Illum previous editions

ILLUM 4 December 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1487298

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 23

17 kotba illum • IL-ĦADD 04 TA' DIĊEMBRU 2022 Sajf ta' Ryan Falzon sejjaħ lil Mark Vella minn fuq xkaffa ta' Kotba Calleja waqt il-Festival tal-Ktieb. U jaf ħossu kapaċi jibqa' jidwi wisq aktar b'indipendenza u personalità, anki fuq livell soċjali li jaqbel mal- analiżi tal-konfronti djalettiċi ta' żmienu. Essenzjalment bniedem sħiħ u multidimensjonali, imma mhux bħal Clark Kent li jkollu jżomm is-superpoteri mistura u jmur ibiddel fil-kaxxa tat-telefown, imma xi ħadd b'ekwilibriju identitarju li kapaċi jinnegozja l-faċċetti differenti tiegħu. Idaħħal subgħajh f 'għajnu biex iżomm l-impjieg bħala għalliem u dejjem bil-komma twila biex ma jikxifx it-tpinġijiet fuq idu, imma mbagħad dilettant tal-karozzi, tal-pjanti, tal-mużika u tal-qari, jaf imidd idejh u jaf anki (almenu skont id-deskrizzjonijiet grafiċi imma eleganti) iteef fl-għemejjel karnali u tan-namur. Karattru letterarjament sodisfaċenti, għalhekk, li la jdarras u lanqas ma jġiblek ħlewwa ta' qalb minħabba n-nuqqas ta' verosomiljanza jew inkella għax ikkargat qdusija u eżemplarjetà. Dal-ktieb kapaċi jisfronda mingħajr ħoss żejjed, li jidher li hija wkoll l-għażla editorjali tal-pubblikatur Kotba Calleja, li pproponih waqt il-Festival tal-Ktieb u ġa rreġistra bejgħ sorprendenti għall-ewwel ġimgħat u fil-kuntest tat-tiratura limitata u tal-appell tal-ktieb. Ta' min jgħid li d-disinn lussuż ta' dan ir-rumanz huwa l-istess bħal żewġ kotba oħra tal-istess pubblikatur, did-darba poeżiji ta' Claudia Gauci (Max-Xatt tat-Tamarisk) u Caldon Mercieca (Tao): fasla tale quale daqs prezz kull volum biex jindammu bħala sensiela. U, fuq riħ din l-intrapriża editorjali ġdida, donnu qed tinħass fewġa ġdida għaddejja fl-editorija Maltija, minkejja l-burraxki li qed jolqtuha u l-kriżi perpetwa tal- industrija, fejn il-pubblikaturi qed ifittxu soluzzjonijiet innovattivi imma fl-istess ħin jafu qegħdin jagħrfu li hemm pinen għatxana biex jiktbu u joħorġu. Rebbiegħa ġdida? Min jaf? Nippreferi nsejjaħlu sajf ieħor tal-letteratura, mingħajr ma nħalli l-entużjażmu jiġri bija. Imma Sajf tassew jirnexxi bħala manifest ġenerazzjonali, b'leħen li minkejja żgħożitu relattiva, wisq inqas balalu minn ċerti elementi tal-ġenerazzjonijiet ta' qablu, tant li kapaċi jsawwar dinja li titbandal mill-frivolu u s-sentimentali għall-profond u l-impenjat b'unità narrattiva kkontrollata u maħduma kif xieraq. Festival Nazzjonali tal-Ktieb li tibqa' tiftakar! Wara ħamest ijiem intensi ta' attivitajiet u bejgħ ta' kotba, iċ-ċelebrazzjoni annwali Maltija tal-ktieb intemmet. Minkejja l-maltemp, ħafna terrqu lejn il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2022, u mlew l-MFCC bil-ħajja. Il-pubbliku kellu fejn jitfixkel fil-ġid, b'rekord ta' 50 esebitur u eluf ta' kotba mnejn jagħżel. Ħafna dehru għaddejjin b'basktijiet mimlijin kotba, waqt li fl-istess ħin jittawlu lejn xi waħda mill-ħafna attivitajiet għaddejja. Matul l-ewwel tlett ijiem filgħodu eluf ta' tfal inġabru fl- MFCC biex jgħarrxu l-kotba u jaraw il-produzzjonijiet teatrali mtellgħin minn ŻiguŻajg immirati direttament għalihom, tnejn ibbażati fuq ir-rebbieħa tal-Premju Terramaxka ta' din is-sena stess, u oħra ispirata mir-rumanz e Boy in the Striped Pyjamas ta' John Boyne, li matulha setgħu jiltaqgħu mal-awtur innifsu waqt li l-illustratur Gattaldo penġa b'mod lajv. L-awtur bestseller John Boyne, wieħed mill-mistednin internazzjonali, ġie wkoll intervistat minn Leanne Ellul dwar l-aħħar rumanz tiegħu All the Broken Places. L-illustratur Gattaldo, rebbieħ ta' diversi premji, li kien il-moħħ wara l-illustrazzjonijiet ta' din l-edizzjoni, ta wkoll workshop esklussiv fuq l-illustrazzjoni għat-tfal, kif ukoll kien fuq il- panel għad-diskussjoni fuq ir-rakkuntar tal-istejjer viżwali, 'X'tiswa stampa?' flimkien mal-kartunista Malti-Amerikan Joe Sacco, il-fotoġurnalista Joanna Demarco u Teodor Reljić. Sacco, li huwa meqjus minn ħafna bħala l-kreatur tal-komiks li jirrappurtaw il-gwerer, kellu wkoll intervista intriganti ma' James Debono fuq il-proċess kreattiv li jinħema wara xogħlu. Ittellgħu attivitajiet li indirizzaw l-aspetti varji tal-industrija tal-pubblikazzjoni, fosthom 'Speed Date Letterarja', li offriet l-opportunità unika biex il-pubbliku jiltaqa' wiċċ imb wiċċ ma' persuni diversi involuti fid-dinja tal-pubblikazzjoni. Fi 'Qrara ta' Aġent Letterarju', Simon Trewin, veteran fil- qasam li ħadem ma' diversi awturi bestsellers, fosthom John Boyne, tkellem fuq l-irwol tal-aġent biex isarraf kemm jista' l-potenzjal kreattiv tal-awtur minn perspettiva ta' negozju. Gutenberg Press tellgħu seminar affaxxinanti, 'Il- Produzzjoni tal-Kotba', li mexxa lill-pubbliku mill-ewwel sal- aħħar pass fil-proċess tal-ħolqien tal-ktieb. Suċċess ieħor tal-Festival kienet l-esibizzjoni 'From Illustration to Book', imtellgħa f 'kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti, u li tagħha Dr. Nikki Petroni kienet il- kuratriċi. Permezz tagħha ġiet enfasizzata l-importanza tal-illustrazzjonijiet fl-industrija tal-pubblikazzjoni, waqt li wkoll serviet bħala vetrina għal illustraturi veterani u kontemporanji. Irnexxielha wkoll iġġib lura memorji ħelwin ta' karattri bħar-Ronnie u Fra Mudest u għalhekk serviet ukoll bħala preżentazzjoni wiesgħa tal-evoluzzjoni tal- illustrazzjoni f 'Malta. Waqt li l-Festival fetaħ tieqa fuq il-proċess minn wara l-kwinti fid-dinja tal-pubblikazzjoni, il-Festival serva wkoll bħala pjattaforma għall-esebituri biex jorganizzaw tnedijiet tal-kotba u sessjonijiet ta' ffirmar ta' kotba minn awturi magħrufa. Il-President George Vella ffirma wkoll kotba b'risq il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund. Kien hemm ukoll diskussjonijiet u sessjoniet ta' qari għaż-żgħar – li inkludew attivitajiet f 'ambjent ideali għall-awtiżmu f 'kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Inspire, kif ukoll l-ewwel poddata lajv ma' Jon Mallia, li intervista membri mill- pubbliku fuq ir-relazzjoni tagħhom mal-kotba, l-għarfien u l-kultura. F'konformità ma' wieħed mill-prinċipji tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb li jappoġġa l-ġenerazzjoni ġdida ta' kittieba, tnieda l-Konkors ta' Letteratura għaż-Żgħażagħ, f 'kollaborazzjoni ma' Aġenzija Żgħażagħ, u ttellgħet iċ- ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet tal-Konkors Nazzjonali Tal-Poeżija Doreen Micallef 2022. Wieħed ma jistax ma jsemmix ukoll it-tnedija annwali ta' Leħen il-Malti, u attivitajiet oħra bħal 'L-Isfida Msella' li tiċċelebra t-trawwim ta' kultura ta' qari fost it-tfal. Avvenimenti oħra notevoli kienu dawk li taw omaġġ lil figuri ewlenin fix-xena kulturali Maltija. Intwera għall- ewwel darba d-dokumentarju qasir maħdum minn Nest Creative, li ċċelebra l-ħajja u x-xogħlijiet tar-rebbieħa tal- Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura 2021, Rena Balzan. Avveniment ieħor fakkar lil Mario Azzopardi, figura ċentrali fix-xena kulturali, li sfortunatament ħalliena aktar kmieni din is- sena. 'Demgħat tas-Silġ?' offriet opportunità biex ħbieb, kittieba u akkademiċi jiddiskutu l-esperjenzi tagħhom ma' Azzopardi. Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2022 kien ċelebrazzjoi tal-industrija tal-pubblikazzjoni Maltija, li serva bħala pjattaforma biex jespandi n-networks tal-professjonisti tal-istess industrija. Dan kollu ma kienx ikun possibbli mingħajr il-parteċipazzjoni tal-esebituri; l-imsieħba tal- Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, fosthom il-Kunsill Malti għall-Arti, l-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma u l-Fondazzjoni Inspire, l-istaff tekniku; l-MFCC u Zaffarese Ltd; u fuq kollox dawk kollha li attendew.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 4 December 2022