Illum previous editions

ILLUM 15 January 2023

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1490056

Contents of this Issue

Navigation

Page 20 of 23

21 kummerċjali IL-ĦADD 15 TA' JANNAR 2023 • illum mit-twelid tal-ħames arċipriet tal-Isla mhux biss ma' ċelebrazzjonijiet reliġjużi, imma wkoll ma' oħrajn ċiviċi. Fost il- Gran Mastri, Klawdju De La Sengle baqa', bir-raġun, iżjed maħbub minn oħrajn. Fil-fatt, fis-16 ta' Marzu 1869, waqt laqgħa kapitulari, ġie propost li jitqiegħed kwadru pittura ta' dan il-fundatur tal-Isla fl-Awla Kapitulari. Billi l-proposta ġiet milqugħa minn kulħadd, il-pittura saret, tħallset mill- Kan. Priniċerju Dun Ġwann De Pasquale, u llum tinsab ukoll fl-Awla Kapitulari. Fl-istess Kapitlu Kolleġġjali, kien hemm membri magħrufin. Filwaqt li kien hemm fosthom li wħud li ġew imsejħa u magħżula għat- tmexxija ta' xi parroċċa, fi żmien Colombo, żgur li t-tnejn l-iżjed magħrufin kienu il-Kanonku Dun Salv Gaffiero (1828- 1906) u l-Kanonku Dun Injazju Panzavecchia (1855-1925). Dawn kienu ta' valur, mhux biss għall-Isla, imma wkoll għal Malta kollha bl-ewwel wieħed isir Isqof Awżiljarju (1899) u t-tieni, wara li fl-elezzjoni tal- 1921, il-partit tiegħu kiseb maġġoranza, rrinunzja li jkun Prim Ministru peress li kien saċerdot, u okkupa kariga ta' Senatur. Il-Konċilju Vatikan I Fid-29 ta' Ġunju 1867, il- Papa Piju IX għamel sejħa lill- isqfijiet kollha biex jiltaqgħu għal Konċilju Ekumeniku. Dan kien se jkun il-Konċilju Vatikan I, l-għoxrin konċilju ekumeniku tal-Knisja Kattolika, miżmum tliet sekli wara l-Konċilju ta' Trentu, li kien fetaħ fit-8 ta' Diċembru 1869 u ġie aġġornat fl-20 ta' Ottubru 1870. Fit-18 ta' Mejju 1869, l-Arċipriet Colombo tkellem waqt laqgħa kapitulari dwar l-indulġenza plenarja li setgħet tinqala' mill-insara kollha, f 'għamla ta' ġublew biex jitħejjew spiritwalment għal dik il-ġrajja kbira tal-Knisja Universali li fetħet bl-ewwel sessjoni fil- Bażilika ta' San Pietru fit-8 ta' Diċembru 1869 u aġġornat għal żmien indefinit, fl-20 ta' Ottubru 1870, xahar wara li r-Renju tal-Italja kien okkupa Ruma u l-Papa Piju IX, beda jqis lilu nnifsu bħala priġunier fil- Vatikan. Dan kien ukoll żmien importanti għall-parroċċa tal- Isla. Monsinjur tal-Katidral Tul is-sbatax-il sena li dam imexxi lil din il-parroċċa, il- Kan. Dun Franġisk Colombo baqa' jiġi megħjun mill-viċijiet tiegħu. Bejn Ottubru 1876 u Marzu 1877, huwa kien assenti minħabba li kien mixħut. Fit-23 ta' Jannar 1879 ippresieda laqgħa tal-kapitlu għall-aħħar darba. Fl-14 ta' April 1879, amministra s-sagrament tal-Magħmudija għall-aħħar darba. Iżda, fost it-trabi kollha li għammed tul is-saċerdozju tiegħu, kellu x-xorti li jsawwab l-ilma mqaddes fuq ras tliet trabi subien li kellhom ikunu suċċessuri tiegħu. Dawn kienu Ġużeppi Tagliaferro (fit-28 ta' Ottubru 1847), Franġisk Briffa (fil-11 ta' April 1862) u Ġużeppi Adami (fis-7 ta' Mejju 1868). L-Arċipriet Colombo ġie magħżul Monsinjur tal-Katidral ta' Malta u, fid-29 ta' April 1879 inagħta l-pussess fid-dinjità ta' Teżorier. Mons. Franġisk Colombo dam jgħix qrib sitt snin oħra. Wara li rċieva l-griżma tal-morda u l-vjatku, hu miet ta' 62 sena fl-10 ta' Jannar 1885. Peres li hu kien baqa' jgħix fl-Isla, il-kapitlu, il- fratellanzi u l-għaqdiet kollha tal-Isla, akkumpanjawh minn daru sat-tarf tal-belt, imbagħad ittieħed lejn il-Katidral ta' Malta, fejn sarlu l-funeral u ġie midfun. Nota ċkejkna li, fil-Liber Defunctorum tal-parroċċa tal-Isla, takkumpanja r-reġistrazzjoni ta' mewtu, ġġib dan il-kumment: "Għal 17-il sena, kien arċipriet ta' din il- parroċċa, u kellu merti kbar." Epitaff bil-Latin, minqux fuq l-irħama li tgħatti l-qabar li jinsab fuq in-naħa tax-xellug, fuq wara u fir-rokna tan-navata ċentrali tal-Katidral Metropolitan tal-Imdina, taqra hekk: NE TEMPORE MEMORIA ABEAT/ TRIVM CANONICORVM HVIVS AEDIS MAXIMAE, / QVOS SENGLEA GENVIT, / FRANCISCI SCHEMBRI, PRAECENTORIS, / VITA FVNCTI [ANTE DIEM] III IDVS OCTOB[RES], MDCCCLXXIII, / FRANCISCI COLOMBO, / JOSEPH TAGLIAFERRO, / DOCTORIS, THEOLOGI, ARCHIPRESBYTERI, / QVORVM ALTER DECESSIT / [ANTE DIEM] III IDVS IVN[IAS], MDCCCLXXXV, / ALTER [ANTE DIEM] III IDVS FEBR[VARIAS], MCMIII, / LEOPOLDVS FARRVGIA, THESAVRI CVSTOS, / ET JOSEPH ADAMI, CANONICVS, / DIVINARVM RERVM DOCTORES, / HOC IN SEPVLCRVM / TRANSLATIS CINERIBVS COLLEGIS ET CONTERRANEIS, / TITVLVM POSVERVNT. Meta tradotta għall-Malti minn Profs. Oratio Vella, tiġi taqra hekk: "Biex ma tgħibx il- memorja ta' tliet Monsinjuri ta' dan il-Katidral, li Senglea nisslet, dik ta' Franġisku Schembri, Kantur, li miet fit-13 ta' Ottubru, 1873, ta' Franġisku Colombo u ta' Ġużeppi Tagliaferro, studjuż, teologu, arċipriet, li minnhom wieħed miet fil-11 ta' Ġunju, 1885, u l-ieħor fil-11 ta' Frar, 1903, Leopoldu Farrugia, Teżorier, u Ġużeppi Adami, Monsinjur, Dutturi tat-Teoloġija, poġġew (din) l-iskrizzjoni għal kollegi u kompajżani wara li l-fdalijiet (tagħhom) ġew trasportati lejn dan il-qabar." Fir-rigward ta' Mons. Colombo, hawn ninnutaw żball għaliex filwaqt li hu miet fl-10 ta' Jannar 1885, skont din l-iskrizzjoni, miet fil-11 ta' Ġunju, 1885. Minn din l-iskrizzjoni nsiru nafu wkoll li dan il-qabar, ma kienx il-qabar oriġinali li fih indifen Mons. Colombo.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 15 January 2023