Illum previous editions

ILLUM 27 November 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1485768

Contents of this Issue

Navigation

Page 13 of 23

14 kotba IL-ĦADD 27 TA' NOVEMBRU 2022 • illum Tajjeb għax tajjeb Xogħol Toni Abela mill-ewwel jogħġbu lil Mark Vella, x'aktarx għax ma jiġi b'ebda pretensjoni u għax juri għarfien tal-forma tar-rakkont qasir u effettività narrattiva ma' kull daqqa li jagħti. Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Waħda mill-bosta novelli li jiżegħdu din l-ewwel opra ta' Toni Abela tilma r-relazzjoni bejn il- kritiku u kwalunkwe ħallieq, bħal fil-każ tar-reċensur u l-kittieb, fejn tiġi rrakkuntata storja ta' kif chef mustaċċun joqtol lill-kritiku kulinarju li rrovinah b'reċensjoni negattiva, billi jbellagħlu l-istess ikel li kien maqdarlu. L-Imħallef Abela x'aktarx, anki bħalma jalludi fid-daħla ċkejkna għal xogħlu, ma jridx jagħti tagħlimiet jew ġudizzji (anki għall-fatt li jaqla' x'jiekol billi jiġġudika), u jrid iħalli l-wisa' biex il-qarrejja jirriflettu kif jidhrilhom. Imma t-tagħlima tista' tittieħed: għax anki jekk xogħlok huwa li tikkritika – ma ninsewx li l-kritika ma tfissirx tmaqdir, imma li tiġġudika skont xi forma ta' kriterju – ma jfissirx li bilfors trid tagħmel kutrumbajsa ma' kull xogħol li tiltaqa' miegħu biex donnok aktar tisħaq dwar il- kriterju tiegħek milli dwar il-kejl studjat li fuqu suppost issejjes xogħlok. Għax spiss issib min jgħidlek li tfaħħar wisq, u jekk mhux indiskriminatament, televa dak li donnu ddestinat li jibqa' baxx. Imma jekk nibqgħu mat-tixbiha tal-kok u l-kritiku, jekk tegħemtu tajjeb l-ikel – u fis-sens, li tajjeb għax bnin u togħmuż, mhux għax sempliċement m'għamiltx imsarnek – għala ma tgħidhiex il-ħaġa u barra bid-daqq? Il-każ ta' L-Imxennqa għall-Ġiżirana u stejjer oħra (Kite, 2022) jidhirli preċiżament dan: jaf mhux se jidħol fis-sillabi jew isiru l-istudji akkademiċi dwaru, u nagħmel imħatra bħalma għamilt fuq xogħol ieħor li mhux se jirbaħ premjijiet. Lanqas ma huwa ktieb li għandu aspirazzjonijiet letterarji partikolari, anki għax ma jippruvax imur xi mkien lil hinn jew jisfida ċertu konvenzjoni u, lanqas li kieku, jagħmel dak li jgħid, jiġifieri jikteb u jirrakkonta storja. Xejn aktar, xejn inqas. Imma l-likk jolqtu, b'konsistenza, u t-togħma hija dejjem tajba. Appuntu, tajjeb għax tajjeb. Forsi qed inkejjel b'xibri, fis- sens li ma stennejtx li jkolli din ir-reazzjoni. Kotba bħal ta' Abela, fis-sens tal-kuntest li fih jinħolqu, jafu jidhru, mal-ewwel daqqa t'għajn, bħala proġett ta' vanità biex jissodisfa l-ktieb li mid- dehra kulħadd għandu ġo fih. Anki l-fatt li x-xogħol ma joħroġx akkumpanjat bil-ħoss tat-trombi, kif ukoll il-preżentazzjoni b'qoxra tradizzjonali (minkejja li dettall minn pittura ta' Jon Grech), jafu jbiegħdu 'l dak li jkun milli jesperimenta u jesperjenza xogħol ġdid bħal dan. Imma d-dehriet jafu jingannaw, u dan l-ingann kien pjaċir kbir għalija, bħalma nimmaġina li se jkun għall-qarrejja prospettivi. L-istudju introduttorju ċkejken ta' Immanuel Mifsud żgur jgħin fil-leġittimazzjoni tal-ktieb, anki fis-sens ta' garanzija tal- prodott, imma lil hinn minn dan, Abela rakkontatur prim li mhux biss imkisser fil-forma qasira, imma li kapaċi jwassalha għal tmiemha b'modi li huma dejjem sodisfaċenti. Dan is-sodisfazzjon, fil- fatt, għandu għeruq differenti. Bħalm'għidna, l-ewwel nett hemm l-għarfien tat-tradizzjoni. Abela stess jgħid kif beda jitħabbeb man-novella bil-qari ta' Poe u Maupassant, u Mifsud jagħmel distinzjoni interessanti, rikka ħafna f 'qosorha speċjalment għall-istudjuż u l-kritiku, dwar żewġ friegħi fl-istorja tan-novella Maltija. Hemm dik moderna u kontemporanja, ejja ngħidu tal-kittieba l-ġodda kritikament segwiti, li tespandi l-forom u l-potenzjalitajiet tal-ġeneru, imma hemm ukoll il-mamma tal-ġeneru li essenzjalment hija l-bażi samma għal kull żvilupp ieħor. Hija dik li jispeċjalizza fiha Abela u li jużaha b'mod modern, kontemporanju u effettiv, b'differenza minn salt novelliera oħra 'tad-darba fil' jew li ma jimxux lil hinn mill-għarfien akritiku tat-tradizzjoni, imma wkoll bħala lezzjoni fil-kitba anki għal uħud kontemporanji li l-kitba qasira tagħhom hija x'aktarx statika jew riflessiva żżejjed u nieqsa mill- għarfien tal-għodod. Huwa fil-fatt il-cra li jiddistingwi x-xogħol Abela, l-għarfien tal-mestier tan- novellier. Toqgħod taħseb, huma tassew it l-elementi neċessarji għal rakkont qasir: x'aktarx, il-piż tal-azzjoni li jinqaleb lejn l-aħħar biex tinħoloq l-iżvolta finali, sikwit mhux mistennija, jew inkella l-enfażi fuq element uniku li jsir il-pern li fuqu ddur l-istorja. Anki jekk mhux qed tinkiteb din in- novella strettament 'tradizzjonali', x'aktarx li kull żvilupp 'modern' għandu b'xi mod jirrispetta jew jagħraf dawn id-dettati bażiċi, imqar biex jissovertihom. Abela juża s-sempliċità tal-għodod b'ħila effettiva tal-imgħallem imkisser, u kull storja hija pjaċir u twettaq l-intenzjoni tagħha sew anki għax hemm il-garanzija ta' magna li dejjem taħdem sewwa u kif suppost. Dan kollu ma jfissirx li din hija xi ġabra formulajka, li ddejqek wara it jew, biex nibqgħu mal-ewwel xbiha tal-ikel, tgħaxxik tant idduq minnha. Għax lil hinn mill-forma, hemm ukoll – biex ma nsejħulux il- kontenut, għax dak potenzjalment ġudikabbli u ġudikanti – il- ġrajjiet fihom infushom, li jnixxu kontemporanjetà vibranti. Sikwit, l-istejjer ma jaqgħux fin-nassa tas-sitwazzjoni esklussivament Maltija, mhux biss għax hemm għadd minnhom ambjentati barra, imma anki għaliex il-kittieb interessat fil-kundizzjoni umana essenzjali imma anki fl-essri soċjali tal-bniedem. Dan jagħti xejra sofistikata u kożmopolita lil xogħol Abela li mbagħad tiġi kkompletata, f 'sens identitarju, bl-espressjoni individwali u unika tal-kittieb u bit-tħaddim ħaj tal- ilsien Malti. Abela ma joħroġx biss bħala interessat fi ġrajjiet il-bniedem, spiss b'empatija kbira, imma (u forsi anki bħala deformazzjoni professjonali) mgħarraf dwar id-difetti tal-umanità, dawk il- foibles li fiċ-ċokon apparentement ridikolu tagħhom jafu jdawru d-destin ta' ġrajja, u għalhekk jipprovdu l-ingredjent essenzjali għat-tip ta' novella li jħobb iħaddem l-awtur. Mhux biss, imma anki kif irrimarkat minn Immanuel Mifsud, tħoss ħarira għaddejja ta' biża', inkwiet u inċertezza, minkejja l-konsistenza ta' trattament li jinħass ħafif u mexxej. Dan ukoll karatteristika tan-novella, speċjalment dik aktar moderna, u hawn jaf jispiċċa l-bini tal-pont ta' Abela bejn tradizzjoni u oħra: l-introduzzjoni tal- inċertezza dejjem tħuf f 'ħajjitna, l-uncanny tal-istramberiji, il- koinċidenzi, u l-ironiji tal-ħajja, li xi mindaqqiet ibeżżgħu, tant li anki jiskulaw fis-sopranaturali, jew inkella jimmeraviljaw, f 'dan il-każ b'dik il-lemħa friska ta' speċi ta' realiżmu maġiku li għamilna ħabta naraw f 'xi Trevor Żahra. Biex nagħlaq, jista' jkun hemm mitt ġustifikazzjoni għat- tifħir lil din il-ġabra ta' Abela. Imma t-togħma kollox, u tibda tintiegħem mal-ewwel novella. Tista' ddum iddur u tgħid u tooq, imma dan ktieb li jolqot kull xorta ta' qarrej, u mhux biss dak ta' xogħlijiet popolari. Potenzjalment, ukoll, lezzjoni, kors 101 dwar l-elementi ewlenin tal-kitba kreattiva. Insomma, xogħol tajjeb. Tajjeb...għax tajjeb.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 27 November 2022