Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1495213
Ivan Bartolo huwa Deputat tal-Partit Nazzjonalista Ivan Bartolo 17 opinjoni illum • IL-ĦADD 19 TA' MARZU 2023 Inbexxqu t-tieqa f'din il-foga parrokkjali K itbieti llum hija mqanqla minn stmerrija ta' bosta Maltin u Għawdxin li għad faddlilhom dik it-tama li jibdlu lil Malta xiħa, f 'waħda żagħżugħa li tistenna mill-ġdid politika nadifa, b'ansjetà fuqha tistenna li toħroġ l-Amapola minn bejn il-blat ippun- tat. Kitbieti llum hi mqanqla minn dak il-Laburist ġenwien li jgħid: "Xi ħadd onest m' għandux postu fil-Partit Laburista." Hemm Laburisti ġenwini fejn l-offiża m' hix qegħda ssir lill għażla partiġġjana, iżda lil konvinzjoni ġewwiena. Mhumiex jiġġieldu ma' poter, iżda mal-kuxjenza tagħhom infushom. L-agħar ġlieda tal-bniedem hija miegħu inniffsu. Għax filwaqt li jħobbu l-prinċipji ta' dawk it-12-il ġentlom, fundaturi tal-Partit Laburista, fl-istess nifs tela' fil-wiċċ il-gideb istituzzjonalizzat li sar munita li jħalli l-qliegħ. Il-Laburist ġenwien induna li kliem it-tmexxija tal-Partit tiegħu tilef it-tifsira. Il-Laburist ġenwin mhuwiex lest isegwi l-għamla ta' jasar li lesti jagħmlu sħabhom "laburisti oħra" jew inkella dawk "il- bnedmin opportunisti" li ssibhom kull fejn ikun hemm Gvern Rebbieħ. Il-Laburist ġenwin m'huwiex lest ipassi fuq il-jasar li l-katina tiegħu hi marbuta mal-ubbidjenza għamja. Il-Laburist ġenwin iweġġa meta jara li l-Partit tiegħu m'għadux jirrappreżenta liż-żgħir, lil ħaddiema, lit-tarbija fil-ġuf fost oħrajn. Il-Partitarji ġenwini jirrabbjaw meta jaraw lil Malta Maożissima. Dawn libsu ġlekk u ħamġuħ. Dawn ikkuppjaw lil Bertold Brekt, li l-ewwel iż-żaqq imbgħad il-morali. Riedu jagħmlu ħoss u jkunu l-bidla, imma biex tkun il-bidla, l-ewwel trid timbidel INT. Saħansitra ma ittollerrawx mara ħielsa li kienet tgħid dak li hu. Jitkellmu kif jaqblilhom u mhux kif imisshom. Il-ħabi għalihom sar passatemp. Min kien jiflaħ it ġabuh għarkubbtejh. Ħadu mingħand min baqa lura u qassmu għand min jieħu ħafna. Manuvrar kodard, li għad jisfronda kull qiegħ. Għosfor ir-rispett lejn min isegwi minn barra. Dan hu t-torment li qered ruħ il-poplu, b'politika li għejjiet lil kulħadd, b' politika li qed toffri qlub artifiċjali. Politika li tilfet il-fiduċja fil-politiċi. Illum l-għajta hi illi "li kieku kont iżgħar tlaqt minn dal-pajjiż." Il-qofol tat-torment tar-ruħ Maltija -il-wiċċ l-ieħor li għalihom sar aqwa mill-prinċipju tal-kostituzzjoni. Quddiem folla kbira jgħajtu li l-abjad hu iswed u li l-iswed hu abjad. Aħna nemmnu li l-kuxjenza ma titkellimx bin-numri. Għalina l-abjad jibqa abjad anki jekk il-maġġoranza tippreferi l-iswed. Personalment dejjem hekk kont u hekk irrid nibqa, akkost li nbati prezz li jifdi maż- żmien. Fittixt dejjem is-sewwa u għalhekk qsamt it-triq, mhux għax opportunist, kif hemm min jipprova jpinġini. L-imġieba tiegħi mhijiex imsieħba mal-ħlied, u l-burdata qatt ma tkun vjolenti. Spiss inkun imdawwar b'argumenti li tilfu s-sies oġġettiv tagħhom, spiss inkun imdawwar bi bnedmin li għalihom il-kalma mhijiex stmata u l-qima lejn il-bniedem tikber jew tmut skond f 'liema blokk tinsab. Inwarrab kliem diviżiv, firda fuq ħwejjeġ b'ħażen kapriċċuż u attakki b'għamla ta' difiża. Politiku li ma jimxix fuq kuxjenza nobbli jippreżenta argumenti banali, id- djalettika politika tiegħu issir snobbiżmu, l-inteliġenza ssir frugħa tal-frugħat u l-ambjent isir tribali. Nagħmel ħilti li lil dawn nevithom. Nurihom b'mod ċar li ngħaddi minn ħdejhom bla ma ninduna bihom. Għalija dawn it-tip ta' bnedmin m'humiex differenti minn gastra li fuqha tpoġġi l-qsari. F'din il-foga parrokkjali ejjew inbexqu tieqa. Ejjew naħdmu għad-dritt li ngħixu mhux neżistu. Għad-dritt li naħdmu mhux ninħadmu. Għad dritt li noħolmu u mhux ngħixu l-ħolm ikraħ ta' ħaddieħor. Għad dritt li nkunu rispettati u apprezzati minn dawk li jmexxu. Aħna mhux qegħdin hawn biex nagħmlu differenza tal-bieraħ. Ilbieraħ għadda u mar... Tagħmel x'tagħmel ilbieraħ ma tista' ġġibu qatt... Lanqas sekonda waħda, lanqas nifs wieħed, lanqas ġest wieħed, lanqas kelma waħda. Ilbieraħ passat. Aħna qegħdin hawn biex ngħixu l-mument, infasslu l-ġejjieni, nattwaw il- politika t'għada, biex b' hekk IVA nistgħu nagħmlu d-differenza. U d-differenza tibda minni l-ewwel wieħed. Tinħass miċ-ċirku ta' madwari, imbgħad tibda tinħass f 'livell ta' komunità u soċjetà. Ejjew inxammru l-kmiem u mhux imneħirna. U nemmnu li dawn bħas-sħab ... meta jwarrbu huma l-ġurnata tkun ferm isbaħ!!