Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1484585
11 intervista illum • IL-ĦADD 20 TA' NOVEMBRU 2022 'Fl-ambjent aħna bqajna poplu injorant għax l-ambjent ta' hemm barra ma nħossux li huwa tagħna' Is-sistema politika, il-patrunaġġ u l-għeruq tiegħu, l-ambjent ta' madwarna, il-Partit Laburista, il-bużżieqa ekonomika li se tinfaqa', l-immigrant li jdejjaqna imma li nużawh fejn jaqblilna u r-Re Borg. Aleks Farrugia f'intervista estensiva mal-ILLUM ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Inti xbajt mis-sistema politika Maltija? Inti taħseb li quddiem l-istituzzjonijiet m'int xejn ħlief numru? M'intix waħdek. Mikiel Borg bħalek xeba' u beda partit ġdid indipendenti, sejjaħ corner meeting - à là antika, li indirizza minn fuq Mitsubishi ta' lewn blu u li vera ma kienx suċċess - sakemm dan l-istess corner meeting tpoġġa fuq il-midja soċjali u beda jdur u jarawh ħafna u ħafna nies. Minn hemmhekk Mikiel sab l-appoġġ ta' Manager tal- Marketing u ta' avukat makkak. Huma jridu jibnu sistema politika Monarkika, għax jisħqu li s-sistema ta' demokrazija repubblikana - tal-voti għall- pjaċiri u l-ħokkli dahari, biex inħokk tiegħek - falliet! Imma tgħiduli dan Mikiel min hu? Ħadd ħlief il-karattru ewlieni fil-ktieb Ir-Re Borg tal-awtur u eks Editur Aleks Farrugia. L-ILLUM tistaqsi jekk il-ktieb ta' finzjoni politika li għadu kemm ħareġ hux riflessjoni tal-ħsibijiet tiegħu fuq is-sistema politika bħalissa. Farrugia qal li l-kritika hija fuq diversi livelli fil-ktieb, kemm jekk f 'dak li huwa umoristiku u anke jekk huwa fil-partijiet tal-ktieb illi huma traġiċi. "Il-kritika hija lejn is-sistema politika imma anke lejn is- soċjetà... Xi kultant aktar faċli li nippuntaw subgħajna lejn l-istituzzjonijiet imma l-istess ambjent u l-istess klima li toħloq is-sistema politika nużawhom għall-konvenjenza tagħna," qal Farrugia. 'Politiku jġib ruħu ta' patrun għax hemm min irid il-patrunaġġ' Huwa qal illi jekk teżisti l-korruzzjoni u n-nepotiżmu dawn jeżistu għax hemm min jaqbillu bil-korruzzjoni, nepotiżmu u klijenteliżmu "u jekk il-politiku jpoġġu lilu nnifsu bħala l-patrun, dan jagħmlu għax hemm min irid dak il-patrunaġġ." Ikun hemm min jgħid iżda li din il-politika qed tieħu s-sopravvent bħalissa għax il-pajjiż mhux iffaċċjat minn kwistjonijiet ta' natura kontroversjali jew kruċjali bħall-kwistjoni tal-lingwa, il- kwistjoni politiko-reliġjuża, l-indipendenza jew id-dħul ta' Malta fl-UE. Allura la ma hemmx deċiżjonijiet straordinarji ta' dan it-tip jirrenja aktar is-sens individwalista. X'jaħseb? Farrugia wieġeb billi fakkar illi din is-sistema ma ġietx ivvintata llum imma tmur lura għall-bidu tas-seklu 20 meta Malta kienet kolonja, meta l-kolonizzatur kellu jaċċetta li jagħtina Parlament, imma mhux wieħed b'saħħtu - u allura bqajna niddependu miċ- ċejċa li kien jitfa' l-ħakkiem. Dan apparti li jisħaq li hemm karatteristiċi tan-nofsinhar tal- ewropa, li jagħmlu s-sistema ta' patrunaġġ u dik korrotta iktar parti mill-kultura. "Aħna nagħmlu negozju ma' kulħadd, anke ma' Alla. Nitolbu lil Alla jaqlgħalna xi grazzja u aħna nagħtuh xi ħaġa lura." Jiġifieri qed jgħid li għandna sempliċiment naċċettaw il- korruzzjoni u niġġustifikawha? "Jiena li qed ngħid huwa kif aħna magħġunin. Issa rridu niddeċiedu jekk kif aħna magħġunin aħnix qed nimxu 'il quddiem jew irridux inbiddlu l-għaġna tagħna. Imma jekk irridu nbiddlu l-għaġna tagħna, trid tkun bidla vera u mhux superfiċjali," qal mal- ILLUM Farrugia. U kif inhi din il-bidla mela, li qed isemmi biex ma tkunx superfiċjali? Aleks Farrugia mil-ewwel jibda billi jisħaq li jekk persuna tgerger u tilmenta li Ministru huwa korrott, mhux imbagħad tmur għand il-Ministru għall- għajnuna, per eżempju. Huwa jerġa' jagħmel referenza għall-ktieb li għadu kif ħareġ - Ir-Re Borg - u jgħid li fih jisħaq li aħna rridu s-saltna tad-dritt u l-ġustizzja, "sakemm il-ġustizzja u r-rule of law jiġġebbdu għax jekk naqla' multa u forsi xi ħadd jista' jaħfirieli, aħjar. Jew jekk xi ħadd jista' jqabbeż lil ommi il-kju biex tidħol f 'dar tal- anzjani aħjar hux - imbagħad lid- driver tal-Ministru, li forsi għenni, nagħtih xi flixkun xi ħaġa. Jekk mhux se nammettu li din hija l-ħajja tagħna, inkunu qed nidħku bina infusna," sostna l-awtur. Huwa qal li ġeneralment allura nagħmlu l-aktar ħaġa komda li tista' tagħmel, "ingergru. Għalina l-libertà tal- espressjoni hija li ngergru." 'Ma tgħallimniex li din hija l-art tagħna u għadna naħsbu li din l-art hija ta' min jaħkimna' U jekk hawn tgergir popolari bħalissa żgur huwa dwar l-ambjent. Forsi aktar minn qatt qabel, jew għallinqas dik hija l-perċezzjoni. Imma jaħseb li anke fuq l-ambjent ir-raġunar huwa favur il-protezzjoni tan-natura u l-karatteristiċi urbani Maltin, "sakemm ma jkollix bżonn permess jiena"? Farrugia jibda billi jistaqsi mistoqsija rettorika: "Min qed ibiegħ dawn id-djar biex jitwaqqgħu? Dawn id-djar tas- 70ijiet u 80ijiet - kbar b'xi tliet kmamar tas-sodda u żewġ kmamar tal-banju? Huma ċittadini normali li qed ibigħuhom," beda l-argument tiegħu Farrugia. Huwa iżda mill-ewwel dawwar ħarstu fuq l-awtoritajiet ukoll. Farrugia fil-fatt qal li dan ma jeżonerax lill-awtoritajiet milli jeżerċitaw id-dritt li jiddeċiedu fejn bini jista' - per eżempju - jitla' żewġ sulari biss, jew li pjanti "koroh li jitressqu jirriġettawhom għax l-estetika ma tkunx taqbel mal-bqija tat-triq." Huwa qal ukoll li xogħol l-awtoritajiet huwa li joħolqu u jipproteġu l-ispazji miuħa u hawnhekk jiaħ bħal parenteżi li jispeċifika illi bi spazji miuħa qed ifisser spazju li jitħalla u jiġi protett fl-istat salvaġġ , "u mhux bilfors irridu nagħmlu bandli jew inkella l-bankijiet." L-ILLUM tistaqsi: Aħna poplu li nibżgħu mill-vojt tan-natura u tal-ispazju miuħ? Huwa jirrispondi billi jgħid illi aħna ma tgħallimniex li din hija l-art tagħna u għadna naħsbu li din l-art hija ta' min jaħkimna, "tal-Gvern u mhux tagħna." Huwa kompla jgħid iżda li aħna bħala poplu ma għandniex apprezzament ta' dak li mhux minsus mill-bniedem. "Jekk hemm ġnien irid ikun pulit, formalizzat, magħluq bil-ħitan - dak mhux ambjent. Huwa parti mill- ambjent, iva, imma ambjent urban. Aħna l-ambjent naturali għandna bżonn." Farrugia - ċarament ippassjonat u rrabjat fl-istess ħin fuq dan is-suġġett ikompli: "Fejn jidħol l-ambjent aħna poplu injorant għax dak l-ambjent ta' hemm barra ma nħossux li huwa tagħna." "Jekk tmur post sabiħ ta' ġmiel naturali - minn dak li għad fadal - bħall-Park tal-Majjistral, per eżempju, u jkollok karta u tarmiha mal-art, inti injorant. Ma hemmx fejn iddur magħha. Injorant!" Huwa qal li għalhekk hemm bżonn ta' aktar rangers u gwardjani tal-ambjent. Minkejja din il-kritika qawwija - awto-kritika lejn pajjiżu stess, li bħalha tant għandna bżonn u tant ma nagħmlux minħabba dak li f 'moħħna nimu bħala 'patrijottiżmu' - Farrugia jammetti li progress sar u jisħaq li l-akbar suċċess kienet u tibqa' il-kampanja 'Xummiemu' li qal illi għallmet ħafna lill-poplu biex jirrispetta l-ambjent. "Jiena vera inħoss sens ta' ħtija kieku narmi barra. Trid tkun vera egoist li tħassar l-ambjent, per eżempju tmur BBQ u tħalli l-faħam jiġri fuq ir-ramel. Naddaf warajk, ħalli kif gawdejtu int post, igawduh ta' warajk, Tkunx salvaġġ!" Ara paġni 12 u 13 Aħna rridu s-saltna tad-dritt u l-ġustizzja sakemm dawn jiġġebbdu għax jekk naqla' multa u forsi xi ħadd jista' jaħfirieli, aħjar. Jew jekk xi ħadd jista' jqabbeż lil ommi il-kju biex tidħol f'dar tal-anzjani aħjar hux