Illum previous editions

ILLUM 21 August 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1476750

Contents of this Issue

Navigation

Page 11 of 23

12 illum • IL-ĦADD 21 TA' AWWISSU 2022 analiżi Il-Palazz li qed tinħietlu libsa Huwa wieħed mill-akbar xogħlijiet ta' restawr li qatt sar f'pajjiżna - dak tal- Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta. Daniela Attard Bezzina minn Heritage Malta tagħti lill-qarrejja tal-ILLUM ħarsa qasira lejn dan il-proġett li se jiswa' €28 miljun... Immaġina ftit. Gran Mastru jżanżan palazz f 'belt ġdida bħala d-dar u l-uffiċċju tiegħu; il-post fejn jaħdem u jistrieħ, u jieħu d-deċiżjonijiet li minnhom tissokta tissawwar il- ġrajja ta' ġensna. U issa kompli stħajjel ... il-paġġi għaddejjin b'ħidmiethom, il-qaddejja jbaħbħu l-art taċ-ċangatura, irwejjaħ ta' ikel bnin itektek fil-kċina, iż-żahar tal-larinġ ifewwaħ fil-ġnejna, għasafar ta' kull lewn jgħannu l-bidu ta' jum ġdid fl-Uccelliera. Fi kliem ieħor, il-bidu ta' vjaġġ li ra t-twelid ta' dan iċ-ċentru tal-poter u lin-nazzjon Malti jifforma u jitrabba, jissielet u jissaħħaħ, jitgħallem u jiġġedded. Vjaġġ li s'issa terraq għal 450 sena li matulhom il-Gran Mastri nbidlu fi Gvernaturi u mbagħad fi Presidenti. Vjaġġ li jibqa' sejjer sakemm tibqa' tħabbat il-qalb ta' dal-poplu. Għal diversi xhur issa, il-bieb kbir tal-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta qed jinżamm magħluq għall-viżitaturi. Minnu qed jidħlu minflok ħaddiema mogħnija b'kull tip ta' sengħa, u l-ħsejjes fis-swali nbidlu mill- għagħa ta' turisti jitħaddtu b'kull lingwa għat-tektik u ż-żarżir ta' għodod differenti u d-diskors eċċitat tal-konservaturi u l-kuraturi mal-kxif ta' saffi qodma ta' żebgħa fuq il-ħitan. Hekk twieled u kiber l-aktar proġett ambizzjuż li qatt daħlet għalih s'issa Heritage Malta, megħjuna minn fondi tal-Unjoni Ewropea – il-proġett tar-restawr tal-Palazz tal-Gran Mastru, li meta jitlesta se jagħti lill- viżitatur esperjenza tal-palazz differenti għalkollox minn dik ta' dari. Issa se tkun tista' tgawdi 85% tal-Palazz... Qabel ma ngħalaq għar- restawr, il-Palazz tal-Gran Mastru kien l-aktar sit ta' Heritage Malta li jżuruh nies, b'madwar 200,000 viżitatur kull sena. Il-viżitaturi setgħu jidħlu fl-Armerija fis-sular ta' isfel u f 'ħames swali fil-Piano Nobile. B'kuntrast ma' dan, meta l-palazz jerġa' jinfetaħ, il- viżitatur se jkollu aċċess għal aktar minn 85% tal-binja, li jammontaw għal 25 kamra jew spazju differenti, grazzi għall- proġett li għaddej bħalissa. L-ewwel fażi tal-proġett mistennija titlesta fix-xhur li ġejjin. Fi tmiem din il-fażi, l-Armerija se tkun ittieħdet lura fejn kienet oriġinarjament sa mill-1605, jiġifieri fis-sala fejn sa it snin ilu kien jiltaqa' l-Parlament; se jkunu ġew restawrati l-kurituri tal-Piano Nobile, inklużi l-pitturi tas- suffetti li ħallielna b'wirt l-artist Niccolò Nasoni kif ukoll l-art tal- irħam interzjat; se jkunu ntemmu x-xogħlijiet fl-Uccelliera, fejn qabel kien hemm l-Uffiċċju tal- Ispeaker; u se jkun tlesta ċentru tal-viżitaturi fl-inħawi magħrufa bħala Casa del Monte (li kien l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali) u l-post fejn dari kien hemm ġnejna tal-larinġ. Sadanittant għaddej ukoll xogħol ta' restawr fis-swali statali u l-Uffiċċju tal-President, kif ukoll fil-btieħi tal-palazz. Fl- aħħar nett se jiġi riabilitat ukoll is-sular ta' taħt l-art. Fit-totalità tiegħu, il-proġett tar-restawr tal-Palazz tal-Gran Mastru hu stmat li se jiswa madwar €28 miljun. L-ewwel fażi tal-proġett qed tiġi kofinanzjata mill-Unjoni Ewropea bħala parti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għas- somma ta' €10 miljun, filwaqt li l-fażi suċċessiva, li se tiswa

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 21 August 2022