Illum previous editions

ILLUM 25 December 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1489030

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 23

18 Carmel Cacopardo huwa ċ-Chairperson tal-ADPD Carmel Cacopardo opinjoni IL-ĦADD 25 TA' DIĊEMBRU 2022 • illum L-intolleranza fostna M atul din il-ġimgħa, għal darba oħra, kellna inċidenti li juru li l-intolleranza fostna, mhux biss għadha ħajja, imma għandha għeruq fondi. Nhar it-Tnejn Rebecca Buttiġieġ, Segretarju Parlamentari, u Randolph Debattista, Membru Parlamentari, fil-Parlament, tkellmu dwar ittri anonimi li irċevew, u li kienu mimlijin insulti kontra tagħhom. Dan wara li huma esprimew l-opinjonijiet politiċi tagħhom pubblikament fil-kuntest tad-dibattitu pubbliku li għaddej preżentement dwar l-abort. Din il-ġimgħa ukoll, id-dentista Miriam Sciberras ilmentat li ġie vvandalizzat il-bieb tal-klinika tagħha f 'Ħaż-Żabbar. Id-dentista Sciberras hi persuna pubblika u permezz tal-NGO Life Network Foundation tmexxi l-quddiem argumenti kontra l-abort. Dawn huma l-aħħar eżempji mingħand is-soċjetà intolleranti li qed ngħixu fiha. Bħalhom hemm eżempji oħra, li niffaċċjaw kuljum, u dan fil-konfront ta' firxa wiesa' ta' persuni, kemm persuni pubbliċi kif ukoll persuni privati. Dwar uħud minn dawn il-każijiet smajna u qrajna tul il-ġimgħat u x-xhur li għaddew. Oħrajn isofru fis-skiet. Xhieda dan, ta' soċjetà li hi marida. Fuq il-media soċjali, sfortunatament, dan qed jiġri l-ħin kollu. Mhux kulħadd hu responsabbli biżżejjed biex jifhem li l-libertà li tesprimi ruħek fuq il-media soċjali, u band'oħra ukoll, hemm marbuta magħha l-obbligu li tqis dak li tgħid u li tassigura ruħek li ma tkunx insolenti jew offensiv fi kliemek. Mhux kulħadd, sfortunatament, kapaċi jagħmel argument mingħajr ma jkun insolenti jew offensiv. Għandna l-obbligu li nirrispettaw lil xulxin dejjem. Ma hemm ħtieġa tal-ebda sforz biex nirrispettaw lil min jaqbel magħna! Id-diffikultà, għal uħud, hi meta huma jkunu ffaċċjati minn opinjoni differenti li ma jaqblux magħha u li tikkuntrasta ħafna ma dak li jemmnu jew jafu huma. Uħud jeħtieġ jitgħallmu li l-kritika tista' issir mingħajr ma tinsulta lil ħadd. L-opinjonijiet li jikkuntrastaw, jekk isiru sewwa, jistgħu jagħtu kontribut għat-tisħiħ tad-dibattitu pubbliku u tal-proċess demokatiku fil-pajjiż. Hu obbligu li nesprimu ruħna u li nipparteċipaw fid-diskussjoni pubblika. Imma huwa daqstant ieħor obbligu li nesprimu ruħna b'mod li nkunu kemm ċari kif ukoll rispettużi ta' min ikun qed jisma', jsegwi jew jaqra dak li nkunu qed ngħidu. Ir-retorika esaġerata ta' uħud flimkien ma' diskorsi li jappellaw għall-emozzjoni u mhux għar- raġuni għandhom dan l-effett li hu wieħed previdibbli. Jirnexxiehom joħorġu fil-beraħ l-intolleranza, xi drabi moħbija, imma li tul is-snin għamlet ħafna ħsara lit-tessut soċjali u demokratiku tal-pajjiż. Kien hemm mumenti meta anke jiena laqqattha. Ħafna drabi ninjora l-insulti u nħassar il-kummenti dispreġġjattivi fuq il-media soċjali u niġdem ilsieni. Kummenti li xi drabi jkunu miktuba minn persuni li jridu jikkummentaw u m'għandhomx il-ħila li jagħmlu dan mingħajr ma jesprimu mibgħeda u intolleranza grassa. Kien hemm okkazjoni ukoll, din is-sena, fejn irrappurtajna persuna lill-Pulizija u dan ġie immultat u mwissi severament mill-Maġistrat wara li hu ġie mtella' l-Qorti, ammetta u skuża ruħu. Bħali għamlu diversi oħrajn. Sfortunatament, imma, l-intolleranza għandha għeruq fondi fostna u dawn l-inċidenti jibqgħu jirrepetu ruħhom sakemm jibqgħu jsibu lil min irewwaħ. L-intolleranza hi dipendenti fuq l-attitudi li inpinġu kollox bħala abjad jew iswed. Min mhux magħna kontra tagħna, jgħidu. Inkella fuq l-attitudni li aħna biss għandna raġun u li l-bqija kulħadd huwa żbaljat u li jeħtieġ li jara d-dawl u li jikkonverti! L-intolleranza individwali sfortunatament hi rifless ta' soċjetà intolleranti li ntgħaġnet hekk tul is-snin. Nifhem li mhux dejjem faċli għax kultant hu iktar popolari li tmaqdar u tkasbar lil min ma jaqbilx miegħek. Jeħtieġ sforz biex nimxu kontra dan il-kurrent qalil li jgħix minn fuq il-preġudizzju u l-misinformazzjoni. Hu sforz li irridu nagħmlu kuljum. B'hekk biss innaqqsu l-impatti tal-intolleranza fostna. Inutli nilmentaw jekk ma nagħmlux il-parti tagħna. Mhux kulħadd hu responsabbli biżżejjed biex jifhem li l-libertà li tesprimi ruħek fuq il-media soċjali, u band'oħra ukoll, hemm marbuta magħha l-obbligu li tqis dak li tgħid u li tassigura ruħek li ma tkunx insolenti jew offensiv fi kliemek

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 25 December 2022