Illum previous editions

illum 28 august 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1477423

Contents of this Issue

Navigation

Page 10 of 23

11 intervista illum • IL-ĦADD 28 TA' AWWISSU 2022 l-importanza tal-Belt għandu jagħti aktar ma tagħmel xejn' l-Kunsill Lokali ma jieħu xejn. Min fejn se nħallsuhom il-bankini? Jien nitkellem dak li hu u niġġieled mal-Gvern fejn hemm bżonn niġġieled mhux imbilli jgħidu għax jiena Laburist," kompla jisħaq is-Sindku. 'Hemm stabbilimenti li d-dekorazzjoni tagħhom ma tixraqx lill-Belt' Iżda dwar l-istabbilimenti u l-bars ma waqafnix biss mal-mużika. Is-Sindku Belti qal li hemm stabbilimenti li għandhom ċertu dekorazzjonijiet fuq barra, bħal tined u affarijiet oħra li ma jixirqux lill-Belt Valletta. Insista mal-ILLUM li mhux l-ewwel darba li ġibed l-attenzjoni iżda insista li waħdu ma jista' jagħmel xejn u għandu jkun hemm linji gwida, anke mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, biex ikun stabbilit dak li hu aċċettabbli u le għall-Belt Valletta. Saħaq li hu jemmen li anke fejn jidħlu l-imwejjed u s-siġġijiet fil-Belt Valletta għandu jkun hemm uniformità, bil- Gvern jgħin biex l-istabbilmenti jinvestu f 'għamara li tixraq lit-toroq tal-Belt Valletta. 'Jiena ħdimt biex il-parkeġġi tal-ministeri filgħaxija jipparkjaw fihom ir-residenti' Tkellimna dwar il-parkeġġ fil-Belt Valletta. Din min dejjem kienet problema anke għax il-Belt hija limitata fejn jidħlu toroq imma dan l-aħħar it-tgergir żdied b'residenti jisħqu li l-parkeġġi riservati għall-Ministri u l-impjegati tagħhom qed ifaqqsu l-ħin kollu. Dwar dan, is-Sindku insista li fil- liġi hemm miktub ċar li kull ministeru jista' jkollu ħames parkeġġi u it jista' jagħmel il-Kunsill Lokali biex ibiddel dan. Madanakollu, Zammit insista li mhux l-ewwel darba li ġibed l-attenzjoni ta' xi ministeri li ma jkollhomx għalfejn jieħdu ħames parkeġġi. Apparti minn hekk qal li l-Kunsill Lokali jitkellem kontinwament mal-ministeri bil- għan li l-parkeġġi riservati isiru f 'postijiet fejn l-inqas jolqtu lir-residenti. "Aħna rranġajna u din it jafuha, biex il-parkeġġi s-sofor tal-ministeri, filgħaxija jkunu jistgħu jipparkjaw fihom ir-residenti. Din aħna għamilniha," insista Zammit. 'Irrid inbiddel kif jgħaddi t-traffiku fil-Belt; Nistgħu nżidu ħafna parkeġġi' Kien hawn li Zammit insista li l-pjan tiegħu huwa li qabel jispiċċa minn Sindku, ibiddel il-mod kif jgħaddi t-traffiku fil-Belt Valletta, anke għax il-pjan li għandu hu jista' jżid ħafna parkeġġi. Fost oħrajn, il-pjan tas-Sindku huwa li fit-triq li ddawwar il-Belt, id-direzzjoni tat-traffiku jkun lejn naħa waħda biss, biex il-parkeġġi jkunu jistgħu jiġu organizzati mill-ġdid, bit-tir li jiżdiedu xejn inqas minn 1,000 parkeġġ. "Imma bħal dejjem, inkaxkru, inkaxkru u inkaxkru," kompla jisħaq Zammit. Sadanittant, qal is-Sindku, il-Kunsill Lokali qed iżid 'bi kbir' il-parkeġġi l-ħodor (jiġifieri dawk riservati għar-residenti biss). Fakkar li kien dan l-istess Kunsill Lokali li neħħa l-parkeġġi li kienu riservati għad-Deputati Parlamentari, fi Triq ir-Repubblika, 'l isfel mill-Palazz tal- Gran Mastru. Zammit insista li anke jekk il-Parlament ilu li mexa lejn Bieb il-Belt, dawn il-parkeġġi kienu baqgħu sofor u jintużaw minn ħaddiema ta' Deputati Parlamentari u saħansitra l-qraba tagħhom. "Aħna konna li neħħejna dawn il- parkeġġi u għamilnihom ħodor. 'Kieku nista' l-Belt kollha nagħmilha pedonali' Minkejja dan, Zammit saħaq li t-tgergir jibqa', anke għax il-Belt hija limitata. Tant hu hekk, li s-Sindku jixtieq li xi darba jara l-Belt kollha żona pedonali. "Niem li diffiċli imma nixtieq hekk anke għas-saħħa tagħna għax it-tniġġis huwa kbir." Qal li jiddispjaċih ħafna għar-residenti ta' Triq San Mark, triq dejqa ħafna li spiċċat kważi kważi triq arterjali fil-Belt. "Jiena rrid li din issir pedonali, biex anke t-turisti li jaslu bil-lanċa minn Tas-Sliema jgħaddu minnha bla tfixkil." 'Nemmen li l-parkeġġi l-blu għandhom jispiċċaw għax qed ikun hemm l-abbużi ' Iżda din mhijiex l-uniku xewqa tas- Sindku. Zammit jemmen li l-parkeġġi l-blu, jiġifieri dawk riservati għar- residenti bejn is-7pm u s-7am, għandhom jispiċċaw u jsiru jew kollha għar-residenti jew inkella jinqasmu għar-residenti u dawk li jżuru l-Belt, b'vantaġġ għar- residenti. "Mhux vera li huma riservati għar- residenti bejn is-7pm u s-7am. Ejja fi tmiem il-ġimgħa u ara. Hemm min jipparkja filgħodu u jħalli l-karozzi hemm għax jaf li l-uffiċjali tal-LESA ma jeżistux fil- Belt," kompla Zammit. "Meta jiġu, għax indejquhom aħna." Madanakollu saħaq li ma jagħmilx sens l-argument ta' wħud li l-parkeġġi fil-Belt għandhom ikunu għar-residenti biss. Fi kliemu, jekk isir hekk, il-Kunsill ikun qed jispara f 'saqajh stess. "Ma nistgħux ninsew li fil-Belt hemm ukoll attività kummerċjali u hemm l-investimenti. Dan irridu nieħdu ħsiebu wkoll." 'Hemm proġett li ilu fuq l-ixkaffa ... Ħdejn Hastings jista' jsir parkeġġ taħt l-art' Iżda hemm soluzzjonijiet oħra għall- parkeġġ, bis-Sindku jsemmi proġett, li issa ilu it fuq l-ixkaffa, li jinkludi ż-żona madwar il-ġnien ta' Hastings. Zammit qal li dan il-proġett beda jinħema fi żmien is-Sindku Alexiei Dingli imma hu jemmen li huwa tajjeb u jixtieq itejbu u jmexxih 'il quddiem. Is-Sindku spjega li l-proġett ma jinkludix biss it-tkabbir tal-ġnien u taż-żona pedonali li twassal għalih, imma anke parkeġġ taħt l-art. "Dan huwa l-uniku post fejn nistgħu nagħmlu parkeġġ taħt l-art fil-Belt. Hemm il-pjanti u d-disinji. Nemmen li sular minnhom għandu jkun bla ħlas għar- residenti Beltin," kompla s-Sindku. 'Nappella lill-Gvern; Irranġaw fejn jgħixu r-residenti għax hemm blokok nieżla biċċiet' Mas-Sindku tal-Kapitali tkellimna dwar l-aħħar ċensiment li wera, għal darb'oħra, kif il-popolazzjoni tal-Belt Valletta reġgħet naqqset. Mhux talli hekk, talli l-Maltin qed jitilqu mill-Belt u jidħlu l-barranin. Il-prezzijiet tal-proprjetà fil-Belt huma dawk li huma u diffiċli għal kopja żagħżugħ biex jixtru post il-Belt. Dan ma jinkwetahx lis-Sindku? Zammit irrikonoxxa li din hija realtà li tinkwetah ħafna anke jekk hu fenomenu li ilu s-snin. "Fil-ehim mal-UNESCO, għax il- Belt hija protetta mill-UNESCO u din ġieli ninsewha, hemm ċar u tond li rridu nipproteġu l-komunità Beltija mhux biss lill-monumenti, lill-knejjes u lis-swar," qal is-Sindku. "Jekk jispiċċaw ir-residenti, il- Belt issir biss mużew." Madanakollu, is-Sindku ma jemminx li l-Belt se tasal f 'dik l-estremità, anke jekk saħaq li l-Gvern għandu jieħu ħsieb lil dawk il-it residenti li għadhom jgħixu l-Belt, biex almenu dawn ma jitilqux. "Nappella lill-Gvern, lill-Ministru tal- Akkomodazzjoni, biex b'mod urġenti jirrestawra l-blokok tar-residenti tad-Due Balli li qed jaqgħu biċċiet. Hemm hemm ir- residenti. Fejn fadlilna r-residenti almenu ejja ngħinuhom jibqgħu jgħixu hawn. L-istess il-Kamrata." 'Iva! Erġajt ħiereġ għall-Kunsill. Jekk ma nitlax, inbaxxi rasi' Fadlilhom sentejn, imma malajr insibu l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali wara l-bieb. Kien għalhekk li l-ILLUM staqsiet lil Zammit jekk hux se jerġa' jikkontesta. "Iva se nerġa' nikkontesta," wieġeb minnufih. "Jekk ma nitlax, inbaxxi rasi u nwarrab għax hekk titlob id-demokrazija. Imma se nikkontesta bil-motto: Kburin li Beltin."

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 28 august 2022