Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1479274
04 aħbarijiet IL-ĦADD 18 TA' SETTEMBRU 2022 • illum Aktar minn nofs il-poplu jara l-għoli tal-ħajja bħala l-akbar sfida... imma l-Maltin ħafna aktar ottimisti dwar l-ekonomija u x-xogħol L-għoli tal-ħajja u l-ambjent jibqgħu l-akbar żewġ sfidi għal Malta u l-Unjoni Ewropea, skont il-Maltin. Iżda l-inkwiet u l-pessimiżmu ekonomiku fost il-Maltin huwa ħafna inqas milli fost l-ewropej ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Minkejja li l-Maltin huma ħafna aktar pożittivi mill-ewropej dwar l-ekonomija, l-impjiegi u s-sitwazzjoni finanzjarja personali tagħhom, l-akbar inkwiet tal- Maltin matul Ġunju u Lulju li għaddew kienet l-għoli tal-ħajja u l-prezzijiet. Fil-fatt mistoqsijin x'jaħsbu li huma l-akbar żewġ sfidi li qed tiffaċċja Malta bħalissa, 52% tal-Maltin semmew l-għoli tal-ħajja. Meta mistoqsijin liema jaħsbu li huma l-akbar żewġ sfidi li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea, mill-ġdid l-aktar li ssemmiet kienet l-għoli tal-ħajja: 32%. Dan is-sentiment jirriżulta minn sondaġġ tal-Ewrobarometru ppubblikat dan ix-xahar u jirrifletti l-fatt li fl-aħħar xhur il-prezzijiet tal-ikel u prodotti bażiċi baqgħu telgħin biex l-inflazzjoni laħqet l-ogħla livelli fi snin, fl-aħħar ġimgħat. L-aktar prodotti li għolew huma l-laħmijiet u l-prodotti kollha derivati minnu, prodotti gejjin mill-qamħ, prodotti derivati minn ħalib u oħrajn. Jidher iżda li ż-żieda fil-prezzijiet kienet waħda li laqtet ħafna setturi u prodotti, estensivament fis-suq kollu. L-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru kif l-inflazzjoni f 'Lulju telgħet għal 6.82 - sitt darbiet iktar mill-inflazzjoni f 'Lulju ta' sentejn ilu. L-ikel u l-housing kienu l-aktar żewġ setturi li esperjenzaw inflazzjoni matul Lulju b'indiċi ta' 11.48 u 15.3 rispettivament. Din ir-realtà hija riflessa wkoll madwar l-Unjoni Ewropea b'medja ta' 54% tal-ewropej li jħossu illi l-għoli tal-ħajja hija l-akbar sfida f 'pajjiżhom u 34% iħossu li l-għoli tal-ħajja u l-prezzijiet huma l-akbar problema u sfida madwar l-UE. Għall-Maltin l-ambjent huwa t-tieni l-akbar sfida, għall-ewropej hija l-fornitura tal-enerġija L-affarijiet jinbiddlu meta jirrigwarda it-tieni l-akbar sfida, meta tqabbel ir-risposti tal-Maltin u dawk tal-ewropej. Fil-fatt il- Maltin jħossu li t-tieni l-akbar sfida li qed jiffaċċja pajjiżna u anke li qed tiffaċċja l-UE hija l-ambjent u l-bidla fil-klima. Fil-fatt 24% tal- Maltin jaħsbu li din hija l-akbar sfida li qed jiffaċċja pajjiżna, filwaqt li it biss aktar (25%) jemmnu li din hija l-akbar sfida li qed tiffaċċja l-UE. Fil-każ tal-medja ewropea dan it-tħassib dwar l-ambjent jinżel għar-raba' post fil-lista ta' sfidi. Dan jista' jkun riflessjoni tal-kuxjenza ambjentali li f 'pajjiżna qegħda dejjem tiżdied, kif jixhdu ħafna kummenti fuq il-midja soċjali u protesti li saru fl-aħħar snin kontra diversi forom ta' żvilupp. Minflok, it-tieni l-akbar inkwiet tal-ewopej hija l-fornitura tal-enerġija, li hija riflessjoni ta' nuqqas ta' gass wara s-sanzjonijiet imposti fuq kumpaniji Russi u fuq xiri ta' gass mir-Russja. Din il-ġimgħa stess il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen, fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea (SOTEU) spjegat kif il-fornitura tal-gass mir-Russja naqset minn 40% għal 9%. Dan, flimkien ma' mewġ ta' sħana aktar qliel madwar l-ewropa u l-għeluq ta' numru ta' impjanti nukleari qed iwasslu għal inqas fornitura ta' gass u prezzijiet, fi kliem Von Der Leyen ukoll, "10 darbiet iktar." Fil-fatt l-istess Kummissjoni Ewropea daħlet fi ehim mal- Ażerbajġan għall-provvista tal-gass. Huma 22% tal-ewropej li jaħsbu illi l-fornitura tal-gass hija l-akbar sfida nazzjonali, persentaġġ li jinżel sew għal 8% fil-każ tal-Maltin. Huma aktar - jiġifieri 28% tal- ewropej li jħossu illi l-akbar sfida tal-UE hija l-fornitura tal-enerġija, persentaġġ li jinżel għal 14% biss fil- każ tal-Maltin. Il-Maltin huma ħafna iktar pożittivi dwar l-ekonomija u x-xogħol L-Ewropej huma ħafna iktar inkwetati dwar l-ekonomija milli huma l-Maltin. Id-doppju fil-fatt, hekk kif 20% tal-ewropej iħossu li l-ekonomija hija l-akbar sfida nazzjonali, persentaġġ li jonqos bin-nofs - għal 10% fost il-Maltin. Mistoqsijin kif jaħsbu li sejra l-ekonomija 79% tal-Maltin wieġbu illi sejra tajjeb ħafna. Dan juri allura illi minkejja pandemija u minkejja l-inkwiet dwar l-għoli tal-ħajja maġġoranza qawwija ħafna ta' Maltin xorta jħossu li l-ekonomija Maltija qed tiġri 'l quddiem. Dan jista' jkun ukoll frott diversi fatturi, fosthom staġun turistiku li jidher illi huwa b'saħħtu, industrija tal- kostruzzjoni li għadha qed tikber b'rata mgħaġġla - għall-għadab ta' bosta - u anke l-fatt li jidher illi l-konsum privat reġa' qabad rittmu tajjeb. Dan jikkuntrasta bil-qawwi mas-sentiment ekonomiku fost l-ewropej fejn huma 34% biss li jemmnu illi l-ekonomija ta' pajjiżhom sejra tajjeb. Minn naħa l-oħra kważi żewġ terzi tal-ewropej iħossu illi l-ekonomija ta' pajjiżhom sejra ħażin ħafna. Mistoqsijin dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom u tal-familja tagħhom, il-Maltin ukoll huma ħafna aktar pożittivi hekk kif 86% jgħidu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom hija waħda tajba ħafna. Dan filwaqt illi l-persentaġġ jinżel b'16% fost il-pajjiżi ewropej. Dwar l-impjieg tagħhom 82% tal-Maltin huma pożittivi u allura jidher li f 'Malta - minkejja kollox - għad hawn sens ta' sigurtà li n-nies mhux se jitilfu l-impjieg tagħhom. Dan il-persentaġġ jieħu tisbita ta' 21% fost l-ewropej għal medja ta' 61% li jemmnu illi s-sitwazzjoni tal- impjieg tagħhom hija waħda tajba. Id-differenzi huma aktar ċari meta l-parteċipanti kienu mistoqsijin dwar l-aspetattiva għat-12-il xahar li ġejjin. Huma kważi nofs il-Maltin - jiġifieri 47% - li jaraw illi s-sitwazzjoni tal- impjiegi se tkun aħjar fis-sena li ġejja, ottimiżmu li jinxtorob għal 19% biss fost l-Ewropej. Fil-fatt il- medja ewropea ta' nies li jaħsbu illi s-sitwazzjoni tax-xogħol se tkun l-istess hija 40%, filwaqt li dik ta' Malta hija ta' 34%. Huma biss 15% tal-Maltin li jaraw is-sitwazzjoni sejra għall-agħar, persentaġġ li jikber b'aktar mid-doppju fost l-ewropej (35%). Huma mill-ġdid kważi nofs il-Maltin, jew 48%, li jħossu illi s-sitwazzjoni tal-impjieg tagħhom hija waħda li mistennija tibqa' pożittiva fis-sena li ġejja, filwaqt li huma biss 18% (30% inqas) tal- ewropej li jħossu illi dan huwa l-każ. Is-sitwazzjoni tirrepeti ruħha f 'dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni ekonomika nazzjonali fejn filwaqt li l-medja ewropea hija ta' 16% biss li jemmnu illi s-sitwazzjoni ekonomika se tkun aħjar, dan il- persentaġġ jikber bil-qawwi għal 47% fost il-Maltin, mill-ġdid allura indikazzjoni ċara tal-ottimiżmu ekonomiku fost il-Maltin. L-istess ċifri - jew viċini - huma riflessi f 'dak li jaħsbu l-ewropej u anke l-Maltin dwar l-ekonomija Ewropea.