Illum previous editions

ILLUM 11 September 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1478807

Contents of this Issue

Navigation

Page 5 of 23

06 aħbarijiet IL-ĦADD 11 TA' SETTEMBRU 2022 • illum 'Mort it-tieġ tan-neputi b'żarbun imqatta'... imma l-aqwa li rajt lill-ibni pulit' L-ILLUM titkellem ma' omm li f'ħajjitha għaddiet minn ħafna u għadha sal-lum il-ġurnata titħabat biex twassal sal- aħħar tax-xahar u tara li uliedha ma jkunu nieqsa minn xejn. Din hija biss mara waħda li qed tiġġieled mal-faqar u li l-gazzetta ILLUM dejjem tkun fuq quddiem biex tagħti leħen Tkompli minn Paġna 1 Iva, dawn huma realtajiet li jeżistu f 'Malta wkoll anke jekk hemm min jaħseb li f 'Malta l-faqar ma jeżistix u jkun lest jitfa' t-tajn u jivvinta kull tip ta' storja jew skuża fuq dawn il- persuni li jsemmgħu leħinhom. Carmen (l-isem huwa fittizju) bdiet tispjega mal-gazzetta kif għandha tlett itfal. Il-kbar għandhom 19 u 16-il sena. "Kont miżżewġa u mill-ewwel raġel kelli żewġt itfal. Konna ngħixu ħajja normali. Konna noħorġu u lit-tfal konna nżommuhom fuq wiċċ l-idejn. Dejjem rajna kif se nikkuntentawhom. Imma ndunajt li r-raġel kien qed jaqlibhieli u sseparajna. It-tfal kienu għadhom Year 1 u Year 3," spjegat Carmen. Minn meta sseparat, għadda it taż-żmien u Carmen daħlet f 'relazzjoni oħra. Anke hawn kienet tgħix ħajja normali. Fi kliemha, kienet ċerta li s-sieħeb tagħha kien iħobbha u kienu ddeċidew li jkollhom tarbija. Iżda meta kienet għadha tqila, tinduna li anke dan ir-raġel kien qed jaqlibhiela u spiċċa telaq lejn pajjiżu meta nduna li magħha kien spiċċa kollox. "Iż-żgħir illum għandu 8 snin u trabba bla ma jaf min hu missieru," qaltilna mbikkma. Fi kliemha, kien hawn meta ħajjitha u l-ħajja tal- familja tagħha bdiet sejra lura. Carmen tgħix ma' ommha. "Kera ma naffordjax u ma nistax ma ngħixx ma' ommi għax għandha kundizzjoni u ma tistax tħalliha waħedha." 'Ma nistax naħdem ... għandi żewġ slipped disks' L-ILLUM staqsiet lil Carmen jekk taħdimx, imma fakkritna li hi wkoll tbati minn kundizzjoni u għandha żewġ slipped disks. Carmen tgħix biss b'€465 relief u €200 manteniment fix-xahar li jagħtiha l-ewwel raġel. "Il-kbar jekk kienu jridu jmorru xi mkien jew jagħmlu xi passatemp dejjem ikkuntentajthom. Almenu meta kienu żgħar kellhom ħajja u missier. Maż-żgħir ma nistax nagħmel kif kont nagħmel mal- oħrajn. Trabba mingħajr ma jaf xi tfisser ikollok missier. Jekk irid imur xi mkien jew jagħmel xi passatemp, ikolli nżomm lura. Qalbni tinqasam." 'Ħbieb lanqas għandi, ma noħroġx u kappriċċi ma nagħmilx ... li għandi għat-tfal' Ċert x'se jkunu l-kummenti ta' xi wħud fuq Facebook. Se jkun hemm min jgħid lil Carmen biex taqta' l-kapriċċi u l-flus ma tonfoqhomx fuq xagħra jew id-dwiefer. L-ILLUM poġġiet dawn l-argumenti, li malajr ikun hemm min jagħmel, quddiem din il-mara. L-ILLUM tistaqsiha jekk tistax taqta' xi kapriċċi. "Jiena la mmur f 'bar, la noħroġ niekol u lanqas noħroġ ingawdi. Lanqas għandi ħbieb. Il-it li gawdejt mal-ewwel raġel. Wara ma stajtx nagħmel aktar kapriċċi. Ilni żmien twil ma nagħmel xagħri, ħwejjeġ ma nixtrix u jekk tara d-dwiefer qishom ta' raġel," qaltilna mill-ġdid bid-dmugħ f 'għajnejha. "Naf x'se jkunu l-kummenti għax naqra kummenti hekk anke fi grupp fuq Facebook li fih jiktbu l-ommijiet biex jiħu qalbhom. Malajr issib lil min jakkużak mingħajr ma jkun jaf is-sitwazzjoni tiegħek." Qasmet magħna dak li għaddiet minnu it tax-xhur ilu. "Kelli tieġ tal-uniku neputi. Xtaqt immur. Preferejt nagħmel xagħar it-tifel u narah pulit milli nonfoq il-flus fuqi. Għalija la xtrajt libsa u lanqas għamilt xagħri. Lanqas żarbun ma kelli. Ilbist slipper imqatta'. Imma l-aqwa li rajt lill-ibni pulit u almenu lin-neputi tajtu xi ħaġa żgħira." 'Taħsibx li nixtri ikel ta' barra minn hawn. Il-bżonn biss' It-tfal il-kbar issa kibbru u għalhekk, l-ewwel raġel tagħha, diġà avżaha li mhux se jdum jagħtiha aktar manteniment, anke jekk Carmen tgħidlu kemm hu diffiċli għaliha, saħansitra biex tlaħħaq mal-ispejjeż tal-ikel. Kien hawn li l-ILLUM staqsiet lil Carmen jekk qatt sabitx ruħha daharha mal-ħajt, tant li lanqas wasslet sal-aħħar tax-xahar biex tkun tista' tixtri l-ikel. "Mhux sal-aħħar tax-xahar biss," qaltilna mill-ġdid hija u tibki b'qalbha maqsuma. "Taħsibx li nixtri xi ikel ta' barra minn hawn jew żejjed. Nixtri biss il-bżonn. Nerġa' ngħidlek, kapriċċi ma għandhiex. Ħbieb lanqas għandi. Li għandi għat-tfal u għall-ikel." Carmen qalet li fl-aħħar xhur, il- piż fuqha żdied u mhux naqas anke minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel li huwa l-aktar essenzjali u bżonnjuż. 'Ikel, skola u mediċina għad- dipressjoni ... l-ispejjeż żdiedu' Apparti minn hekk, Carmen spjegat kif żdiedu wkoll l-ispejjeż tal-iskola. "It-tifel jikber qiegħed. Il-Gvern jgħinek biex tixtri uniformi ġdida kull sentejn imma tant kemm jikber, li kull sena jkolli nixtrilu waħda ġdida. Mill-iskola lanqas qatt ma ħadt xejn. Jiena mhux xi waħda li nħobb nittallab. Ma nixtri xejn żejjed, nixtri għall-ikel u l-flus taċ- children allowance inżommhom għat-tfal." Fi kliemha, tant kemm issib daharha mal-ħajt li mhux l-ewwel darba li kellha ddur fuq ommha għall-għajnuna, anke jekk din tgħix biss bi it pensjoni. "Nistħi ngħid imma ġieli anke fuq il-kbar indur biex isellfuni xi ħaġa tal-flus għax issa bdew jaħdmu. Meta jkollna bżonn tabib għat-tifel, immur taċ-ċentru tas- saħħa imma mbagħad xorta nkun irrid nixtri l-mediċina, kemm għat- tifel u anke għalija." Fil-fatt, Carmen tbati mid- dipressjoni, kawża tal-istress u l-ansjetà li għandha u jkollha tixtri l-mediċina biex tieħu l-kura li għandha bżonn. "Jiena ma ngħixx. Jiena neżisti biss u neżisti għat-tfal," temmet tgħidilna b'qalbha miksura. Dawk kollha li jixtiequ jagħtu l-għajnuna lil Carmen u lil uliedha biex tgħix ħajja aħjar u aktar dinjituża jistgħu jagħmlu kuntatt mal-gazzetta ILLUM. 'Jiena ma ngħixx. Jiena neżisti biss u neżisti għat- tfal'

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 11 September 2022