta' din id-dar tal-kotba terġa' toħroġ wieħed miż-żwiemel l-aktar magħrufa, Paul P. Borg, b'rumanz li għandu limiti evidenti fil-ħila u l-valur letterarju kumplessiv, imma li mqiegħed f 'kuntest differenti jaf jippreżenta interess għall-friegħi anċillari tal-kritika, bħal dik tal-istoriku letterarju jew tas-soċjoloġu tal-letteratura. Belgħa Te – Kif Bniedem Ikun Kelb ma' Bniedem Ieħor huwa ġa isem partikolari fl-inkongruenza tiegħu, li bejn jispjega l-għan ta' ġrajja li donnha tissuġġerixxi l-ħrafa morali, kif ukoll it-titlu ewlieni li fil-prożajċità tiegħu jintroduċi l-fus narrattiv prinċipali tal- ġrajja. In-nuqqasijiet tal-kitba, fosthom ir-ripetizzjonijiet u l-investiment limitat fl-istrateġija narrattiva — anki f 'livell bażiku fejn l-alternanza mill-ewwel għat-tielet persuna bejn it-taqsimiet tinħass mhux ġustifikata jew inkella mhux maħduma kif xieraq — imma anki l-analiżi limitata li ma tafx x'art se taqbad, narahom jafu jmorru lil hinn mill-awtur partikolari, imma huma wlied ġenerazzjoni. Għax dan il-ktieb, li xorta waħda għandu l-potenzjal li jkun qarja popolari ta' livell ogħla mis-soltu, anki minħabba l-argument u l-impenn preċiż tal-kittieb, tista' tgħid li ħareġ almenu erbgħin sena tard. Borg huwa wieħed miż-'żgħażagħ' tal-kittieba ta' tmiem is-sittinijiet u tal- Moviment Qawmien Letterarju, magħruf għall-opra importanti dal-lejl ġie alla, u anki bir-rakkonti tiegħu studjati minn ġenerazzjoni riċenti. Huwa tant ieħor magħruf għal impenn soċjo-letterarju partikolari għall-aħħar, li ddiskutejna hawn ukoll, u dar-rumanz huwa tista' tgħid il-kontinwazzjoni fizjonalizzata ta' maqful fil-ħabs ta' ġbini, il-bijografija 'sentimentali' ta' sieħbu l-poeta Carmel Attard. Konna semmejna l-importanza ta' dan ix-xogħol l-aktar fil-każ tal- kundanna ta' soċjetà kattiva fil-konfront tal-omosesswalità u l-kundizzjonijiet mentali, u r-rumanz tista' tgħid jerġa' jinviżta l-ġrajja ta' Attard b'mod li jidher li huwa riproduzzjoni eżatta ta' dak irrakkontat fil-bijografija. Storja li hija espressa anki bl-istess għadab tal-bijografu, f 'sens ta' ġrajja mgħejxa trawmatika għall-akbar ħabib tal-poeta, u li donnha saret ossessjoni li hemm bżonn tiġi ssublimata sal-aħħar biex b'xi mod tissolva jew tiġi ridimensjonata għalkollox. Id-difett tal-kitba jaf qiegħed hawn: id-distanza limitata bejn l-awtur u s-suġġett tinfexx f 'naturaliżmu għalih innifsu li, minkejja li ma jdejjaqx mix- xrufija tal-insult omosesswali u pedofilu, jew inkella l-wirja tal-'bwiel u l-bqija' (bħal ma kien sejħilhom Ellul Mercer huwa u jiddeskrivi Sqaq id-Dlam) li jipproduċi l-bniedem anki bħala xbiha tal-qżież profond tiegħu bħala essri ħaj, xorta waħda ma jagħtix aktar u ma jmurx lil hinn minn realiżmu li jaf drajnieh u anki ssuperajnieh. Il-passjoni tal-awtur hija wkoll waħda essenzjalment akritika, moħħha biss biex terġa' tokrob dak li karbet qabel (u x'aktarx mingħajr it- tagħlima, anki editorjali, li setgħet ħadet mix-xogħol preċedenti), u hawn tbati l-espożizzjoni tal-problema, li donnha tibqa' ddur u ddur fuqha nnifisha għaliex nieqsa mill-għodda biex tiġi analizzata. Tant hu hekk li, kieku dan il-ktieb inkiteb meta kellu jinkiteb, b'għadab puntwali li seta' jissarraf fi stqarrija politika dwar l-ipokrisija strutturali tas- sistema Maltija, kien ikollna, jekk mhux kapolavur jew opra klassika, mument letterarju xieraq li seta' anki jiġġustifika l-mit tal-impenn u r-ribelljoni li bena tiegħu nnifsu l-Moviment. Anki jekk suġġett mill-aktar affaxxinanti, kif naraw mill-bijografija stess, fejn toħroġ l-istorja mhux magħrufa tal-persekuzzjoni tal-omosesswali u l-atroċitajiet tal- manikomju f 'Malta tal-bieraħ, Borg qiegħed daqsxejn tard, speċjalment f 'dawn l-aħħar snin ta' rebħiet ta' drittijiet ċivili u diskussjonijiet wisq aktar kumplessi dwar is-saħħa mentali. Fl-istess ħin, il-kitba ta' dan ir-rumanz tidher sorprendentement nieqsa minn ċertu teknika bażilari, speċjalment għal awtur ta' esperjenza bħal Borg (kważi kważi, anki nuqqas akut ta' qari), imma anki minn għodod politiċi misnuna biżżejjed biex jistgħu jinkwadraw problema tant interessanti fi ħdan il- kuntest artistiku li qed tiġi ppreżentata fih. Is-saħħa mentali, għalhekk, tibqa' l-babaw spjegat biss bil-korsiv tal- ismijiet it-twal tal-kundizzjonijiet u l-abbundanza ta' primli bla isem, filwaqt li l-omosesswalità ma tinqalax mill-ħarsa eżotika, voyeuristika u kważi patetika, Claudia Gauci