Illum previous editions

illum 28 august 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1477423

Contents of this Issue

Navigation

Page 4 of 23

05 illum • IL-ĦADD 28 TA' AWWISSU 2022 aħbarijiet L-Arċidjoċesi ma tweġibx lill-ILLUM dwar l-awditjar li ordna l-Arċisqof fuq il-parroċċa ta' Marsaxlokk YENDRICK CIOFFI L-Arċidjoċesi ta' Malta ma weġbitx mistoqsijiet mibgħuta mill-gazzetta ILLUM dwar l-awditjar li l-Arċisqof Charles Scicluna ordna dwar il-finanzi tal-parroċċa Xlukkajra wara li l-kappillan tagħha, Dun Luke Seguna, ġie mressaq il- Qorti akkużat b'ħasil ta' flus u miżaproprijazzjoni ta' kważi nofs miljun ewro. Fl-aħħar jiem ġie rrapportat kif wara li beda dan il-każ, l-Arċisqof talab li ssir din l-investigazzjoni, madanakollu, dettalji uffiċjali dwarha baqgħu ma ngħatawx. Kien għalhekk li l-gazzetta ILLUM bagħtet tistaqsi lill-Kurja f 'idejn min ġie fdat dan l-awditjar, jekk kienx stabbilit żmien sa meta dan irid ikun lest u fuq kollox, jekk ir-rapport jew almenu l-konklużjonijiet tiegħu, hux se jkunu ppubblikati. Madanakollu, anke jekk l-ILLUM ma staqsiet xejn speċifiku dwar il-każ innifsu, l-Arċidjoċesi wieġbet li ma jkunx "prudenti" li tikkummenta f 'dan l-istadju minħabba l-proċeduri tal-Qorti. Iżda din mhux l-ewwel darba li sar awditjar tal-parroċċa ta' Marsaxlokk. Filwaqt, waqt il- kumpilazzjoni tal-evidenza kontra l-Kappillan, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi, Michael Pace Ross qal li kull sena, il-Kurja tordna awdituri interni u esterni biex jikkoraboraw l-informazzjoni fil-banek. Dan l-eżerċizzju jsir għall-parroċċa kollha. Mistoqsi jekk qattx irriżultaw nuqqasijiet, fil-kontront ta' Dun Luke Seguna, Pace Ross wieġeb "le." Fi kliemu, dejjem ikun hemm xi punti f 'kull rapport u jkun hemm suġġerimenti għat-titjib. Qal biss li ġieli ġew mibgħuta xi imejls lil Dun Luke jew lis-Segretarju tiegħu fuq xi pagamenti u nuqqas ta' rċevuti. Meta l-Avukat ta' Seguna insista li qatt ma nstabu nuqqasijiet serji fil- konfront tal-Kappillan, Pace Ross ma merihx. Intant, fl-aħħar seduta, l-Arċidjoċesi talbet li tkun parti minn dan il-każ, anke għax qed ikun allegat li hi sofriet danni mill- azzjonijiet ta' Seguna. Il-Maġistrat laqgħet din it-talba. X'inhu l-każ kontra Dun Luke u x'ġara fl-aħħar smigħ? Dun Luke Seguna qed ikun akkużat bil-miżaproprijazzjoni ta' madwar nofs miljun ewro li ngħataw bħala donazzjonijiet minn 150 persuna fuq perjodu ta' 10 snin. Fil-Qorti rriżulta kif eluf ta' ewro kienu ddepożitati f 'diversi kontijiet bankarji li għandu s-saċerdot. Fil- fatt, b'kollox, Dun Luke għandu għaxar kontijiet bankarji u sar magħruf li għandu wkoll kollezzjoni ta' muturi, fost oħrajn. Madanakollu, Seguna qed jiċħad l-akkużi kollha miġjuba kontrih anke li l-flus li ddepożita fil-kont bankarju tiegħu, suppost kienu tal- Knisja. Hu qed jisħaq li l-pagamenti saru lilu personali. Din il-ġimgħa, il-Prosekuzzjoni bdiet ittella' jixhdu lil dawk il- persuni msemmija, jiġifieri dawk li tul l-aħħar snin taw donazzjonijiet lil Dun Luke. Ħmistax-il persuna dehru fl-aħħar seduta u kollha kemm huma faħħru mhux biss il-kariżma ta' Dun Luke imma anke l-karità li hu kien jagħmel fil-komunità u l-ġid li wettaq fil- parroċċa. Anzjan partikolari saħansitra qal li jafda lil Dun Luke Seguna u mhux lill-Kurja u ieħor jisħaq li jafdah "200%." Oħrajn qalu wkoll li minkejja li taw id-donazzjoni, qatt ma qalu lil Dun Luke x'jagħmel bil-flus jew inkella staqsew għalxiex jintużaw jew stennew irċevuta. Oħrajn saħansitra qalu li l-flus tawhom lilu personali anke permezz ta' Revolut għax xogħol li kien iwettaq. Il-Kunsillier Laburista ta' Marsaxlokk, Daniel Zerafa, li huwa ateu, ukoll ta donazzjoni lil Dun Luke. "Jiena tajtu l-flus għax kien hu. Kieku kont naf li mqar sold wieħed kien se jmur għall-knisja, kieku ma kont nagħtih xejn," insista l-Kunsillier li faħħar ħafna l-ġid li għamel Seguna. Il-każ kontra Dun Luke Seguna jkompli nhar l-Erbgħa fejn mistennija jkomplu jixhdu aktar parruċċani.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 28 august 2022