Illum latest edition

ILLUM 12 March 2023

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1494703

Contents of this Issue

Navigation

Page 10 of 23

11 analiżi illum • IL-ĦADD 12 TA' MARZU 2023 10 snin tal-Labour: Minn tkabbir ekonomiku rekord u drittijiet ċivili għal assassinju li ħammeġ isem pajjiżna Għaddew 10 snin minn meta l-Partit Laburista ħa t-tmun tal-pajjiż f'idejh, b'rebħa sa dak iż-żmien rekord li rat jiem ta' ċelebrazzjonijiet, mass meetings u tpaqpiq. Il-Partit Laburista kien lura fil-Gvern wara 15-il sena, meta kien dam biss fil-Gvern kważi sentejn. F'din l-analiżi se nagħtu ħarsa lejn diversi oqsma, kontroversji u anke avvenimenti li għamlu dawn l-10 snin taħlita ta' suċċessi, kontroversji, rebħiet kbar u kriżijiet, bidliet, riżenji u tiġdid. Tajjeb jew ħażin, taqbel jew le, ir-rittmu ekonomiku b'saħħtu ħafna li esperjenza il-pajjiż fis- snin ta' qabel il-pandemija, speċjalment fl-2019 kien mutur ewlieni li wassal sabiex il-Gvern Laburista jibqa' popolari ħafna. Ejja nħarsu lejn l-istampa sal-2019, biex nimu aħjar, għallinqas dak li qalulna ċ-ċifri li jitrattaw l-ekonomija, dak li kien qed jiġri qabel il-pandemija. Jekk inqabblu l-kejk ekonomiku tal-pajjiż bejn l-2013 u l-2019, skont ċifri tal- Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, naraw illi l-ekonomija kibret doppjament, hekk kif filwaqt li fl-2013 l-ekonomija kienet qed tiġġenera €7.6 biljun f 'ġid (Prodott Gross Domestiku), fl- 2019 dan tela' għal €13.2 biljun. Li jfisser li l-ekonomija in ġenerali kibret b'€5.5 biljun. Jekk wieħed iħares lejn is- setturi ekonomiċi jara illi t-tkabbir kien f 'kull settur għalkemm kien hemm tkabbir partikolarment qawwi ħafna f 'uħud mis-setturi, fosthom f 'dak li jitratta bejgħ bl- imnut (retail) u attivitajiet tal-ikel u akkomodazzjoni, fejn filwaqt li fl-2013 kienu qed jiġġeneraw €1.5 biljun f 'ġid, fl-2019 din iċ-ċifra splodiet 'l fuq għal €2.4 biljun - jiġifieri żieda ta' kważi biljun ewro. Is-settur finanzjarju żdied b'€123 miljun f 'dawn is-sitt snin għal total ta' €657.4 miljun, filwaqt li s-settur tal-informazzjoni u komunikazzjoni żdied bil-qawwi wkoll (+€418 miljun) għal total ta' €786.6 miljun. Il-kostruzzjoni ukoll rat żieda konsiderevoli għalkemm xorta - minkejja perċezzjoni li l-ekonomija qed iżżomm fuq il-kostruzzjoni - iċ- ċifri juru illi fil-fatt dan huwa wieħed mill-inqas setturi li joħolqu ġid fl-ekonomija. Skont il-pjattaforma Statista, it- turiżmu f 'Malta kiber ħafna wkoll b'1.46 miljun turist li ġew Malta fl-2013, liema ċifra imbagħad titla' għal 2.02 miljun turist fl- 2019 - żieda ta' aktar minn nofs miljun turist. Il-konsum żdied bil-qawwi wkoll u mhux tal-Gvern biss, imma anke l-konsum privat - tal-familji - skont l-istess ċifri tal-NSO. Fil-fatt il-konsum tal- familji, u allura dak li nefqu fl- ekonomija, kien ta' kważi €3.9 biljun fl-2013, li tela' għal €4.8 biljun fl-2019, differenza ta' kważi biljun. L-esportazzjoni u anke l-importazzjoni żdiedu. Fil-fatt fl-2013 esportajna it aktar minn €11-il biljun, biex imbagħad fl- 2019 Malta esportat b'valur ta' €15.3 biljun. L-importazzjoni wkoll żdiedet, minn €10.6 biljun fl-2013 għal €13.4 biljun fl-2019. Ix-xenarju tal-impjiegi wkoll kien wieħed pożittiv u kkaraterizzat minn livelli baxxi ħafna ta' qgħad. Skont rapport tal-istess NSO ir-rata ta' nies f 'impjieg fl-2018 kienet ta' 71%, meta fl-2008 - 10 snin qabel - kienet ta' 56%. Bejn l-2008 u l-2018 ir-rata ta' nisa f 'impjiegi żdiedet minn 61% għal 81%. Tajjeb infakkru li din iż-żieda tiġi fi żmien meta Gvern Laburista beda ċ-Childcare b'xejn, servizz li sa qabel beda jkun offrut mingħajr ħlas kien jiswa' l-eluf. Din il-miżura - li kienet tgħodd biss għal ġenturi li jaħdmu - tat l-inċentiv biex bosta nisa joħorġu jaħdmu u kienet mfaħħra minn bosta għaqdiet u mill-imsieħba soċjali. L-ekonomija għalhekk fl- ewwel snin ta' Gvern Laburista għaddiet minn boom qawwija li naturalment ma kellhiex impatt fuq il-bwiet ta' kulħadd, iżda żgur illi kellha effett fuq bosta ħaddiema u negozji, speċjalment dawk li b'xi mod jew ieħor huma marbutin mal-qasam tal- akkomodozzjoni, turiżmu u servizzi. Jekk hux tal-ħwienet, lukandi, tat-taxis, ristoranti, bars u mijiet ta' stabbilimenti oħrajn. L-istess ġara fil-qasam finanzjarju, li naturalment kellu impatt qawwi wkoll fuq is-settur tal-kiri. Fil-fatt is-settur tar-Real Estate kiber minn €379.8 miljun fl-2013 għal €551.6 miljun fl-2019. Is-settur tal-proprjetà kien ukoll imbuttat mill-qasam tal- buy-to-let, b'mijiet ta' familji jixtru proprjetà biex jikruha u allura jkollhom dħul addizzjonali. Fil-fatt is-settur tal-proprjetà kien l-aktar wieħed illi baqa' għaddej b'saħħa, minkejja l-pandemija. Statistika mill- ġdid tal-NSO turi illi fl-2020 saru 10,158 kuntratt għal xiri ta' proprjetà, liema numru żdied fl- 2021 u reġa' fl-2022 meta kienu saru 13,079 kuntratt. Dawn huma s-snin tal-pandemija. U finalment, kif kienet is- sitwazzjoni tal-investiment f 'pajjiżna sal-2019? Matul din is-sena kien hemm żieda ta' €3.3 biljun fl-investiment dirett barrani li kien sar f 'Malta, bil-kontributuri kruċjali u ewlenin jkunu attivitajiet fl-oqsma finanzjarji u tal-assigurazzjoni. Dan minkejja li kien hemm tnaqqis f 'dan l-investiment: Minn €4.3 biljun għal €2.8 biljun, bejn l-2015 u l-2019. Dawn iċ-ċifri u oħrajn jindikaw ekonomija fi stat tajjeb ħafna ta' saħħa. Ekonomija li ħolqot ix- xogħol - hux dejjem ta' kwalità jew le hija kwistjoni oħra - li dawwret ir-rota għal ħafna nies mhux biss għas-sinjur, imma li ovvjament in-negozji l-kbar gawdew mhux ħażin minnha u allura ekonomija li tat l-għodda biex il-Gvern iqassam il-flus u jżomm lill-poplu komdu jew kuntent. Il-lista ta' miżuri li ħa l-Gvern hija twila, imma fost l-aktar miżuri li niżlu tajjeb mal-poplu kienu: Qtugħ tat-taxxa tal-boll għal First u Second Time Buyers, twessigħ tal-Bands tat-Taxxa, miżuri relatati mal-proprjetà - bħall-għajnuna għal depożitu, żidiet fl-allowance għall-Carers, trasport pubbliku b'xejn għal kulħadd, għotjiet għal ġenituri, għajnuna finanzjarja għal koppji li jagħmlu l-IVF, iċ-ċekkijiet biex jilqgħu għall-għoli tal-ħajja, żieda tal-mediċini fil-Formolarju tal-Gvern, tneħħija ta' miżati marbutin mal-MATSEC, żidiet fil-pensjoni f 'kull baġit u anke żieda fl-istipendju. Tkompli f 'paġni 12 u 13 L-ekonomija: L-akbar saħħa tal-Gvern

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum latest edition - ILLUM 12 March 2023