Illum previous editions

ILLUM 7 August 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1475577

Contents of this Issue

Navigation

Page 5 of 23

06 analiżi IL-ĦADD 07 TA' AWWISSU 2022 • illum In-nuqqas ta' ħeġġa, ir-riformi Il-prijoritajiet urġenti ta' Grech-Perici Issa t-tim tat-tmexxija tal-PN huwa komplut u se jiċċentra ma' Bernard Grech u Alex Perici Calascione. Qamar il-Għasel żgur mhux se jkollhom hekk kif il-bżonnijiet huma urġenti, l-aktar il-bżonn li tnaqqas mill-apatija fost l-għeruq... ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Ġimgħa ilu Alex Perici Calscione kien elett Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, fi żmien li - ngħiduha kif inhi - mhux eżattament l-aktar faċli għal dan il- partit, ħames xhur wara elezzjoni ġenerali li ratu jitlef bil-kbir. Perici Calascione se jkun għalhekk in-numru 2 u l-idejn tax-xellug u tal-lemin ta' Grech għax-xhur li ġejjin, li se jwasslu għal żewġ elezzjonijiet: Tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew, it- tnejn fl-2024. X'għandhom ikunu l-prioritajiet ta' Perici Calascione? 1 - Jibda joħloq ftit ħeġġa fil-partit u fost il-partitarji... għax hemm wisq apatija! F'analiżijiet passati, kemm qabel l-elezzjoni u anke wara, konna għamilna aċċenn partikolari fuq l-importanza li l-PN iqajjem ftit ħeġġa fost il-partitarji, għax dan huwa element importanti għal ħafna raġunijiet: Biex il-PN jiġbor il-fondi, biex ikun organizzat, biex isib il-voluntiera tant meħtieġa għall- organizzazzjoni ta' kampanja elettorali u tant aktar. Issa wieħed jifhem li l-elementi huma kollha kontra l-PN bħalissa. L-ewwelnett hemm il-fattur taż-żmien li qegħdin fih: Ħames xhur wara elezzjoni li rat lill-PN jitlef bi kważi 40,000 vot, poplu li ma tantx qed jinteressa ruħu fil-politika, sħana tas-sajf u staġun li huwa mimli attivitajiet soċjali, kunċerti, festi u aktar - wara sentejn ta' pandemija, li jfisser illi l-aptit ta' ingaġġ għall-politika jinsab fl- aktar livell baxx li qatt kien fl-aħħar snin. Minkejja dan il-livell ta' diżillużjoni fil-PN issa laħaq livelli prekarji ħafna, wara illi dan il-partit ilu prattikament jitlef kull elezzjoni (lokali, nazzjonali u tal-Parlament Ewropew) mill-2009. U allura sal-2024 ikun ilu 15-il sena ma jirbaħ elezzjoni. Minkejja dan ukoll, l-avvenimenti ta' wara l-aħħar elezzjoni ġenerali ma għenu xejn biex il-PN jibda jiċċaqlaq ftit u jemmen li għandu ċans jaqbad it-triq tas-suċċess. Ma kien hemm ebda kontestazzjoni għal Kap u allura l-kampanja ta' Grech biex jirbaħ il-fiduċja tal-Kunsilliera mill- ġdid kienet immarkata minn nuqqas ta' ħeġġa u messaġġ minn Grech stess dwar il-gravità tas-sitwazzjoni finanzjarja tal- istess partit, li mhux eżattament l-aktar suġġett li jqajjem ħafna entużjażmu u jagħti tama. L-elezzjoni għal Viċi Kap, mill-ġdid, ma kinitx ikkontestata għajr minn persuna waħda, u mill-ġdid dan kien kontra dak mistenni għaliex l-għajta u l-ħsieb kien li għal din il-kariga jikkontesta xi ħadd aktar ġdid u (preferibbilment) ikun hemm mara. Perici Calascione la huwa ġdid u naturalment lanqas mara u lanqas huwa wisq differenti fl-immaġġini u sfond minn Bernard Grech - hekk kif huwa avukat. Dan wassal biex - għajr għaċ-ċirku ristrett tal-Kunsilliera - din l-elezzjoni ma qajmet ebda entużjażmu, lanqas fil-Kmamar tal-Aħbarijiet. Biex tkompli tgħaxxaq dawn il-ħames xhur kienu kontinwazzjoni ta' fejn ħalla l-PN fl-aħħar snin, b'Deputati u persuni qrib il-PN fil-miftuħ jikkritikaw lit- tmexxija tal-PN (jew inkella lil xulxin). L-aħħar li fetaħ il-kanuni kien Robert Arrigo li saħansitra għajjar lil Bernard Grech "giddieb" u qablu kien hemm Jason Azzopardi li ma ħadha xejn tajjeb li Grech donnu implika li huwa skadut. Azzopardi kien kritiku ħafna tal-PN għax allega li qiegħed wisq kwiet u maqbud f 'morsa ta' apatija. Il-PN ra wkoll numru ta' riżenji, fosthom ta' Chris Peregin, Ray Bezzina, Alessia Psaila Zammit u żewġha Frank Psaila. Dan ifisser li se jkun diffiċli immens - jekk mhux kważi impossibbli - li fil- mument it-tim Grech-Perici Calscione b'xi mod jirnexxielu jegħleb dawn il-forzi kollha kontrih, biex iqajjem entużjażmu fl-għeruq - li ħafna minnhom jemmnu li l-PN mhux se jkollu ċans għal suċċess fil- futur qarib. Imma dan xorta jista' jipprova jagħmlu anke billi kemm jista' jkun dan it-tim jippreżenta lilu nnifsu quddiem l-attivisti u anke l-poplu in ġenerali billi juża d-diversi festi u attivitajiet soċjali li qed isiru bħalissa sabiex b'hekk jippreżentaw lilhom infushom bħala tim affabbli, li jaf imur man-nies u qrib in-nies u jkisser il- perċezzjoni ta' riġidità li bosta għandhom

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 7 August 2022